F’Ruma tibda konferenza tal-kleru

Madwar elf saċerdot minn sittin pajjiż minn madwar id-dinja nġabru f’Ruma għal konferenza dwar il-formazzjoni klerikali. “Tqajjem fikom id-don ta’ Alla li jinsab fikom” hija t-tema tal-laqgħa, li qed issir bejn is-6 u l-10 ta’ Frar, li hija sponsorjata mid-Dikasteri tal-Vatikan għall-Kleru, l-Evanġelizzazzjoni u l-Knejjes tal-Lvant.

Il-Kardinal Lazarus You Heung-sik, Prefett tad-Dikasteru għall-Kleru, fetaħ il-konferenza billi fakkar fil-mument li l-Papa Franġisku ħatru għall-irwol attwali tiegħu. Huwa qal li “Dakinhar, isqof ħabib tiegħi qalli: ‘Issa inti responsabbli li tiżgura li s-saċerdoti kollha tad-dinja jkunu ferħanin’”. Dawn, qal il-Kardinal Heung-sik, huma “kliem li qatt ma nista’ ninsa, u li kontinwament jakkumpanjawni f’dan is-servizz tiegħi.”

Kienet din ir-rimarka, qal il-prelat imwieled mill-Korea, li wasslitu biex jorganizza l-konferenza. Huwa nnota, li llum, ħafna qassisin huma “għajjiena u skuraġġiti, jinqabdu mhux ippreparati mill-isfidi tas-soċjetà tal-lum u mill-piżijiet li qed iġorru.” Għalhekk, qal, “l-importanza lis-saċerdoti jingħataw l-appoġġ u l-akkumpanjament meħtieġ, u b’hekk il-ħtieġa ta’ formazzjoni kontinwa, qed titressaq aktar dejjem fuq quddiem.”

“Għedna mill-bidu tat-tħejjijiet,” qal il-Kardinal Heung-sik lill-parteċipanti, “li mhux se tiġu hawn sempliċiment biex titgħallmu, imma bħala bennejja u protagonisti. Kull wieħed minnkom huwa espert u jġib miegħu esperjenza”. L-Kardinal ikkwota lis-saċerdot u attivist Taljan Fr. Oreste Benzi, li darba qal, “M’hemm ħadd tant għani li m’għandux bżonn jirċievi, u ħadd daqshekk fqir li m’għandux x’jagħti.” Għal din ir-raġuni, qal il-Kardinal Heung-sik, il-konferenza se ssegwi, “kemm jista’ jkun, approċċ ta’ stil ta’ workshop, parteċipattiv, u sinodali.”

Il-Kardinal Tagle, Prefett tad-Dikasteru għall-Evanġelizzazzjoni, li qed jissponsorja l-konferenza, offra wkoll ftit kliem qabel ma bdew il-proċeduri. Saħaq, li l-ewwel, is-saċerdoti m’għandhomx jaħsbu li l-formazzjoni tagħhom, ladarba ġew ordnati spiċċat. Pjottost, qal, huwa preċiżament “għax aħna ordnati għas-servizz ta’ Alla u tal-Knisja, li għandna bżonn niġu ffurmati kontinwament.”

It-tieni punt hu, li s-saċerdoti jeħtieġu edukazzjoni kontinwa biex jegħlbu “t-tendenza li jiġu assolutizzati u li jiglorifikaw il-kultura tagħhom”. Il-ministri ordnati, qal, iridu jitgħallmu “l-intelliġenza kulturali biex japprezzaw il-kultura tagħhom” iżda wkoll biex “jammettu l-falliment tal-kultura tagħhom” u “jaffermaw l-elementi tajbin f’kulturi oħra.”

Fl-aħħarnett, filwaqt li nnota li ħafna qassisin huma qrib in-nies li qed ibatu, jew tabilħaqq qed isofru ħafna huma stess, il-Kardinal Tagle sejjaħ għal formazzjoni klerikali li tindirizza “feriti u wġigħ li jistgħu faċilment iwasslu għal tpattija, ċiniżmu, u mibegħda.”    

Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/vatican-city/news/2024-02/clergy-conference-rome-cardinal-heung-sik-tagle.html

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?