Dak li mhux tagħna

Mill-‘Gabinetti’ ta’ San Ġorġ Preca

Minn Joe Galea

F’dan il-‘Gabinett’, San Ġorġ Preca jsemmi lil Wenzu, żagħżugħ li kull filgħaxija kien jieħu mill-ħanut fejn kien jaħdem oġġetti tal-ikel jgħaddihom lil ommu. Forsi kien jaħdem f’ħanut tal-grocer. Ommu qatt ma wissietu. Lejla waħda nqabad u billi l-kont tela’ sew, Wenzu mhux biss ġie mkeċċi mill-impieg imma wkoll weħel il-ħabs. Ommu tgħidx kemm bkiet. Imma hi kienet tapprovalu s-serq li kien qed jagħmel, għax kien iġibilha xi ħaġa tajba u jiffrankalha milli tagħmel ix-xirja. Dwar dan, San Ġorġ Preca jgħid li: “F’kollox wieħed għandu jaħseb x’jiġi wara, u d-dixxiplina hija vera kawża ta’ ġid għal min jagħmilha u għal min jilqagħha”.

Hawnhekk għandna każ ta’ trobbija mhix tajba. Ta’ nuqqas ta’ korrezzjoni, li hi d-dmir tal-ġenituri. Huma ħafna dawk li għażlu t-triq il-ħażina, li ġabithom fl-inkwiet, minħabba l-eżempju u l-faqar ta’ edukazzjoni li rċevew mill-familjari tagħhom.

Fittex aktar minn San Ġorġ Preca u dwaru …

Hu prinċipju importanti: “Dak li mhux tagħna ma nixxenqux għalih”. Hu parir li kien isemmi San Ġorġ Preca. “Ma għandna qatt inħarsu lejn dak li mhux għalina.” U fil-prattika dan huwa ta’ ġid. Jaqblilna meta nimxu dejjem bl-onestà. Dak li mhux tagħna, m’għandniex x’irriduh.

Dan ifakkarni fi storja li segwejt xi sentejn ilu.  Dwar tifel li kien iħobb it-tim tal-futbol ta’ fejn kien joqgħod, li ma kienx tim mill-aqwa. Dan it-tifel, Adam, kien mistieden biex jiltaqa’ mal-players tat-team wara ġest sabiħ tiegħu. Kien sab karta ta’ 5 liri sterlini waqt li kien ma’ misieru għal-logħba bejn it-tim tal-lokal ma’ tim li kien ħafna ‘l fuq fil-klassifika.   

Adam bagħat ittra, miktuba bil-biro, lid-direttur tal-club, fejn talbu jgħaddi l-ħames liri lill-player minnhom. Kiteb hekk f’’ittra li mpressjonat: “Kont għal-logħba u sibt karta ta’ 5 liri fl-istadium u tajtha lill-papà tiegħi, li dejjem jgħidli: “Aħna ma nistgħux inżommu dak li mhuwiex tagħna”. Jekk jogħġbok agħtiha lil dak il-player li lbieraħ lagħab tajjeb u skorja. It-tifel qiegħed il-5 lira fl-envelope. Il-player iltaqa’ mat-tifel, u dan mar tajjeb, għax tawh kit komplut, jiġifieri flokk sabiħ, shorts, żarbun tal-futbol, kalżetti u souvernirs li jiswew ħafna iktar minn 5 liri. Dan ta’ Adam hu eżempju sabiħ ta’ onestà u riklam għall-ġenituri tiegħu.

Jiġri li tal-ħanut tana bqija żejda. Ma nistgħux inżommuha. Sibna xi portmoni. Min jaf kemm jinkwieta jew tinkwieta min tilfu. Nagħmlu minn kollox biex malajr nagħtuh lil min tilfu. Ma nġibux skużi li ma nafux, għax bi ftit għaqal naslu. Min jaf kieku tlifnieh aħna? Jekk ma nafux x’għandna nagħmlu, ngħadduh lil xi ħadd li għandna fiduċja fih u nħallu f’idejh. Imma, dak li mhux tagħna m’għandniex inżommuh.

U xi drabi nixxenqu għal dak li lanqas hu utli għalina. Ma nkunu qatt kuntenti b’dak li għandna. Hemm storja żgħira dwar il-filosfu Sokrate. Kien is-suq ta’ Ateni, li kien joffri ħxejjex, xogħol tas-snajja u tal-arti, ilbiesi u żraben, kif ukoll tapizzeriji fini u għamara tal-aqwa mastrudaxxi. Ħafi bħal dejjem, il-filosfu Sokrate, liebes it-toga qadima u waħdanija tiegħu, kien għaddej, b’harstu mimlija interess u msaħħar mll-ġid u mis-sbuħija tal-oġġetti. Wieħed mid-dixxipli tiegħu resaq lejh u kollu mistagħġeb qallu: “Kif inti, mgħallem, li twiddibna dwar il-frugħa tad-dinja u dwar it-trażżin tax-xewqat, jinteressak dan is-suq, bil-ġid tiegħu li tant iħajrek u b’dawn l-oġġetti kollha ta’ lussu?” Sokrate wieġeb: “Dan għaliex inħobb nara l-ħafna affarijiet li mingħajrhom nista’ ngħix ferħan!”

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading