Il-Papa jgħid li l-paċi hija r-responsabbiltà tal-familja umana kollha

Wara t-talba tal-Angelus tal-Ħadd, il-Papa Franġisku għal darb’oħra dawwar l-attenzjoni tiegħu lejn il-gwerer li hawn madwar id-dinja, u li qed jikkawżaw mewt, tbatija u qerda. Filwaqt li nvoka l-barka tal-Mulej fuq kulħadd, stieden lil dawk li jemmnu biex jitolbu għall-paċi, “li tant tistenna d-dinja u li, llum aktar minn qatt qabel, tinsab fil-periklu f’ħafna postijiet. Mhix ir-responsabbiltà ta’ ftit, imma tal-familja umana kollha: ejjew ilkoll nikkooperaw biex nibnuha b’ġesti ta’ mogħdrija u kuraġġ!”

“Ejjew nkomplu nitolbu għan-nies li qed ibatu mill-gwerra, speċjalment fl-Ukrajna, fil-Palestina u f’Iżrael.”

Il-Papa dawwat l-attenzjoni tieħu wkoll lejn il-miljuni ta’ familji fl-Asja tal-Lvant u f’partijiet differenti tad-dinja li fl-10 ta’ Frar se jkunu qed jiċċelebraw is-Sena l-Ġdida Lunari. “Nagħtihom l-awguri kordjali tiegħi, bit-tama li din il-festa tkun okkażjoni biex nesperjenzaw relazzjonijiet ta’ addezzjoni u ġesti ta’ ħarsien, li jikkontribwixxu biex tinħoloq soċjetà ta’ solidarjetà u fraternità, fejn kull persuna tkun rikonoxxuta u milqugħha fid-dinjità inaljenabbli,” qal.

Il-Qdusija Tiegħu fakkar ukoll il-fatt, li fl-Italja, il-Ħadd 4 ta’ Frar, jiġi osservat Jum il-Ħajja, u lit-tema magħżula għal din is-sena hija “l-qawwa tal-ħajja tissorprendina”. “Ningħaqad mal-Isqfijiet Taljani biex nuri x-xewqa tiegħi li negħlbu l-viżjonijiet ideoloġiċi sabiex niskopru mill-ġdid li kull ħajja umana, anke dawk l-aktar immarkati minn limitazzjonijiet, għandhom valur u li huma kapaċi li jagħtu xi ħaġa lill-oħrajn,” qal.

Il-Papa Franġisku bagħat tislima speċjali liż-żgħażagħ minn bosta pajjiżi li nġabru f’Ruma għall-Jum Dinji ta’ Talb u Għarfien Kontra t-Traffikar tal-Bnedmin. Fakkar li dan il-Jum Dinji li se jiġi ċċelebrat fit-8 ta’ Frar, hu fil-festa ta’ Santa Ġużeppina Bakhita, s-soru Sudaniża li kienet skjava meta kienet tifla. “Anke llum, ħafna aħwa qed jiġu mqarrqa b’wegħdiet foloz u mbagħad ikunu suġġetti għal sfruttament u abbuż”. Il-Papa qal:

“Ejjew ningħaqdu lkoll flimkien biex niġġieldu l-fenomenu globali drammatiku tat-traffikar tal-bnedmin.”  

Il-Kap tal-Knisja Kattolika, kompla jdawwar il-ħsibijiet u t-talb tiegħu lejn il-vittmi u dawk milquta minn nirien fatali fiċ-ċentru taċ-Ċilì. “Ejjew nitolbu wkoll għal dawk li tilfu ħajjithom u midruba fin-nirien devastanti fiċ-ċentru taċ-Ċilì,” qal.

Mill-inqas 51 persuna mietu f’nirien qawwija fil-foresti fiċ-Ċilì fejn ġie ddikjarat stat ta’ emerġenza. L-awtoritajiet jibżgħu li minħabba l-kundizzjonijiet tat-traġedja, fis-sigħat li ġejjin l-għadd ta’ vittmi se jiżdied. L-istat ta’ emerġenza japplika għall-provinċji ta’ Marga Marga u Valparaiso fejn ġie import curfew.

Fl-aħħarnett, il-Papa Franġisku sellem lill-irġiel u n-nisa kkonsagrati minn aktar minn 60 pajjiż li qed jieħdu sehem fil-laqgħa “Pellegrini tat-Tama fit-Tirq tal-Paċi”, promossa mid-Dikasteru għall-Istituti tal-Ħajja Kkonsagrata u s-Soċjetajiet ta’ Ħajja Appostolika. 

Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2024-02/pope-angelus-prayers-war-lunar-new-year-chile-fires-life-consecr.html

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?