Il-Ġimgħa, 10 ta’ Lulju 2026: Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi fil-Ġimgħa tat-tlettax-il ġimgħa matul is-sena. Kappella tal-Kurja, Floriana.
Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi
Fl-Evanġelju tal-lum għandna erba’ tipi ta’ annimali li Ġesù jsemmi fl-ewwel żewġ sentenzi tal-Evanġelju. Ġesù għid: “Ara, jien qiegħed nibgħatkom bħal nagħaġ qalb l-ilpup. Kunu mela għaqlin bħas-sriep u safjin bħall-ħamiem” (Mt 10:16). Għandna n-nagħaġ u l-ilpup, is-sriep u l-ħamiem. U permezz ta’ dawn, Ġesù jrid jagħti messaġġ importanti lill-appostli tiegħu għall-ħajja tagħhom u għall-missjoni tagħhom. Ħa nħarsu lejn dan li jgħid Ġesù, u x’irid jgħid lilna llum.
Ġesù jgħid: “Qiegħed nibgħathom bħal nagħaġ qalb l-ilpup”. Mal-ewwel tolqotna kif Ġesù jgħid dejjem il-verità. Ma jaħbix mill-appostli tiegħu d-diffikultajiet li se jiltaqgħu magħhom, ix-xkiel li se jkollhom iħabbtu wiċċhom miegħu fil-missjoni tagħhom. Jgħidilhom li se jiltaqgħu ma’ oppożizzjoni, ma’ persekuzzjoni. Imma jgħidilhom: jien qed nibgħatkom “bħal ngħaġ qalb l-ilpup”. Tolqotna din. In-nagħġa normalment nassoċjawha ma’ min hu kwiet, ma’ min ma jagħmilx ħsara, u l-ilpup ma’ min jagħmel il-ħsara. Allura Ġesù lil dawn se jibgħathom hekk, qalb l-ilpup? L-ewwel punt li joħroġ ċar minn dan hu li Ġesù jrid li l-appostli ma jserrħux fuq il-kapaċità tagħhom u daqshekk, imma jserrħu l-ewwel fuqu, fuq Ġesù, u l-preżenza tiegħu li takkumpanjahom. Fil-fatt, fl-Evanġelju kollu tal-lum jgħidilhom ma’ xiex se jiltaqgħu, imma li se jkollhom din l-għajnuna kontinwa mill-Mulej fil-missjoni tagħhom. Għalhekk, l-ewwel punt importanti huwa dan: isserrħux fuq il-kapaċità tagħkom, fuq il-kwalitajiet tagħkom u daqshekk, imma l-ewwel fuq il-preżenza u l-qawwa ta’ Alla li tgħinkom qalb dawn id-diffikultajiet.
Imbagħad Ġesù, meta jgħid “bħal ngħaġ qalb l-ilpup”, qed jgħidilhom: meta tiltaqgħu mal-ilpup, tagħmlux bħalhom, issirux ilpup intom. Dan messaġġ importanti, għax kultant ikun hemm min jitkellem b’dal-mod. Jgħidlek: jekk insultak, insultah; jekk kellmek ħażin, kellmu ħażin; jekk ittrattak ħażin, ittrattah ħażin, għax hekk jifhem, dak hu l-lingwaġġ li bih jifhem. Ġesù mhux hekk qed jgħid. Jgħid: ma’ min hu bħall-ilpup, iġġibx ruħek l-istess. Imma inti, anke jekk taf ma’ xiex se tiltaqa’, ibqa’ bil-kwalitajiet sbieħ li jagħmluk tassew dixxiplu ta’ Ġesù. Irrid niftakru li jekk aħna nkunu ngħaġ, ikollna lil Ġesù r-ragħaj it-tajjeb tagħna, mhux jekk inkunu lpup. Ġesù huwa r-ragħaj tan-ngħaġ.
Imbagħad Ġesù jgħid ukoll: “Kunu għaqlin bħas-sriep u safjin bħall-ħamiem”. Kif dan jgħaqqadhom flimkien, ġa hu messaġġ ta’ valur kbir għall-ħajja tagħna u għall-missjoni tagħna. Ġesù qed jgħid: “għaqlin bħas-sriep”. X’ifisser dan? Ifisser li aħna nużaw moħħna, għax moħħna tahulna Alla. U li, speċjalment, nagħrfu r-realtà kif inhi, u nagħrfu li jeżisti l-ħażen. Meta qed jgħid “għaqlin bħas-sriep”, mhux qed jgħid li aħna għandna nkunu li nqarrqu, imma li nagħrfu li jeżisti min iqarraq, u għalhekk irridu noqogħdu ħafna attenti mill-qerq ta’ ħaddieħor, mill-ingann, milli ħaddieħor idaħħalna fl-ixkora. Kemm hu importanti dan għall-missjoni tagħna! Imma, fl-istess waqt, Ġesù jgħid ukoll: “safjin bħall-ħamiem”. Jiġifieri, anke jekk nafu li hemm min iqarraq, ma nkunux aħna li nqarrqu, ma nkunux aħna li bil-mod kif inġibu ruħna qed nagħmlu ħażin ukoll. Imma nkunu safjin bħall-ħamiem.
Kif tgħaqqadhom flimkien dawn? Din hija dejjem sfida qawwija għall-ħajja tagħna. Imma narawha anke mill-missjoni tagħna bħala Knisja. Aħna rridu dejjem nagħmlu ħilitna, bl-għajnuna ta’ Alla, biex ngħixu kif iridna hu: bis-sinċerità, bil-ħlewwa, bl-imħabba; imma ma jfissirx, imbagħad, li nħallu min iqarraq bina. Illum importanti ħafna din speċjalment anke fil-media soċjali. Kultant tara affarijiet u tgħid: ara naqra! Imma Ġesù jridna nużaw l-intelliġenza u l-għerf; ma naqbdux u niġbdu konklużjonijiet sempliċiment minn dak li naraw, għax hawn ħafna affarijiet li huma ta’ qerq. Dan qed jgħid Ġesu li nkunu “għaqlin bħas-sriep”, imma fl-istess waqt “safjin bħall-ħamiem”.
Nitolbu lill-Mulej illum, ispirati minn din il-Kelma tiegħu, li aħna nkunu tassew dixxipli tiegħu. Ngħixu l-valuri li hu għallimna, bil-mod kif nittrattaw lill-oħrajn, imma fl-istess waqt nużaw l-għerf li tana biex ħadd ma jqarraq bina, u biex nagħrfu fejn hemm il-ħażen, u ma nħalluhx imexxina.
Joseph Galea Curmi
Isqof Awżiljarju