Is-Servizzi Liturġiċi tal-Abbatini (1)… u aktar Mirakli Ewkaristiċi

Wara li tkellimna dwar diversi persuni u gruppi, irġiel u nisa,li b’mod jew ieħor jagħtu sehemhom fl-irwoli differenti tagħhom fiċ-Ċelebrazzjonijiet Ewkaristiċi u Ċelebrazzjonijijiet reliġjużi oħra, fil-parroċċi tagħhom, issa xieraq u ġust nitkellmu wkoll dwar is-servizzi liturġiċi  li tfal u adoloxxenti, bniet u subien, jagħtu kuljum fil-knejjes tagħna waqt is-sagrifiċċju tal-quddies u funzjonijiet liturġiċi oħra.

Qed nirreferi għal tfal, adoloxxenti u xi mindaqqiet anki żgħażagħ abbatini.

Iżda qabel tajjeb nagħtu ħarsa qasira dwar l-istorja ta’ dawn l-abbatini fil-Knisja Kattolika.

L-Irwol tal-abbatini

L-abbatini, magħrufa ukoll bħala qaddejja tal-artal, huma tfal, adoloxxenti u żgħażagħ, li jassistu lis-saċerdoti waqt il-Quddiesa.

L-irwol tagħhom hu importanti ħafna waqt Ċelebrazzjonijiet liturġiċi, b’mod speċjali l-Quddiesa. Għalhekk jitlob minnhom imġiba xierqa u eżemplari.

Il-qaddejja tal-artal iridu jimxu fuq l-eżempju ta’ Ġesù, li ma qagħadx lura milli jpoġġi lilu nnifsu għas-servizz tal- umanità kollha, u saħansitra ssagrifika Lilu nnifsu u ta ħajtu għas-salvazzjoni tal-bnedmin kollha.

Mhux biss waqt is-servizzi liturġiċi, iżda wkoll matul il-ħajja ta’ kuljum, il-qaddejja tal-Artal iridu jgħixu billi jsegwu l-eżempju ta’ Ġesu Kristu ta’ mħabba, ġenerożità, impenn, serjetà u preċiżjoni. Il-qaddejja tal-Artal huma ‘ħbieb’ ta’ Ġesù, ġeneralment żgħażagħ u tfal mimlija entużjażmu u rieda li jieħdu sehem fl-attivitajiet tal-Knisja billi joffru l-kontribut tagħhom mimli mħabba u devozzjoni.

Fl-istorja tal-Knisja kien hemm ħafna tfal u żgħażagħ li setgħu jirrappreżentaw il-mudell ideali għall-qaddejja tal-artal, bħal San Tarċisju, li dwaru tkellimna f’artiklu preċidenti, jew  San Duminku Savio, li kellu lil San Ġwann Bosco bħala għalliem u gwida, u ddedika ħajtu  lil ħutu u lill-komunità… u tant oħrajn.

Nikkwota hawnhekk silta mid-diskors tal-Papa San Ġwanni Pawlu II, fl-Udjenza Ġenerali, 1 ta’Awwissu 2001 lill-qaddejja tal-artal   

“Il-qaddej tal-artal jokkupa post privileġġjat fiċ-ċelebrazzjoni liturġika. Min iservi fil-Quddiesa,  jippreżenta ruħu lill-komunità. Jesperjenza b’mod dirett li Ġesù Kristu hu preżenti u attiv f’kull att liturġiku. Ġesù hu preżenti meta l-komunità tingħaqad biex titlob u tfaħħar lil Alla. Ġesù hu preżenti fil-Kelma tal-Iskrittura Mqaddsa. Ġesù hu preżenti fuq kollox fl-Ewkaristija taħt is-sinjali tal-ħobż u l-inbid. Jaġixxi permezz tas-saċerdot li, fil-persuna ta’ Kristu, jiċċelebra l-quddiesa u jamministra s-sagramenti. Għalhekk, fil-liturġija, intom ħafna iktar minn sempliċi “ajjutanti tal-kappillan”. Fuq kollox, intom qaddejja ta’ Ġesù Kristu, tal-Qassis il-Kbir ta’ dejjem. Għalhekk, intom, qaddejja tal-artal, intom imsejħin b’mod partikolari biex tkunu ħbieb żgħażagħ ta’ Ġesù. Kunu determinati li tmorru aktar fil-fond u li tikkultivaw din il-ħbiberija Miegħu. Tiskopru li f’Ġesù sibtu ħabib veru għall-ħajja.” 

