Il-Papa Franġisku: It-teoloġija trid tinterpreta l-Evanġelju għad-dinja tal-lum.
Knisja li hija “sinodali, missjunarja, u li ‘toħroġ’”, teħtieġ teoloġija li “toħroġ”, ukoll. Dan hu l-ħsieb wara l-Motu Proprio ‘Ad theologiam promovendum’ tal-Papa Franġisku, li ħareġ fl-1 ta’ Novembru 2023, u li jaġġorna l-istatuti tal-Akkademja Pontifiċja tat-Teoloġija.
Imwaqqfa kanonikament mill-Papa Klement XI fit-23 ta’ April 1718, bil-qosor ‘Inscrutabili’, l-Akkademja kellha l-għan “li tpoġġi t-teoloġija għas-servizz tal-Knisja u tad-dinja”. Evolviet matul is-snin fi “gruppi ta’ studjużi msejħa biex jinvestigaw u japprofondixxu temi teoloġiċi ta’ rilevanza partikolari”.
Issa, għall-Qdusija Tiegħu, wasal iż-żmien li jirrevedu n-normi li jirregolaw l-attivitajiet tagħha biex jagħmluhom “aktar addattati għall-missjoni li żminijietna jimponu fuq it-teoloġija”. Miftuħa għad-dinja u għall-umanità, “bil-problemi tagħha, bil-ġrieħi tagħha, bl-isfidi tagħha, bil-potenzjali tagħha”, r-riflessjoni teoloġika trid tagħmel lok għal “bidla fil-ħsieb epistemoloġiku u metodoloġiku”, u għalhekk tissejjaħ għal “rivoluzzjoni kulturali kuraġġuża”.
Li hemm bżonn hija “teoloġija fundamentalment kuntestwali”, kiteb il-Papa, li tkun “kapaċi taqra u tinterpreta l-Evanġelju fil-kundizzjonijiet li fihom jgħixu l-bnedmin ta’ kuljum, f’ambjenti ġeografiċi, soċjali u kulturali differenti”.
It-Teoloġija trid “tiżviluppa f’kultura ta’ djalogu u laqgħa bejn tradizzjonijiet differenti u dixxiplini differenti, bejn denominazzjonijiet Insara differenti u reliġjonijiet differenti”, tgħid l-Ittra Appostolika. Għandha tinvolvi ruħha “b’mod miftuħ ma’ kulħadd, kemm dawk li jemmnu kif ukoll dawk li ma jemmnux”.
“Dan huwa l-approwċ tat-transdixxiplinarjetà”, jispeċifika l-Papa Franġisku. L-Kostituzzjoni Appostolika ‘Veritati gaudium’ tispjega li dan ifisser li “jqiegħdu u jqanqlu d-dixxiplini kollha fl-isfond tad-Dawl u l-Ħajja offruti mill-Għerf li joħroġ mir-Rivelazzjoni ta’ Alla”. Għal din ir-raġuni, t-teoloġija trid “tagħmel użu minn kategoriji ġodda żviluppati minn forom oħra ta’ għarfien, sabiex tinftiehem aħjar u tikkomunika l-veritajiet tal-fidi u tittrasmetti t-tagħlim ta’ Ġesù fil-lingwi tal-lum, b’oriġinalità u għarfien kritiku”.
It-teoloġija hija dixxiplina li m’għandhiex tkun “astratta u ideoloġika, imma spiritwali”, jisħaq l-Papa Franġisku, “maħduma fuq l-irkopptejn, imwelda mill-adorazzjoni u t-talb; dixxiplina traxxendenti u, fl-istess ħin, attenta għall-vuċi tan-nies”.
Hija “teoloġija popolari” li l-Papa jsejjaħ “għall-ħniena indirizzata lejn il-pjagi miftuħa tal-umanità u l-ħolqien u fi ħdan l-istorja tal-bniedem, li għaliha tipprofetizza t-tama ta’ twettiq aħħari”. Fil-prattika, għall-Qdusija Tiegħu, t-teoloġija, kollha kemm hi, trid tieħu “timbru pastorali”, u għalhekk ir-riflessjoni teoloġija trid tibda “mill-kuntesti differenti u sitwazzjonijiet konkreti li fihom jinsabu l-popli”, li tkun “għas-servizz tal-evanġelizzazzjoni”.
Monsinjur Antonio Staglianò, l-president tal-Akkademja Pontifiċja tat-Teoloġija, qal, li din hija missjoni ġdida. Hija missjoni li “nippromwovu l-impenn u d-djalogu f’kull qasam tal-għarfien, sabiex il-poplu kollu ta’ Alla jintlaħaq u jinvolvi ruħu fir-riċerka teoloġika, sabiex il-ħajja tan-nies issir ħajja teoloġika”.
Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2023-11/pope-francis-motu-proprio-pontifical-theology-academy.html