Jalla jibdlu x-xwabel tagħhom f’sikek tal-moħriet, u l-lanez tagħhom fi mnieġel.
Mill-Messaġġ Urbi et Orbi tal-Papa Franġisku f’Jum il-Milied 2023.
Il-profeta Iżaija, li kien ħabbar il-Prinċep tal-paċi, kiteb dwar jum li fih “nazzjon ma jerfax ix-xabla kontra nazzjon ieħor”; dwar jum li fih “ebda ġens ma’ jerfa’ x-xabla kontra ġens ieħor”, imma “jibdlu x-xwabel tagħhom f’sikek tal-moħriet, u l-lanez tagħhom fi mnieġel” (2,4). Bl-għajnuna t’Alla ejjew ninsistu biex dak il-jum joqrob!

Joqrob f’Iżrael u fil-Palestina, fejn il-gwerra qed theżżeż il-ħajja ta’ dawk il-popolazzjonijiet. Inħaddanhom kollha, partikolarment il-komunitajiet insara f’Gaża, il-parroċċa ta’ Gaża u l-Art Imqddsa kollha kemm hi. Inġorr f’qalbi n-niket għall-vittmi tal-attakk faħxi tas-7 ta’ Ottubru u nġedded appell mimli ħrara biex jinħelsu dawk kollha li għadhom miżmumin bħala ostaġġi. Nitlob b’ħerqa liema bħalha biex l-operazzjoniijiet militari li qed iħallu warajhom għadd tal-biża’ ta’ vittmi ċivili innoċenti, jieqfu; jinstab rimedju għas-sitwazzjoni umanitarja ddisprata u titħalla tasal l-għajnuna. Tkomlux tkebbsu l-vjolenza u l-mibegħda, imma ibdew fittxu soluzzjoni għall-kwitsjoni tal-Palestina bi djalogu sinċier u perseveranti bejn il-partijiet, imsaħħaħ minn rieda politika qawwija u bl-appoġġ tal-komunità internazzjonali. Ħuti nitolbu għall-paċi fil-Palestina u f’Iżrael.
Ħsiebi mbagħad, idur lejn il-popolazzjoni tas-Sirja mbiċċra, kif ukoll lejn il-Yemen li għadu fil-hemm. Niftakar fil-poplu għażiż tal-Libanu u nitlob biex bla dewmien jikseb stabbiltà politika u soċjali.
B’għajnejja mwaħħlin fuq il-Bambin Ġesù nitlob bil-ħrara għall-paċi fl-Ukrajna. Inġeddu l-qrubija spiritwali u umana tagħna lejn dak il-poplu mifluġ ħalli bl-għajnuna ta’ kull wieħed u waħda minna, jħoss fih il-konkretezza tal-imħabba t’Alla.
Jalla joqrob il-jum ta’ paċi definittiva bejn l-Armenja u l-Ażerbajġan. Jalla t-tkomplija tal-inizjattivi umanitarji, it-turufnati li jerġgħu lura lejn djarhom bil-legalità u s-sigurezza, u r-rispett reċiproku tat-tradizzjonijiet reliġjużi u tal-imkejjen tal-kult ta’ kull komunità, ikunu ta’ fejda għal dan il-għan.
Ma ninsewx it-tensjonijiet u l-kunflitti li qed jaqilbu ta’ taħt fuq ir-reġjun ta’ Sahel, il-Qarn tal-Afrika, is-Sudan, kif ukoll il-Kamerun, ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo u s-Sudan tan-Nofsinhar.
Jalla joqrob il-jum li fih ir-rabtiet fraterni tal-peniżola koreana jissaħħu, u jinfetħu toroq ta’ djalogu u rikonċiljazzjoni li joħolqu l-kundizzjonijiet għal-paċi dejjiema.
Jalla Iben Alla li sar tarbija umli, jispira lill-awtoritajiet politiċi u lil-bnedmin kollha ta’ rieda tajba fil-kotinent amerikan, biex isibu soluzzjonijiet xierqa sabiex jintemm in-nuqqas ta’ ftehim soċjali u politiku, biex jiġġieldu kontra kull għamla ta’ faqar li joffendi d-dinjità tal-persuni, biex jintemmu d-diżugwaljanzi u biex jaffrontaw id-djieqa li jġib miegħu il-fenomenu tal-migrazzjoni.
Mill-presepju, it-Tfajjel Ġesù jitlobna nkunu leħen ta’ min m’għandux: leħen tal-innoċenti, li jmutu minħabba n-nuqqas tal-ilma u tal-ikel; leħen ta’ min mhux jirnexxilu jsib xogħol inkella li tilfu; leħen ta’ min hu mġiegħel jaħrab mill-patrija tiegħu biex ifittex ġejjieni aħjar, bir-riskju ta’ ħajtu fi vjaġġi li jherru s-saħħa u taħt il-ħakma tat-traffikanti bla skrupli.
Ħuti, qed joqrob iż-żmien tal-grazzja u t-tama tal-Ġublew, li se jibda minn hawn u sena oħra. Dan iż-żmien ta’ tħejjija jalla jkun okkażjoni ta’ konverżjoni tal-qalb; li fih ngħidu “le” għall-gwerra u “iva” għall-paċi; biex inwieġbu bil-ferħ għall-istedina tal-Mulej li qed isejħilna, kif mill-ġdid kien ipprofetizza Iżaija, “biex inwasslu l-bxara t-tajba lill-fqajrin / biex indewwu l-qalb miksura / biex inħabbru l-ħelsien lill-imjassrin / u lill-ħabsin il-ftuħ tal-ħabs” (Iż 61,1)
Dal-kliem seħħ kollu f’Ġesù (cfr Lq 4,18), li twieled illum f’Betlehem. Nilqgħuh, niftħu qlubna lilu, is-Salvatur! Niftħulu qlubna, lis-Salvatur li hu l-Prinċep tal-paċi!