Papa lir-Rabbi Ewropej: Id-djalogu huwa essenzjali għall-paċi

Print Friendly, PDF & Email

“Mhux bl-armi, mhux bit-terroriżmu, mhux bil-gwerra, iżda l-kompassjoni, l-ġustizzja u d-djalogu huma l-mezzi xierqa għall-bini tal-paċi”. B’dan il-kliem, il-Papa Franġisku tenna t-talba tiegħu għall-paċi fl-Art Imqaddsa. Waqt li nhar it-Tnejn kien qed jindirizza delegazzjoni tal-Konferenza tar-Rabbi Ewropej fil-Vatikan, il-Papa ffoka fuq il-gwerra li għaddejja fir-reġjun.

Il-Papa ma qarax id-diskors, imma ta r-rimarki ppreparati tiegħu lill-membri tad-delegazzjoni u qal li ma kienx qed iħossu tajjeb biżżejjed biex jaqrah. Matteo Bruni, d-Direttur tal-Uffiċċju Stampa tas-Santa Sede, qal lill-ġurnalisti, li l-Papa kellu daqsxejn ta’ riħ, u kellu skeda twila ta’ udjenzi dakinhar. “Hu ried isellem lir-Rabbini Ewropej individwalment u għalhekk tahom id-diskors tiegħu”, qal is-Sur Bruni. “L-attivitajiet l-oħra li kellu l-Papa kellhom issiru b’mod normali”.

Fir-rimarki ppreparati tiegħu lir-Rabbini, l-Papa Franġisku esprima wkoll it-tħassib tiegħu għat-tixrid ta’ dimostrazzjonijiet anti-Semitiċi fid-dinja bħala riżultat tal-kunflitt, li, qal, huwa jikkundanna “bil-qawwa”. Il-Papa saħaq li f’din iż-żmien ta’ vjolenza u qerda, “dawk li jemmnu huma msejħin biex jibnu l-fraternità u jiftħu toroq ta’ rikonċiljazzjoni għal kulħadd u quddiem kulħadd, f’isem Dak li Jista’ Kollox”.

Għalhekk, għandhom ikunu “xhieda tad-djalogu”, saħaq il-Papa. Tabilħaqq, qal, min-natura soċjali intrinsika tagħha, “l-umanità mhix biss kapaċi tiddjaloga, iżda hija djalogu fih nnifisha”, u “huwa biss fi djalogu ma’ Dak traxxendenti u ma’ ħutna li jakkumpanjana li nistgħu nifhmu u nimaturaw”.

“Kemm hu mportanti għalina l-fidili li nkunu xhieda tad-djalogu!”

B’referenza speċifika għad-djalogu bejn il-Lhud u l-Kristjani, l-Papa Franġisku fakkar lir-relazzjonijiet mal-Ġudaiżmu huma partikolarment importanti għall-Insara, għax “l-għeruq tagħhom huwa Lhudi”. “Għandna bżonn il-Ġudaiżmu biex nifhmu lilna nfusna aħjar”, qal il-Papa. “Għalhekk huwa mportanti lid-djalogu Lhudi-Kristjan għandu jżomm id-dimensjoni teoloġika tiegħu ħajja, filwaqt li jkompli jiffaċċja kwistjonijiet soċjali, kulturali u politiċi”.

Waqt li fakkar fi kliem il-Papa San Ġwanni Pawlu II, waqt iż-żjara storika tiegħu fis-Sinagoga ta’ Ruma fit-13 ta’ April 1986, li fiha tkellem dwar il-Lhud bħala “ħutna l-kbar”, il-Papa tenna, lir-relazzjonijiet bejn il-Lhud u l-Kristjanu huma aktar minn djalogu interreliġjuż. Huma “djalogu tal-familja”, qal.

Waqt li temm l-indirizz tiegħu, l-Papa Franġisku afferma mill-ġdid li l-Lhud u l-Insara huma “magħqudin ma’ xulxin quddiem Alla wieħed”, u huma msejħin “biex jagħtu xhieda tal-Kelma Tiegħu” bid-djalogu tagħhom, u “għall-paċi Tiegħu” bl-azzjonijiet tagħhom. “Jalla l-Mulej tal-istorja u l-ħajja jagħtina l-kuraġġ u l-paċenzja biex nagħmlu hekk. Shalom!” temm jgħid il-Papa.    

Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2023-11/pope-to-european-rabbis-dialogue-is-key-to-peace.html

%d