Lejn Għawdex li ġej

Is-Sibt, 28 ta’ Ottubru 2023: Omelija tal-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma fil-Pontifikal Solenni ta’ Jum Għawdex. Katidral tal-Assunta, Victoria.

Omelija tal-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma

“Ħobb lil Alla tiegħek b’qalbek kollha, b’ruħek kollha u b’moħħok kollu. U ħobb lill-proxxmu tiegħek bħalek innifsek. Dan huwa l-qofol tal-Liġi u tal-Profeti” (ara Mt 22:37-40). Imma naħseb illi mhux biss: huwa l-qofol tal-konvivenza umana, huwa s-sigriet ta’ kif komunità tista’ mhux biss tgħix kuntenta, imma timxi ’l quddiem mingħajr ma tħalli warajha skart. Għax komunità tista’ tiġri ’l quddiem, imma jekk tħalli warajha l-iskart – skart mhux tal-materjal, imma tal-bnedmin – hija soċjetà li ma tibqax komunità.

Qegħdin niċċelebraw Jum Għawdex. Bħal-lum 225 sena ilu, Għawdex, bħal diversi drabi oħra fl-istorja, mexa għal ftit żmien waħdu fuq saqajh. Forsi kien ukoll Għawdex is-sors, l-oriġni, l-għajnuna u s-sapport biex il-Franċiżi setgħu telqu għalkollox, setgħu ġew mibgħuta għalkollox ’il barra minn pajjiżna.

Ġrajjiet bħal dawn seħħew diversi drabi oħra fl-istorja ta’ Għawdex. Ngħidu aħna, nafu minn dokumenti antiki illi għal xi żmien, bejn is-sena 1000 u ftit wara meta n-Normanni keċċew lill-Għarab ’il barra minn pajjiżna, u fiż-żmien illi fih kien hawn l-Għarab, aktarx Għawdex saħansitra kien is-sede tal-Isqof, minn fejn kompliet il-fidi tagħna Nisranija, waqt illi f’Malta kien hemm proprju l-Iżlam, sakemm ma ġewx imkeċċijin għalkollox min-Normanni.

U diversi drabi oħra fl-istorja tagħna ħarġet bil-qawwa l-identità ta’ Għawdex, kemm b’mod pożittiv u kemm anki b’mod negattiv, għax irridu nkunu realisti. Mhux ser noqgħod ngħid kif inbidel Għawdex. Jekk nispiċċaw ingergru kif inbidel u ma nbidilx, naħseb inkunu qed naħlu l-ħin ta’ xulxin. Imma f’dan il-jum illi fih il-Mulej permezz tal-Kelma tiegħu jwasslilna din l-aħbar hekk qawwija, il-kelma tal-imħabba, illi hija l-qofol u l-essenza tar-relazzjonijiet ta’ bejn il-bnedmin, proprju llum din il-Kelma lilna l-Għawdxin trid tgħidilna xi ħaġa.

Ma nistagħġbux ftit kif Għawdex tagħna mimli kollu bini u koppja żagħżugħa ma ssibx fejn toqgħod? Ma jġagħalniex naħsbu ftit dan kollu? Ma jġagħalniex naħsbu ftit il-fatt illi Għawdex tagħna mimli karozzi, u intom tafu bħali illi ma tistax issuq fit-triq? U nistgħu nibqgħu sejrin hekk… Nafu lkoll kemm aħna li Għawdex tagħna mtela b’dawk li nsejħulhom ‘il-barranin’. Imma dawn ser nibqgħu nsejħulhom ‘barranin’?

Ejjew inħarsu ftit ’il quddiem, ejjew naraw ftit x’nistgħu nagħmlu. Ejjew ma ngħixux bin-nostalġija u l-qrid ta’ kif konna, imma bit-tama ta’ kif nistgħu nkunu. X’nistgħu nagħmlu?

F’dan iż-żmien ta’ sinodalità – illum qed jiġi konkluż is-Sinodu fil-Vatikan – meta l-Papa Franġisku ġietu din l-ispirazzjoni hekk qawwija illi wettaq u qiegħed iwettaq permezz tal-Kardinal Mario Grech li lkoll kemm aħna nafuh, jien inħoss illi din it-triq ma tgħoddx biss għall-Knisja, imma għal kull tip ta’ organizzazzjoni. Tgħiduli: ‘Ma nippruvawx nagħmluha? Ma nippruvawx niltaqgħu flimkien u nitkellmu?’. Inħoss li qatt mhu biżżejjed li tiltaqa’ u titkellem flimkien. Ir-realtà, fil-fatt, ħadd ma jaf x’inhi. Il-verità ħadd ma jaf fejn hi. Imma nistgħu naraw id-diversi perspettivi ta’ kulħadd, jew almenu ta’ ħafna, meta aħna niltaqgħu flimkien u kull wieħed u kull waħda jaqsmu flimkien il-perspettiva tiegħu u tagħha.

Tgħiduli: ‘Xi ħadd irid jiddeċiedi’. Imma altru tiddeċiedi fuq opinjoni jew tnejn, u altru tiddeċiedi, anki jekk ikun aktar diffiċli, fuq l-opinjoni u l-viżjoni ta’ ħafna. Imma tkun tonqos xi ħaġa illi jekk ma nsemmuhiex illejla, inkunu qegħdin nagħmlu sempliċement laqgħa soċjoloġika jew kulturali: aħna hawnhekk qegħdin fil-Knisja u għadna kif smajna l-Vanġelu.

Għawdex inbidel, jew aħjar, l-Għawdxin inbidlu. Noqogħdu attenti, għax nistgħu ninħbew ħafna taħt il-kelma ‘Ghawdex inbidel’. Imma l-bini ma jitlax waħdu, il-karozzi ma jiġux waħedhom, il-barranin ġo nofsna, irrispettati jew mhux irrispettati, mhumiex waħedhom. Inbidel l-Għawdxi, inbdilna aħna… u sintendi mbagħad il-kultura u l-ambjent ta’ madwarna jkompli min-naħa tiegħu jbiddel lilna.

Il-Vanġelu tal-lum qiegħed jagħtina mediċina importanti, li tista’ tgħodd għall-pjanifikazzjoni futura tagħna. Din hija mediċina li tgħodd b’mod speċjali jekk aħna rridu naqbdu din is-sistema, dan l-istil illi ħafna drabi aħna niftaħru li nagħmlu l-affarijiet flimkien, li aħna smajna n-nies. Imma tonqos xi ħaġa importanti: jonqos l-Ispirtu ta’ Alla, tonqos l-imħabba vera. Għalxejn jien niltaqa’ miegħek jew ma’ mija oħra diġà bil-pożizzjoni ċara f’rasi, diġà naf xi rrid, diġà naf fejn irrid nasal, diġà rrid inħares l-interessi tiegħi. Għalxejn! Anzi, niltaqgħu biex niġġieldu.

Imma jekk niltaqgħu bil-valuri – u hawnhekk jien inħoss illi forsi għandna bżonn nidħlu daħla fina nfusna kollha kemm aħna – ninbidlu f’kollox. Jekk nippruvaw, ninbidlu anki f’din, imma għall-aħjar u mhux għall-agħar. Ninbidlu fl-imħabba lejn xulxin, sinċiera, vera, rispett veru lejn xulxin. Dan il-Vanġelu jaħbat magħna f’soċjetà tagħna Għawdxija li kulma jmur qiegħda ssir egoċentrika: jien naħseb għalija, jien naħseb għal rasi; qiegħed sew jien, ma jimpurtani minn ħadd! Ma rridx inkun negattiv, imma din il-mentalità dieħla ħafna fina lkoll u aħna rridu noqogħdu attenti b’mod speċjali. Għax jekk aħna li għandna ċerta età ma ngħaddux il-valuri tal-ġenerożità, tal-imħabba, tal-interess fil-batut, tal-interess f’min għandu bżonn, lil ta’ warajna, liż-żgħar, dawk ser jitilgħu aktar egoċentriċi u ffokati fuqhom infushom minna.

Għaliex għandhom jiġru ċerti sitwazzjonijiet fil-gżira żgħira tagħna? Għaliex hawn ħafna nies waħedhom fil-gżira żgħira tagħna? Għaliex hawn ħafna nies abbandunati għal rashom fil-gżira żgħira tagħna? Dan mhux biss fejn għandu x’jaqsam mal-affarijiet bażiċi, mal-affarijiet l-aktar elementari bħalma hu l-ikel u l-irqad. Anki hemmhekk, intom tafu x’inhu jiġri f’pajjiżna u tafu wkoll illi l-bidla ta’ malajr tħalli ħafna skart warajha. Hekk ġralna. Hekk qed jiġrilna. Inbdilna ħafna malajr, għall-aħjar f’ħafna aspetti, imma min-naħa l-oħra l-bidla ta’ malajr tħalli ħafna konsegwenzi fuq persuni l-aktar vulnerabbli.

Intom tafu bħali, għax qed ngħixu fid-dinja kollha kemm aħna. Ma nistgħux ngħidu: ‘Għax dak moħħu ma jtihx’; irrid nara x’ser nagħmel biex ngħinu. Ma rridx ngħid: ‘Imma dak mhux bħal ħaddieħor? Mhux tort tiegħu? M’għandux il-possibbiltà jkollu l-flus fix-xahar bħal ħaddieħor? Għax jonfoqhom?’; irrid nara kif ser ngħinu. Jekk ma ngħinux lil xulxin, jekk ma nerfgħux verament il-piżijiet ta’ xulxin, jekk – kif jgħidilna Ġesù llum – dan il-kmandament tal-imħabba lejn l-ieħor bħali nnifsi ma npoġġuhx fil-prattika, allura verament ma nibqgħux nintgħarfu!

Hekk jiena noħlom illi malajr kemm jista’ jkun, kemm aħna bħala Knisja, kemm l-Istat, qabel ma jkun tard wisq noħolqu ċentri ta’ integrazzjoni vera ma’ dawk li aħna qed insejħulhom barranin, li saru u qed isiru parti mill-ħajja ta’ kuljum tagħna. Ħlief fil-knisja ma tiltaqax aktar ma’ Għawdxin. Kull fejn tmur tiltaqa’ dejjem aktar ma’ barranin. Ħażina? Tajba? Le! Dan huwa fatt. L-integrazzjoni: x’aħna nagħmlu bħala poplu biex ngħinuhom ikunu parti minna u jkunu integrati magħna?

Ħafna drabi qed jiġri li qed noħolqu sitwazzjonijiet fejn inħarsu lejhom minn fuq għal isfel, fil-mod ta’ kif nittrattawhom fuq ix-xogħol, fil-mod ta’ kif nimxu magħhom, f’ċerti negozji li jsiru. Dan kollu ma jgħinx fl-integrazzjoni, anzi, joħloq reazzjoni. Aħna għandna l-eżempju ta’ pajjiżi oħrajn u nistgħu nħarsu lejn x’qed jiġri f’pajjiżi oħra. Kemm hi importanti l-integrazzjoni, fuq livell kulturali, fuq livell soċjali u anki fuq livell reliġjuż! Qed nitkellem għalija, għalina. Anki aħna rridu nsibu modi kif nikkonvivu. Jekk hemm bżonn, nitolbu, niċċelebraw ma’ dawk li għandhom fidi differenti minn tagħna. Inkella aħna nibqgħu barranin għalihom u huma jibqgħu barranin għalina.

Dan huwa Għawdex li ġej. Dan huwa Għawdex tagħna tal-futur. Ma nistgħux aħna noqogħdu nħarsu lura u ngħidu: ‘Kemm konna sew!’. Irridu nħarsu lejn il-futur u naraw x’nistgħu nagħmlu. Niltaqgħu kemm jista’ jkun flimkien u nippjanaw ma’ xulxin għall-ġid komuni ta’ kull bniedem. Fl-aħħar mill-aħħar, dan huwa l-qofol tal-Vanġelu.

Jiena nħoss ukoll li għandha ssir xi ħaġa kemm fuq livell tal-industrija tal-bini, kemm fuq livell tat-traffiku f’Għawdex tagħna. Intom tafu li dawn huma sitwazzjonijiet fejn minn naħa, minn hu b’saħħtu, min hu qawwi, jimxi u jibqa’ miexi, u min hu dgħajjef, min hu fraġli, jibqa’ aktar lura. Imma dan mhux il-Vanġelu, ma joħloqx komunità! Dan ma jħalliniex inħossuna bil-mod il-mod aktar Għawdxin. Tkun traġedja, tkun diżgrazzja, jekk l-identità tagħna, jekk dak li jgħaqqadna flimkien, jifridna. Hemm storja u kultura li tgħaqqadna flimkien, veru, imma fl-aħħar mill-aħħar huma r-relazzjonijiet ta’ bejnietna li jgħaqqdu lilna flimkien: kemm nafu, kemm inħobbu u kemm ninteressaw ruħna f’xulxin illum. Kemm naraw il-bżonnijiet ta’ xulxin u ta’ dawk li nsejħulhom barranin illum, ta’ dawk li hemm fostna li huma minn barra llum: dan li jagħmel Għawdex tagħna llum attwali u ma nibqgħux ngħixu bin-nostalġija tal-passat.

Il-Mulej jagħtina l-grazzja, ilkoll kemm aħna, illi nerfgħu r-responsabbiltà tagħna, kollha kemm aħna, l-ewwel wieħed jien, għall-ġid tal-gżira-don li laqgħetna.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading