Nhar it-Tlieta, l-Papa Franġisku bagħat messaġġ bil-vidjo, biex jesprimi l-qrubija tiegħu man-nies ta’ Rosario, it-tielet l-akbat belt tal-Arġentina, li qed tiffaċċja żieda bla preċedent fil-vjolenza krininali relatata mad-droga.
Il-mewġa ta’ vjolenza bdiet fl-2013, iżda l-belt, li tinsab xi 300 kilometru fit-tramuntana ta’ Buenos Aires, ilha ċentru ta’ attività kriminali. Għal għexieren ta’ snin, il-kokaina u drogi oħra waslu f’Rosario mit-Tramuntana tal-pajjiż, jew ġiet mibgħuta tul ix-Xmara Paraná lejn il-port tagħha, qabel ma tintbagħat lejn l-Ewropa jew l-Afrika. D-drogi illeċiti jibqgħu wkoll fil-belt, u jinbiegħu fis-suq lokali, u li jgħinu lill-barrunijiet tad-droga jikkonsalidaw l-operazzjonijiet tagħhom. Flimkien ma’ korruzzjoni endemika, il-kummerċ tad-droga biddel lil Rosario f’żona tal-gwerra. Fl-2023, il-belt irreġistrat 259 omiċidju, ħames darbiet iktar mill-medja tal-pajjiż.
Waqt li esprima t-tħassib tiegħu għas-sitwazzjoni, l-Papa Franġisku appella għal sforz komunitarju biex tiġi miġġielda l-pjaga, filwaqt li nnota li miżuri repressivi mill-aġenziji tal-infurzat tal-liġi, għalkemm meħtieġa b’mod urġenti biex jerġgħu jġibu l-liġu l-ordni, mhumiex biżżejjed. “Għandna bżonn insaħħu l-komunità”, qal, “u l-ebda persuna ta’ rieda tajba m’għandha tħossha jew tiġi eżonerata mir-responsabbiltà kbira li tiżgura li Rosario jkun il-post fejn kulħadd iħossu bħal aħwa”.
Il-Papa pponta subgħajh lejn il-korruzzjoni mifruxa tal-awtoritajiet politiċi u tal-infurzar tal-liġi lokali, u l-kollużjoni ta’ xi setturi tal-istabbiliment ekonomiku u finanzjarju mill-krietel tad-droga. Għalhekk ħeġġeġ għal tip ta’ politika aħjar, waħda li tkun tassew għas-servizz tal-ġid komuni, u biex jinbena kunsens u djalogu fost il-fazzjonijiet politiċi biex jiġu mplimentati policies effettivi li jindirizzaw mhux biss il-provvista tad-droga, iżda wkoll id-domanda għad-droga.
“Għandna bżonn ta’ apprezzament imġedded tal-politika bħala ‘vokazzjoni għolja u waħda mill-ogħla forom ta’ karità, peress li tfittex il-ġid komuni’.”
Il-Qdusija Tiegħu kompla jisħaq fuq l-importanza ta’ ġudikatura indipendenti fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni u n-netwerks tal-ħasil tal-flus assoċjati mat-traffikar tad-droga, flimkien ma’ rikonoxximent għal dawk fi ħdan is-sistema tal-ġustizzja jpoġġu ħajjithom f’riskju billi jaħdmu għall-ġid komuni. Huwa enfasizza wkoll ir-rwol tas-settur privat, partikolarment l-intraprendituri, u saħaq fuq il-ħtieġa ta’ impenn soċjali u prattiċi kummerċjali etiċi biex tiġi evitata l-kompliċità mal-kriminalità organizzata.
Fl-aħħar nett, il-Papa Franġisku insista fuq il-ħtieġa ta’ sforz konġunt tas-setturi, tal-partijiet interessati u taċ-ċittadini kollha biex Rosario jsir post aħjar fejn wieħed jgħix, speċjalment għall-ġenerazzjonijiet il-ġodda, u sostna għall-ħolqien ta’ spazji komunitarji u opportunitajiet għal żvilupp uman integrali, partikolarment għaż-żgħażagħ vulnerabbli. “Aħna lkoll – istituzzjonijiet soċjali, ċivili u reliġjużi – rridu nkunu magħqudin biex nagħmlu dak li nagħmlu aħjar: noħolqu komunità”, qal il-Papa.
Imbagħad assigura li l-Knisja, “bħala Omm u Samaritana” se tkompli takkumpanja lill-familji tal-vittmi tal-vjolenza, u tappoġġja lil dawk li qed jesperjenzaw il-vizzju tad-droga u lill-persuni kollha li jgħixu f’vulnerabilità estrema. “F’dan iż-żmien, l-imħabba u l-karità se jkunu l-aktar tħabbira espliċita tal-Evanġelju għal soċjetà li tħossha mhedda,” temm jgħid, filwaqt li talab l-interċessjoni tal-Madonna tar-Rużarju għall-ġid tal-belt.
Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2024-03/pope-expresses-closeness-to-the-people-of-crime-gripped-rosario.html