“Agħtu l-paċi lil xulxin”… u l-miraklu Ewkaristiku fl-Indja

Print Friendly, PDF & Email

minn Manwel Cutajar

Fil-Quddiesa, wara li ċ-ċelebrant flimkien mal-fidili Nsara jgħid it-Talba tal-Missierna,u wara li jkompli b’leħen ogħli bit-talba :“Eħlisna, nitolbuk Mulej….” u bit-talba għas-sliem, jgħid lin-nies: “Il-Paċi tal-Mulej tkun dejjem magħkom” (huma jwieġbu: “U Miegħek ukoll”),wara  jistedinhom: “Agħtu l-Paċi lil xulxin”.

Das-Sinjal tal-Paċi hu azzjoni liturġika u umanitarja,u tislima spontanja bħala simbolu reċiproku ta’ imħabba u xewqat sbieħ minn qalbna lill-proxxmu kollu tagħna.

Fil-kuntest ta’ das-Sinjal tal-Paċi nixtieq nikkwota silta mill-Eżortazzjoni Appostolika Sacramentum caritatis tal-Papa Benedittu XVI,tat-22 ta’ Frar 2007, paragrafu 49:

“Min-natura tagħha l-Ewkaristija hija s-Sagrament tal-Paċi.Fil-Quddiesa din id-dimensjoni tal-Misteru Ewkaristiku ssib espressjoni speċifika fis-sinjal tal-paċi.Żgur li das-sinjal għandu valur kbir (ara Ġw.14:27).Fi żminijietna,mimlija biża’ u konflitt,dal-ġest sar partikolarment elokwenti, hekk kif il-Knisja saret dejjem aktar konxja tar-responsabbiltà tagħha li titlob b’insistenza għad-don tal-paċi u l-għaqda għaliha nfisha u għall-familja umana kollha.Ċertament hemm xewqa rrepressibbli għall-paċi preżenti f’kull qalb.Il-Knisja tagħti vuċi lit-tama għall-paċi u r-rikonċiljazzjoni li titla’ minn kull raġel u mara ta’ rieda tajba,u tmexxiha lejn dak li “hu l-Paċi tagħna” (Ef 2,14) u li jista’ jġib il-paċi lill-individwi u lill-popli meta l-isforzi kollha tal-bnedmin ifallu.B’hekk nistgħu nifhmu l-emozzjoni li tant spiss tinħass waqt is-Sinjal tal-paċi f’ċelebrazzjoni liturġika”.

Approċċ Teoloġiku għar-Rit tal-Paċi

Fit-8 ta’ Ġunju 2014,il-Kongregazzjoni għall-Qima Divina  ħarġet l-ittra ċirkolari  Pacem relinquo vobis,(“Paċi nħallikom”) dwar “L-Espressjoni Ritwali tad-Don tal-Paċi fil-Quddiesa,u fiha nsibu dawn ir-riflessjonijonijiet teoloġiċi sbieħ dwar dar-Rit: 

“Fir-Rit Ruman,l-iskambju tal-paċi għandu jiġi mifhum u esperjenzat “fil-kontemplazzjoni Ewkaristika tal-Misteru tal-Għid bħala l-‘bewsa tal-Għid’ ta’ Kristu Rxoxt preżenti fuq l-artal”.Kristu hu l-paċi tagħna (Ef 2:14), u għan-Nisrani,skambju ta’ paċi vera huwa possibbli biss fl-ispirtu ta’ Kristu Msallab u Rxoxt…(par.3)

Issir rabta importanti bejn kif il-Fidi tagħna tiġi riflessa u ffurmata fil-qima tagħna bħala komunità (lex orandi) u l-kontenut ta’ dak li nemmnu (lex credendi);din ir-rabta trid,imbagħad, tinfluwenza kif ngħixu ħajjitna ladarba l-liturġija tkun intemmet (lex vivendi).Illum,obbligu serju għall-Kattoliċi fil-bini ta’ dinja aktar ġusta u paċifika huwa akkumpanjat minn fehim aktar profond tat-tifsira Nisranija tal-paċi u dan jiddependi ħafna mis-serjetà li biha l-Knejjes partikolari tagħna jilqgħu u jinvokaw id-Don tal-Paċi u jesprimuh fiċ-ċelebrazzjoni liturġika…” (par.7).

Text Box: huwa portal tal-aħbarijiet li jiffoka fuq kwistjonijiet reliġjużi u soċjali fl-Indja. Dan l-artikolu huwa parti minn kollaborazzjoni bejn NCR u Matters India.]Kulħadd għandu jqis din l-azzjoni bħala talba,wegħda sinċiera ta’ rikonċiljazzjoni u paċi fuq livell personali minħabba t-Tqarbin li jsegwi u t-Talba tal-maħfra li saret qabel fil-Missierna:” Aħfrilna dnubietna,bħalma naħfru lil min hu ħati għalina.” Hekk issir siġill u rahan tal-għaqda fraterna Nisranija u l-għaqda tal-Ispirtu,li tinsab fis-Sinjal tal-Paċi.Wara kollox dak hu l-għan ewlieni ta’ din l-azzjoni Qaddisa u tant mixtieqha minn Kristu nnifsu u mill-Knisja Tiegħu.