Kuntest Storiku

Fis-seklu disgħa, fl-Admonitio Synodalisfis-Sinodu ta’ Mainz,fil-Ġermanja, eżattament fis-sena 859 AD kien ġie deċiż li:

“Omnis presbyter clericulum habeat vel scholarem qui Epistolam vel lectionem legat, et ei admissam respondeat, et cum quo psalmos cantet.”(maqlub għall-Malti):“Kull presbiteru (saċerdot) għandu jkollu kjeriku jew  scholarem biex jaqra l-Epistola jew il-Lezzjoni,u biex iwieġbu fil-quddiesa,u li miegħu jista’ jkanta s-Salmi”. (Referenza għall-Patrologia Latina (Migne),li hi ġabra kronoloġika ta’ eluf ta’ dokumenti tal-Knisja Vol.132,kolonna 456).

Hawnhekk il-kelma “scholarem” tidher li qed tirreferi mhux  sempliċiment għal tifel, iżda għal  tifel/jew tfajjel  tal-iskola, u li jkun kapaċi jaqra l-lezzjoni u jwieġeb għad-diversi akklamazzjonijiet, dak iż-żmien kollha bil-Latin, li kien jgħid s-saċerdot waqt il-quddiesa, u li miegħu wkoll ikun jista’ jkanta s-Salmi. Hawn naraw tkomplija tal-idea li s-servizzi tal-abbati tifel fuq l-artal kien f’dak iż-żmien sa ċertu punt (jiġifieri mhux neċessarjament) bħala tħejjija għas-saċerdozju, li kienet eżattament l-idea fil-każ tal-Ordni Minuri tal-Akkolitat.

Ħafna mill-abbatini fil-knisja bikrija kienu jgħixu fil-bini tal-knisja u kienu jiddedikaw ħajjithom kollha għall-istudji, il-ħidma u s-servizzi   tal-Knisja. Uħud saħansitra kienu wara jsiru  patrijiet jew qassisin.

Il-qaddejja tal-artal, bħala tali, qatt ma kienu Ordni jew Ministeru tal-Knisja . Dejjem ħadmu f’ċertu sens b’mod straordinarju, fin-nuqqas ta’ Akkoliti Ordnati jew dawk li ġew istitwiti fil-Ministeru tal-Akkolitat.

Minn mindu ngħata dan il-privileġġ, l-abbatini, li f’dak iż-żmien kienu jridu jkunu kollha  subien  kellhom sehem attiv fil-qima divina, u li l-akbar xewqa tagħhom kienet li  jaqdu, jigglorifikaw, u jagħtu qima lil Alla.

Kif naraw mill-istorja tal-Knisja, fost dawn l-abbatini ħarġu xi wħud mill-figuri kbar u famużi tal-Knisja, bħal San Franġisku Xavier, il-Kardinal San John Henry Newman, San Paschal Baylon, San  Martin de Porres, u l-Papa San Piju X u tant oħrajn.



Il-Miraklu  Ewkaristiku ta’ San Ġwann Bosco,Turin, l-Italja

San Ġwann Bosco (1815-1888)  minn dejjem kellu devozzjoni kbira lejn l-Ewkaristija. Bosta huma l-kitbiet u d-dokumenti  li fihom il-qaddis kiteb dwar l-importanza ta’ dan Is-Sagrament.

San Ġwann Bosco, saċerdot, edukatur u awtur, huwa mfakkar bħala bniedem li ddedika ħajtu għas-servizz tat-tfal u ż-żgħażagħ abbandunati, waqqaf oratorji u djar għal kura tagħhom, u fl-1859 waqqaf ukoll l-Ordni  reliġjuż tas-Salesjani, kemm għall-irġiel kif ukoll għan-nisa, biex ikomplu din il-ħidma qaddisa tiegħu. Don Bosco ħadem bla waqfien kontra t-trattament ħażin taż-żgħażagħ u tfal fil-faqar iddisprat li kien jeżisti dawk il-jiem fil-belt ta’ Turin, l-Italja.

Fis-sena 1848, Don Bosco,kien qiegħed  jiċċelebra Quddiesa fl-okkażjoni tal-festa tal-Lunzjata f’Oratorju f’Turin, li għaliha kien hemm preżenti madwar 360 tfal u żgħażagħ foqra li Don Bosco kien jiġbor u li jieħu tant ħsieb tagħhom. Xħin kien wasal ħin it-tqarbin mar fetaħ it-tabernaklu biex jieħu l-pissidi iżda fih sab biss tmien Ostji meta ried iqarben dawk it-tfal  u żgħazaġħ kollha. Għal mument Don Bosco bħal donnu nħasad, imma bil-kalma u l-kwiet huwa beda jitlob, u wara mar iqarbinhom kollha, għax b’mod mirakoluż l-Ostji kkonsagrati ġew immultiplikati b’mod li hu seta’ jqarben lit-tfal u żgħażagħ kollha preżenti għal dik il-quddies.  

Ġużeppi Buzzetti, li wara sar wieħed mill-ewwel saċerdot Sależjan, dak il-ħin kien qed iservi l-Quddiesa meta ra u ta xhieda ta’ dan il-Miraklu Ewkaristiku tal-multiplikazzjoni tal-Ostji kkonsagrati.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading