Mill-‘Gabinetti’ ta’ San Ġorġ Preca
F’dan il-‘Gabinett’ San Ġorġ Preca jsemmi ħrafa ta’ Esopo. “Biex volpi seraq biċċa ġobon minn ħalq ċawla, qalilha: “Kieku l-vuċi tiegħek hija sabiħa daqs rixek, żgur li kieku m’hawnx tajra li tgħaddik.” Hekk kif iċ-ċawla fetħet ħalqha biex issemma’ l-vuċi taghha, il-ġobon waqgħet u l-volpi ħa l-ġobon u baqa’ sejjer, ħalla ċ-ċawla tkanta weħidha.” Minn din il-ħrafa, San Ġorġ Preca jikkonkludi: “O kemm it-tifħir jagħmel dannu lil min iħobbu! Min jaf kemm merti jitilfu l-bnedmin minħabba t-tifħir, fil-vanaglorja?”
Fittex aktar minn San Ġorġ Preca u dwaru …
Hi ħrafa li fiha ħafna verità. Min-naħa hemm l-aspett tal-ingann, li San Ġorġ Preca tant għallem dwar l-inganni. It-tifħir hu velenu ħelu. Madwarna hemm min hu għandu ħabta jqarraq bina; jaqbadna, f’dak li l-Bibbja ssejjaħ ‘ix-xibka tan-nassaba’. U tistedinna nitolbu l-għajnuna t’Alla biex ma jħalliniex naqgħu f’din ix-xibka. Kif hemm fis-Salmi: “Għajnejja lejn il-Mulej dejjem, għax hu joħroġli mix-xibka riġlejja” (Salm 25, 15).
Ejjew ma nkunux moħħna fis-sħab. Hemm barra mhux kulħadd iridilna l-ġid. Anzi, fil-Bibbja nsibu li: “Għab it-tajjeb mill-art u fost in-nies mhemmx raġel sewwa. Kollha jissajjaw għad-demm, wieħed jistad lill-ieħor, u għad-deni idejhom tajbin.” (Mikea 7, 2) Ġesù jwissina wkoll b’mod ċar: ‘Ara jien nibgħatkom bħan-ngħaġ qalb l-ilpup; kunu mela għaqlin bħas-sriep u safjin bħall-ħamiem.’ (Mt 10,16.) Mhux għalxejn li San Ġorġ Preca jgħidilna: “Taf x’tgħallimt kemm ilni fid-dinja? Tgħallimt nibża’ mill-bnedmin.”
Għalhekk hemm bżonn tal-għaqal, l-aktar meta madwarna jkollna mifruxa, b’mod ta’ ingann ix-‘xibka’ li semmejna. Min-naħa qed infittxu li ngħixu ħajja tajba, dejjem lesti biex inkunu ta’ spalla għall-oħrajn, u minflok, insibu lil min jonsobna u jara kif se jagħmlilna l-ħsara. Għax fid-dinja hawn min ħajtu jgħaddiha jagħmel dak li m’huwiex sewwa u jġiegħel lill-oħrajn ibatu.
Naturalment għall-gwadann tiegħu. Il-volpi kien jaf li ċ-ċawla mhix għasfur li jiġbdek bir-rix tiegħu u lanqas ma għandha vuċi sabiħa. Dan ma kienx jinteressah. Kien jinteressah biss dik il-biċċa ġobon. Min jaf kemm telaq jiġri bil-ġobna li akkwista, filwaqt li ċ-ċawla, bil-vanaglorja tagħha, baqgħet tkanta weħidha.
It-tifħir, pero’, mhux dejjem ħażin. Tajjeb li xi drabi jkollna kelma ta’ inkuraġġiment u dan nagħmluh billi nfaħħru lil min nixtiqulu jew nixtiqulha l-ġid. It-tfal għandhom bżonn ħafna inkuraġġiment u mhux nikkorreġuhom biss. Jekk għandhom talent, ta’ arti, ta’ mużika, ninkuraġġuhom. Ħadd ma kien bravu mill-ewwel. Jekk jieħdu sehem f’xi sport, insegwuhom u nifirħu magħhom meta jirbħu. Meta jitilfu, nuruhom li huma xorta tajbin. Darba oħra jmorru aħjar.
Ma nistennewx il-perfezzjoni, imma nfaħħru lill-oħrajn anke f’dak il-ftit li jagħmlu tajjeb. Min ma jiħux pjaċir meta tgħidlu li għoġbu l-platt li sajjar jew sajret? Jekk qatt ma ngħidu prosit, m’aħniex nuru rispett lil dawk li tant jirsistu għalina.
Mela nidraw: ma nfaħħrux lil xi ħadd għall-gwadann tagħna, imma nkunu lesti biex ngħidu kelma ta’ ġid u ta’ inkuraġġiment lil dawk li aħna nħobbu.
Joe Galea