Is-Sinjal tal-Paċi huwa parti mill-proċess ta’ tħejjija biex nirċievu l-Ewkaristija Mqaddsa.Nippreparaw qalbna biex nirċievu l-Ikel Qaddis tas-Salvazzjoni.Waqt il-Quddiesa,ħa noffru d-doni tagħna ta’ radd il-ħajr u tifħir lil Missierna tas-Smewwiet,irridu nkunu wkoll nies paċifiċi,nies li naħfru,li nawguraw lil xulxin il-paċi,kif ikkmanda Kristu.Irridu nirrikonċiljaw ma’ xulxin qabel, waqt u wara l-Quddiesa,fil-paċi ta’ Kristu.                         

Fl-Istorja tal-Knisja

Għall-Insara tal-bidu,il-bewsa qaddis kienet assoċjata mal-paċi u l-għaqda mogħtija mill-Ispirtu s-Santu lill-kongregazzjoni.Il-kitbiet tal-Missirijiet tal-Knisja bikrija jitkellmu dwar il-bewsa qaddisa,li huma kienu jsejħulha “sinjal ta’ paċi” li kienet diġà parti mill-liturġija Ewkaristika,li seħħet wara t-Talba tal-Mulej (il-Missierna).Hekk,fil-Kostituzzjonijiet Appostoliċi,dokument tar-4 seklu wK, jgħid  “ħalli l-isqof (u s-saċerdot) isellem lin-nies u jgħid:Il-paċi ta’ Alla tkun magħkom ilkoll.U ħalli n-nies iwieġbu:“U bl-ispirtu tiegħek” u d-djaknu ħa jgħid lil kulħadd:“Insellmu lil xulxin bil-bewsa qaddisa”.

Għalhekk,dak li nsejħu s-“sinjal tal-paċi” il-Knisja tal-bidu sejħet il-“bewsa tal-paċi”.Kienet drawwa fil-kultura Mediterranja ta’ dak iż-żmien(u anki ta’ issa) li l-familja u l-ħbieb isellmu lil xulxin b’bewsa.Dal-ġest insibuh tul l-istorja liturġika tal-Knisja u minn żmien il-Papa San Girgor il-Kbir (540 – 604 AD) kien meqjus bħala pre-rekwiżit biex wieħed jirċievi l-Ewkaristija.Il-bewsa tal-paċi kienet tipikament mogħtija biss lil dawk li kienu wieqaf ħdejn xulxin u aktar tard ġie żviluppata l-idea li l-bewsa tal-paċi tinżel mill-artal-santwarju u tiġi mgħoddija lill-poplu,li tissimbolizza li l-paċi ġejja minn Kristu.Dan kien aktar ikkonsolidat meta s-saċerdot kien l-ewwel ibus l-artal u mbagħad jgħaddi dil-bewsa lill-attendenti tiegħu.

Il-Miraklu Ewkaristiku ta’ Vilakkannur,Indja

Fil-15 ta’ Novembru 2013, waqt quddiesa ċċelebrata mill-Kappillan Fr Thomas Pathickal fil-Knisja ta’ Kristu Re,f’Vilakkannur,Kannur,parroċċa f’Kerala,li tagħmel parti mill-Arċidjoċesi Syro-Malabar ta’ Tellicherry,l-Indja,deher Wiċċ Ġesù Kristu fuq l-Ostja Kkonsagrata.

Eluf ta’ nies,kemm Kattoliċi kif ukoll Hindu u Musulmani,marru fil-knisja  biex jaraw, u  l-Kattoliċi biex iqimu l-Ostja.

Tlett ijiem wara li seħħ l-allegat Miraklu,l-Arċidjoċesi ta’ Tellicherry ħadet l-Ostja kkonsagrata għall-Evalwazzjoni xjentifika u studji teoloġiċi,u  informat s-Santa Sede dwar il-każ.Minnufih twaqqfet Kummissjoni Arċidjoċesana u nbdiet l-Evalwazzjoni. Sadattant,il-Kardinal George Alencherry,Kap tal-Knisja Kattolika Syro-Malabar ipprojbixxa diskussjonijiet fost il-kleru u l-poplu Kattoliku Indjan dwar il-każ, s’intendi biex hekk ma jinħolqux dikjarazzjonijiet jew  xniegħat qabel ma jkunu ħarġu r-riżultati mill-evalwazjonijiet teoloġiċi u xjentifiċi u approvati uffiċjalment mill-Knisja Kattolika, u nħarġet dikjarazzjoni uffiċjali mill-Vatikan.

Ħames snin wara fil-“Girideepam”(Dawl tal-Muntanja),ir-rivista uffiċjali tal-Arċidjoċesi,fil-ħarġa ta’ Settembru 2018,ġiet ippubblikata nota mill-Arċisqof Njaralakatt li ħabbar id-deċiżjoni tal-Knisja li peress li l-Ostja baqgħet intatta anke wara ħames snin,l-Arċidjoċesi se tirritorna l-Ostja lill-parroċċa ta’ Kristu Re f”Vilakkannur.

Din kienet aħbar ta’ ferħ kbir għall-parruċċani !

 Il-kappillan Patri Jacob Kutikattukunnel ta’ dak iż-żmien u 14-il membru tal-kumitat parrokkjali ġabu r-relikwa mid-Dar tal-Arċisqof f’Tellicherry, xi 70 km fin-nofsinhar ta’ Vilakkannur, u  l-ewwel ittieħdet fl-kappella f’intersezzjoni f’Oduvally, xi 5 km bogħod mill-knisja parrokkjali.  Wara, nġiebet mill-kappella f”Purċissjoni Solenni għall-Knisja Parrokkjali ta’ Kristu Re f’Vilakknnura.

Preżenti għall-okkażjoni kien hemm ukoll Patri Thomas Pathickal, li kien il-Kappillan meta seħħ il-fenomenu fil-15 ta’ Novembru, 2013.

Rais Parakudiyil, membru tal-kumitat parrokkjali, sostna li seħħew ħafna bidliet spiritwali fiż-żona fl-aħħar ħames snin.“Dawk li żammew ‘il bogħod reġgħu skoprew il-fidi tagħhom u bdew jiġu l-knisja,” qal lil Matters India.”  Ir-relikwa hija barka għallknisja tagħna u l-irħula tal-madwar,” żied jgħid. Huwa atttribwixxa l-fenomenu li seħħ ħames snin ilu għall-ħajja qaddisa ta’ Patri Pathickal.Qal li l-knisja issa tiġbed mijiet ta’ nies kuljum, u ħafna minnhom huma Ħindu u Musulmani.B’differenza mill-kaos ħames snin ilu, in-nies din id-darba kienu ordinati u kwieti.Meta seħħ il-fenomenu ħames snin ilu, aktar minn 100,000 ruħ inġabru l-knisja meta kienu semgħu l-aħbar li Wiċċ Ġesù deher fuq il-Ħobż Imqaddes waqt il-Quddiesa ta’ filgħodu.

.Li tagħti l-Ostja Sagra lill-knisja ta’ Vilakannur ma jfissirx li ġiet aċċettata uffiċjalment bħala Miraklu Ewkaristiku,” kien qal l-Arċisqof Njaralakatt fl-ittra.Il-Prelat qal li l-Arċidjoċesi ħadet id-deċiżjoni li  tkompli dejjem tistudja aktar il-kwistjoni u li tosserva u tirreġistra sinjali possibbli li jistgħu jseħħu fil-futur fil-preżenza tal-Ostja Sagra. L-Ostja Sagra mhix tajba għall-konsum peress li għandha erba’ snin.Għalhekk, għandha jiġi ttrattata biss bħala relikwa u mhux bħala ħobż Ewkaristiku, kompla spjega l-Prelat.Talab ukoll lill-parroċċa biex ma żżommx l-Ostja fuq l-artal maġġur jew tużaha għall-Adorazzjoni Ewkaristika pubblika qabel ma joħroġ ir-rapport uffiċjali mill-Kummissjoni teoloġika tal-Knisja..Għandha tinżamm f’post irranġat apposta fuq artal tal-ġenb flimkien ma’ fdalijiet oħra fil-knisja,” spjega l-Arċisqof.

L-Arċisqof ried li l-parroċċa tirreġistra kull sinjal u ġrajjiet sopranaturali u żżommhom b’mod xjentifiku ‘reqqa kbira u tagħmilhom disponibbli għall-ispezzjoni u l-istudju mill-awtoritajiet tal-Knisja. Fl-aħħarnett,ir-rivista Arċidjoċesana qalet li l-Ostja għaddiet minn studji xjentifiċi estensivi mill-Kummissjoni Teoloġika Internazzjonali tal-Knisja, skont il-linji gwida tas-Santa Sede,li wrew li l-fenomenu jista’ jitqies bħala Miraklu Ewkaristiku.Dan deher fir-rapport ta’ Matters India tat-13 ta’Jannar,2020,li hu sors ewlieni ta’ Aħbarijiet Soċjoekonomiċi u Reliġjużi tal-Indja.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading