Il-Miraklu Ewkaristiku ta’ konverżjoni

Minn Manwel Cutajar

F’Mejju tas-sena 1847 iċ-ċelebri mużiċista u pjanista Hermann Cohen (1820-1871), Lhudi mwieled f’Hamburg, kien jinsab Pariġi għal serje ta’ kunċerti. Il-Prinċep ta’ Moskow, ħabib tal-pjanista, kien f’dak iż-żmien imexxi l-kor waqt iċ-ċelebrazzjonijiet ta’ Mejju fil-knisja ta’ San Valere.

Hermann Cohen aċċetta l-istedina tal-Prinċep biex jgħinu jmexxi l-kor waqt waħda miċ-Ċelebrazzjonijiet Ewkaristika, imma kien distratt ħafna waqt il-priedka u anke qagħad jitkellem ma’ ta’ ħdejh. Iżda meta wasal il-ħin tal-Barka Sagramentali, l-imġiba tiegħu nbiddlet għalkollox.

Cohen innifsu jirrakkonta:

Għalkemm ma ħassejtnix li għandi ninżel għarkopptejja mal-poplu, iżda ġo fija ħassejt tqanqil li ma nistax nispjegah. Ruħi, li hi mdorriha fid-distrazzjonijiet tad-dinja, ħassejtha sabet postha u kont fl-istess ħin konxju li ġrat xi ħaġa ġo fija li sa dak il-ħin kont għadni ma nafx x’inhi. Mingħajr ma qgħadt naħseb inżilt għarkopptejja. Fil-ħin li ngħatat il-Barka Sagramentali ħassejt ġo fija emozzjoni ħelwa iżda li ma titfissirx. Erġajt attendejt il-ġimgħa ta’ wara u ħassejt l-istess emozzjoni qawwija interjuri, biss did-darba aktar qawwi minn ta’ qabel, u ħassejt bħal piż jagħfas fuq dahri biex nerġa’ ninżel għarkopptejja. Obdejt kontra r-rieda tiegħi u f’daqqa waħda għadda b’qawwa kbira dan il-ħsieb minn moħħi: “Hemm bżonn insir Kattoliku!”

” Ma stajtx nifhem x’kien qiegħed iżommni hemm”

Ftit ġranet wara li ġara dan inzertajt għaddej minn ħdejn l-istess knisja ta’ San Valere. Il-qanpiena kienet qed iddoqq għall-quddiesa. Jien dħalt fid-dar ta’ Alla, u bqajt bħala spettatur ta’ dan l-Imqaddes Sagrifiċċju. Smajt quddiesa, tnejn, tlieta! Ma stajtx nifhem x’kien qiegħed iżommni hemm. Filgħaxija erġajt sibt ruħi mġiegħel immur lejn l-istess knisja, kontra qalbi; il-qanpiena bħal donnha bdiet issejjaħli. Sibt illi s-Santissmu Sagrament kien espost u hekk kif ilmaħtu ħassejtni miġbud lejH b’imħabba kbira u nżilt għarkopptejja. Did-darba tbaxxejt mingħajr ebda reżistenza fil-ħin tal-Barka, u meta qomt mill-art ħassejt serħan mhux tas-soltu ġewwa ruħi.

Mort lura f’kamarti u nxtħett fuq is-sodda, iżda matul il-lejl kollu l-ispirtu tiegħi, jekk kienx rieqed jew imqajjem ma nafx, kien kontinwament jaħseb fuq is-Santissmu Sagrament. Kont nistenna bla paċenzja l-ħin tal-quddiesa u minn dakinhar ‘il quddiem jien smajt ħafna quddies kuljum f’San Valere u dan ġabli ferħ interjuri kbir f’moħħi u qalbi li qatt qabel ma ħassejt bħalu.”

Sa dan iż-żmien il-pjanista Hermann kien iħares lejn il-Kattoliċi bħala nies ta’ min iwarrabhom, iżda issa ħass ix-xewqa kbira li jitkellem ma’ saċerdot dwar l-esperjenzi tiegħu.

Cohen ġie introdott lil Marie-Theodore Ratisbonne, Kattoliku Lhudi   li, min-naħa tiegħu ħajru jkellem lill-Abbé Legrande,iżda kif qal Hermann stess, “… ix-xitan kien għadu mhux mirbuħ.”

Il-kunċerti tiegħu kienu mezzi ta’ qligħ kbir ta’ flus u dawn ġagħluh jintefa’ għax-xalar u l-ħajja mondana.

Wara li ta kunċert f’Elms nhar it-8 ta’ Awwissu 1847, mar fi knisja u attenda għall-Quddiesa. Ġietu l-grazzja tal-indiema perfetta. Kellu laqgħat ta’ talb u katekiżmu ma’ Abbe Legrande. Taħt l-istruzzjoni ta, dan is-saċerdot, Cohen sar jaf il-fidi Kattolika u tgħammed fit-28 ta’ Awwissu,1847 minn Abbe Legrande nnifsu fil-Kappella tal-Madonna ta’ Sijon, fil-preżenza ta’ Ratisbonne, il-fundatur tagħha, u ħafna Kattoliċi Lhud oħra.

 Fil-Magħmudija tiegħu, Cohen esperjenza dehra ta’ Kristu, il-Verġni Mqaddsa Marija u għadd kbir ta’ qaddisin, kollha mgħammrin f’dawl brillanti, kif ukoll esperjenza kbira ta’ mħabba.Wara li rċieva l-Griżma tal-Isqof fit-3 ta’ Diċembru 1847 ma hediex jgħid: “Sibtu lil Dak li nħobb. Hu sar tiegħi u jiena Tiegħu. Qatt iktar ma jien se nitilqu,u Hu żgur se jibqa’  dejjem miegħi. Grazzi Mulej !”

Ftit taż-żmien wara Hermann mar fil-kappella tas-Sorijiet Karmelitani fejn kienet  esposta l-Ewkaristija. Impressjona ruħu ħafna meta sar jaf li wħud minn dawn is-sorijiet igħaddu l-lejl kollu jitolbu u jimmeditaw quddiem l-Ewkaristija, u għalhekk iddeċieda li jwaqqaf Konfraternità ta’ rġiel biex jagħmlu l-istess devozzjoni.Twaqqfet dil-konfraternità u nhar is-6 ta’ Diċembru 1848 għamlu l-ewwel lejl Adorazzjoni. Minn dak iż-żmien ‘il hemm dil-Konfraternità tferrxet ma’ Franza kollha.

Hekk mixgħul bl-imħabba lejn Ġesù Ewkaristija, Hermann daħal fl-Ordni Karmelitan Skalzi fl-1849, fergħa l-aktar awstera tal-Karmelitani, li jsegwu r-riformi tal-mistiċi Spanjoli,fosthom Tereża ta’ Avila u Ġwanni tas-Salib. Hermann ħa l-isem reliġjuż  ta’ Wistin Maria tas-Santissmu Sagrament.

Cohen malajr ħassu msejjaħ biex ikun saċerdot. Għaldaqstant, beda jistudja il-filosofija u t-teoloġija. Wara li ngħata eżenzjoni minn uħud mill-korsijiet,huwa ġie ordnat saċerdot fis-19 ta’ April 1851.Ladarba ordnat saċerdot, Cohen iddedika ruħu għall-Predikazzjoni.

Hu ppriedka f’Ġinevra, Bordeaux, Lyon, u f’Pariġi quddiem folol kbar ta’ nies  fi knejjes prominenti, bħal Saint-Sulpice u Sainte-Clotilde.

Hekk il-famuż mużiċista li ġġerra’ mal-Ewropa jgħaġġeb lil kull min semgħu bit-talenti mużikali tiegħu,issa beda jivvjaġġa bla waqfien biex ixandar il-glorja tas-Santissmu Sagrament u l-ferħ għal dawk li jilqgħu u jaduraw lil Ġesù Kristu fl-Ewkaristija. Huwa beda mill-ewwel biex iħeġġeġ u jxandar kemm jista’ jkun il-prattika tal-Adorazzjoni matul il-lejl tal-Ewkaristija Imqaddsa mill-fidili Nsara ukoll. Din il-ħidma qaddisa kienet tant għal qalbu.

Missjoni fl-Ingilterra

Il-fama ta’ Cohen bħala predikatur wasslet għal stedina mill-Kardinal Wiseman biex imur l-Ingilterra biex jerġa’ jistabbilixxi l-Ordni Karmelitan, wara t-trażżin ta’ dal-Ordni fix-xoljiment tal-monasteri fis-seklu 16. Għal dil-ħidma Cohen irċieva rikonoxximent u Barka Papali mingħand il-Papa Piju IX. F’Kensington, waqqaf il-knisja sabiħa ta’ San Xmun Stock, u kunvent tal-patrijiet Karmelitani Skalzji, u nħatar bħala l-ewwel pirjol ta’ dil-komunità.

Ħajja ta’ eremitaġġ

Fis-sena 1867 Cohen irtira fl-eremitaġġ li kien waqqaf hu stess f’Tarasteix, Franza. Matul daż-żmien il-vista ta’ għajnejh bdiet tonqos sew u ġie djanjostikat bil-glaucoma. Waqt li warrab l-operazzjoni preskritta mit-tobba tiegħu, għażel li jagħmel pellegrinaġġ lejn is-Santwarju tal-Madonna ta’ Lourdes. B’fidi qawwija fl-interċessjoni ta’ Marija Santissima ħasel għajnejh  mill-nixxiegħa Mirakoluża li hemm fil-grotta,u hekk il-vista tiegħu ġiet irrestawrata minnufih. Imbagħad reġa’ lura għal ħajja ta’ solitudni, penitenza u talb ta’ eremitaġġ kompletament imfejjaq, u hemm għex fil-paċi għal xi snin wara.

Aktar Predikazzjoni… 

Madanakollu,il-ħajja ta’ Cohen tqalbet sew bil-Gwerra FrancoPrussjana fl-1870, meta ċ-ċittadini Ġermaniżi kollha tkeċċew minn Franza. Għalkemm hu kien eżentat mill-gvern Franċiż, u membri tal-familja  tiegħu li baqgħu ħajjin kienu qed jgħixu fi Franza, għażel li f’Ottubru ta’ wara jmur ikompli jwettaq appostolat ta’ Predikazzjoni f’Ġinevra, l-Isvizzera.


Malajr sema’ bl-għadd kbir ta’ priġunieri Franċiżi li kienu qed jinżammu fil-Ħabs ta’ Spandau, ftit barra Berlin. Volontarjament, huwa offra  biex jassistihom spiritwalment, fiżikament u psikoloġikament u mar joqgħod Berlin f’Novembru. Huwa sab ħabs mimli b’aktar minn 5,000 priġunier li kienu qed jgħixu f’kundizzjonijiet ħżiena ħafna, u li minnhom xi għaxra fil-mija kienu qed isofru minn mard infettiv serju,inkluż il-ġidri.

Kappillan tal-Ħabs

Bħala l-kappillan tal-ħabs, Cohen ħadem bla heda biex itaffi l-bżonnijiet tal-priġunieri Franċiżi, u jqassam provvisti ta’ ikel u xorb, minbarra s-servizzi spiritwali tiegħu. Huwa kien jiċċelebra l-quddiesa  ta’ kuljum, li għaliha kienu jieħu sehem regolarment madwar 500 ħabsi, u hu kien iqarar ħafna,u jamministra l-aħħar sagramenti lil tant ħabsin moribondi.

Madanakollu, fi żmien xahrejn,hu stess marad bil-ġidri,u eventwalment miet fid-19 ta’ Jannar 1871, fl-għomor ta’ 51 sena.

Patri Cohen kien predikatur magħruf ħafna  madwar l-Ewropa kollha, u kien strumentali fid-dħul tal-prattika mifruxa mad-dinja kollha, inkluż ukoll hawn Malta u Għawdex, talAdorazzjoni matul il-lejl tal-Ewkaristija.

L-Arċisqof  ta’ Bordeaux, Jean-Pierre Ricard,  f’April tas-sena 2016 ta bidu għall-proċess tal-Beatifikazzjoni ta’ Patri Wistin Maria Cohen, O.Carm.

Xi xogħlijiet Mużikali  ta’ Patri Wistin Maria Cohen

Le Catholicisme en Angleterre diskors mogħti f’Mechlin, bl-Ingliż ukoll (Pariġi, 1864);  Gloire à Marie (1849);  Amour à Jésus (1851); L-ambjent mużikali tiegħu għall-Quddiesa (1856); Fleurs du Carmel (1870); Couronnement de la Madonne (1870); Thabor(1870) – ħames kollezzjonijiet ta’ kompozzizjoniet Mużikali Sagri b’akkumpanjament.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading