Ittra tal-Papa Ġwanni Pawlu II lill-Anzjani

1 ta’ Ootubru 1999

Lil ħuti rġiel u nisa anzjani!

“Żmien ħajjitna hu b’kollox sebgħin sena,
l-iżjed tmenin jekk inkunu b’saħħitna,
u l-biċċa l-kbira taħbit u niket;
malajr jgħaddu, u aħna nmorru magħhom” (Sal 90 [89], 10)

1. Sebgħin sena kienu tant fiż-żmien li fih is-Salmista kiteb dan il-kliem, u ma kinux bosta dawk li kienu jaqbżuhom; illum grazzi għall-progressi tal-mediċina minbarra l-kondizzjonijiet soċjali u ekonomiċi mtejba, f’bosta raġġjuni tad-dinja il-ħajja sfat imtawla notevolment. Jibqà, iżda, li huwa minnu li s-snin jgħaddu malajr, u r-rigal tal-ħajja, minkejja l-isforz u l-uġigħi li tinvolvi, hija ferm sabiħa għalina biex qatt nixbgħu minnha.

Anzjan jien ukoll, ħassejt ix-xewqa li nidħol fi djalogu magħkom. U dan nagħmlu qabel kollox biex niżżi ħajr lil Alla għad-doni u l-opportunitajiet li hu sawwab fuqi b’abbundanza sal-lum. Se nmur lura fil-memorja u nfakkar l-istadji tal-eżistenza tiegħi, li huma marbutin ma’ xulxin fl-istorja ta’ parti kbira ta’ dan is-seklu, u nilmaħ jiffjorixxu l-uċuh ta’ numru li ma jingħadx ta’ persuni, li wħud minnhom huma partikularment għeżież: dawn huma ġrajjiet ordinarji u straordinarji, ta’ waqtiet ferrieħa u ta’ ġrajjiet immarkati mit-tbatija. Fuq kollox, madankollu, nilmaħ tinfirex l-id providenzjali u ħanina ta’ Alla Missier, li “jieħu ħsieb bl-aħjar mod dak kollu li jeżisti” (1) u “kwalunkwè ħaġa li nitolbuh skont ir-rieda tiegħu huwa jismagħna” (1 Ġw 5, 14). Lilu ngħid mas-Salmista: “Sa minn żgħożiti int  għallimtni, O Alla, u jiena s’issa għadni nxandar għeġubijietek.  Imqar meta nixjieħ u jibjad xagħri, la tinsinix, o Alla sakemm inxandar għemil idejk lil kull nisel, il-qawwa tiegħek lil kull min għad jiġi” (Sal 71 [70], 17-18).

Ħsiebi jdur bi mħabba lejkom ilkoll, għeżież anzjani ta’ kull lingwa u kultura. Nindirizzalkom din l-ittra fis-sena li l-Ġnus Magħquda, riedet b’mod opportun tiddedika lill-anzjani, biex tiġbed l-attenzjoni tas-soċjetà kollha fuq is-sitwazzjoni ta’ dawk, li minħabba l-piż tal-età, ikollhom spiss jiffaċċjaw problemi multipli u diffiċli.

Dwar din it-tema diġa il-Kunsill Pontifiċju għal-Lajċi offra linji prezzjużi ta’ riflessjoni, (2) Bl-ittra preżenti feħsiebni biss nesprimi l-viċinanza spiritwali tiegħi bil-kuraġġ ta’ min, sena wara l-oħra, jħoss jikber ġewwa fih fehim dejjem iktar profond  ta’ din il-fażi tal-ħajja u konsegwentement iħoss il-bżonn ta’ kuntatt iktar immedjat ma’ dawk ta’ imparu biex jirraġuna dwar ħwejjeġ li huma esperjenza komuni, waqt li jqiegħed kollox taħt il-ħarsa ta’ Alla, li jgeżwirna b’imħabbtu u bil-providenza tiegħu isostnina u jmexxina.

2. Għeżież ħuti, li nmorru lura fl-imgħoddi biex nippruvaw noħolqu xorta ta’ bilanċ huwa spontanju fl-età tagħna. Din il-ħarsa retrospettiva tippermetti valutazzjoni iktar serena u oġġettiva ta’ persuni u sitwazzjonijiet li ltqajna magħhom tul mixjietna. Il-passaġġ taż-żmien jisfuma l-kontorni tal-ġrajjiet u jtaffi l-implikazzjonjiet dolorużi. Sfortunatament problemi u tribulazzjonijiet huma preżenti bil-kbir fl-eżistenza ta’ kull wieħed u waħda minna. Kultant dawn ikunu problemi u tbatijiet, li jippruvaw sewwa r-reżistenza psikofiżika u forsi jaslu li jħawdu wkoll il-fidi. L-esperjenza iżda tgħallem li l-istess pieni ta’ kuljum, bil-grazzja tal-Mulej, jikkontribwixxu spiss għall-maturità tal-persuni, billi jsaħħu l-karattru.

‘Il hemm mill-ġrajjiet individwali, ir-riflessjoni li maġġorment timponi ruħha hija dik relattiva għaż-żmien li jiġri bla ħniena. “Iż-żmien jaħrab irrimedjabilment”, jissentenza diġa l-poeta Latin antik.(3) Il-bniedem huwa mgħaddas fiż-żmien: fih jitwieled, jgħix u jmut. Mat-twelid tiġi ffissata data, l-ewwel waħda ta’ ħajtu, u mal-mewt oħra, l-aħħar waħda: l-alfa u l-omega, il-bidu u t-tmiem tal-ġrajja terrena tiegħu, bħalma t-tradizzjoni nisranija tenfasizza, billi tiskolpixxi dawn l-ittri tal-alfabett Grieg fuq il-lapidi tal-oqbra.

Imma jekk b’dan il-mod hekk imkejjel u fraġli hija l-eżistenza ta’ kull wieħed u waħda minna, jikkonfortana l-ħsieb li, bis-saħħa tar-ruħ spiritwali, aħna negħlbu l-mewt stess tagħna. Il-fidi, imbagħad tftħilna tama li ma tqarraqx” (cfr Rm 5, 5), billi żżidilna l-prospettiva tal-qawmien mill-imwiet finali. Mhux ta’ b’xejn il-Knisja, fil-Velja solenni tal-Għid, tuża dawn l-istess ittri b’riferenza għal Kristu ħaj, il-bieraħ, illum u dejjem: “Huwa hu l-bidu u t-tmiem, huwa l-alfa u l-omega. Tiegħu huwa ż-żmien u s-sekli”.(4) Il-ġrajja umana, minkejja li suġġetta għaż-żmien, titqiegħed minn Kristu fix-xefaq tal-immortalità. Huwa “sar bniedem fost il-bnedmin, biex jgħaqqad il-bidu mat-tmiem, jiġifieri l-bniedem ma’ Alla”.(5)

 Seklu kumpless lejn futur ta’ tama

3. Waqt li nindirizza l-anzjani, naf li qiegħed nitkellem ma’ persuni u dwar persuni li wettqu vjaġġ twil (cfr Għerf 4, 13). Qed nitkellem ma’ dawk tampari; mela, nistà faċilment infittex analoġija fil-ġrajja personali tiegħi. Ħajjitna, għeżież ħuti, kienet miktuba mill-Providenza f’dan is-seklu għoxrin, li rċieva wirt kumpless mill-imgħoddi u kien xhud ta’ ġrajjiet numerużi u straordinarji.

Bħal tant żminijiet oħra tal-istorja dan irreġistra dwal u dellijiet. Mhux kollox kien mudlam. Bosta aspetti pożittivi bbilanċjaw in-negattiv jew minnu ħarġu bħala rejazzjoni benefika tal-kuxjenza kollettiva.  Iżda bdanakollu huwa veru – u jkun inġust daqs kemm perikoluż ninsewh! – li hemm tbatijiet li qatt ma nstemgħu, li naqxu fuq il-ħajja ta’ miljuni u miljuni ta’ persuni. Biżżejjed naħsbu dwar il-konflitti li faqqgħu f’diversi kontinenti wara inkwiet territorjali bejn Stati jew il-mibegħda interetnika. Xejn inqas gravi huma ta’ min iqishom il-kondizzjonijiet ta’ faqar estrem ta’ faxex soċjali kbar fin-Nofsinhar tad-dinja, il-fenomenu vergonjuż tad-diskriminazzjoni soċjali u l-vjolazzjoni sistematika tad-drittijiet umani f’bosta nazzjonijiet. U xi ngħidu mbagħad dwar il-konflitti kbar mondjali? 

Fl-ewwel parti tas-seklu kien hemm tnejn, kbar. L-ewwel gwerra dinjija ħasdet miljuni ta’ suldati u ta’ ċivili, kwantità li qatt ma nstemgħet qabel ta’ mejtin u ta’ qerda, billi ħasdet tant ħajjiet umani fit-truf tal-adoloxxenza jew, saħanditra, tal-infanzja. U xi ngħidu dwar it-tieni gwerra dinjija? Ġiet wara ftit għaxriet ta’ paċi relattiva fid-dinja, b’mod speċjali fl-Ewropa, kienet iktar traġika minn ta’ qabilha, b’konsegwenzi inumani għall-ħajja tan-nazzjonijiet u tal-kontinenti. Kienet gwerra totali, mobilitazzjoni li qatt ma nstemgħet bħalha ta’ mibegħda, li farrket b’mod brutali wkoll popolazzjonijiet ċivili bla difiża u qerdet ġenerazzjonijiet sħaħ. Il-ġieħ imħallas fuq diversi fruntieri lill-ġenn tal-gwerra kien inkalkolabbli u daqstant tal-biżà kienet il-qerda kkunsmata fil-kampijiet tal-konċentrament, Golgotha veri tal-epoka kontemporanja.

Fuq it-tieni nofs tas-seklu wiżnet, għal diversi snin, il-ħolma kerha tal-gwerra bierda, tal-konfront jiġifieri bejn iż-żewġ blokki kbar idejoloġiċi kontropposti, il-Lvant u l-Punent, b’korsa miġnuna għall-armamenti u t-theddida kostanti ta’ gwerra atomika, kapaċi li twassal lid-dinja għall-qerda.(6) Grazzi lil Alla, dik il-paġna sewda ingħalqet bil-waqgħa fl-Ewropa tar-reġimi totalitarji oppressivi, bħala frott ta’ taqtigħa paċifika, li għamlet użu tal-armi tal-verità u tal-ġustizzja.(7) Hekk imbeda process fatikuż, imma process ta’ success u ta’ rikonċiljazzjoni, intenzjonat li jirrestawra konvivenza iktar serena u solidali bejn il-popli.

Imma wisq nazzjonijiet għadhom ferm ‘il bogħod mill-għarfien tal-benefiċċji tal-paċi u tal-libertà. Inkwiet kbir qanqal fix-xhur li għadew il-konflitt vjolenti li faqqà fir-reġġjun tal-Balkani, tejatru diġa fis-snin ta’ qabel ta’ gwerra terribbli fuq sfond etniku: demm ieħor safa mxerred, qerdiet oħra seħħew, mibegħda oħra sfat imkebbsa. Issa, fl-aħħar, il-furur tal-armi jidher li kkalma, bdejna naħsbu għar-rikostruzzjoni fil-prospettiva tal-millennju l-ġdid. Imma sadattant ikomplu jitkebbsu, ukoll f’kontinenti oħra, ħġejjeġ multipli ta’ gwerra, kultant b’massakri u vjolenzi minsijin malajr wisq mill-kroniki.

4. Jekk dawn it-tifkiriet u dawn l-attwalitajiet ta’ niket inikktuna, ma nistgħux ninsew li s-seklu tagħna ra jitilgħu fuq ix-xefaq bosta sinjali pożittivi, li jikkostitwixxu daqstant riżorsi ta’ tama għat-tielet millennju. Kibret hekk – minkejja li fost tant kontadizzjonijiet, speċi ta’ faċċata tar-rispett tal-ħajja ta’ kull esseri uman – il-kuxjenza tad-drittijiet umani universali, imħabbra f’dikjarazzjonijiet sollenni li jimpenjaw lill-popli.

Ukoll, ġie żviluppat is-sens tad-dritt tal-popli għall-awto-governanza fil-kwadru ta’ rapport nazzjonali u internazzjonali ispirat mill-valorizzazzjoni tal-identitajiet kulturali u flimkien mar-rispett tal-minoranzi. Il-waqgħa ta’ sistemi totalitarji, bħal dawk tal-Lvant Ewropew, ġagħlu tikber il-perċezzjoni universali tal-valur tad-demokrazija u tas-suq ħieles, għalkemm ħallew l-isfida enormi li tgħaqqad il-libertà u l-ġustizzja soċjali.

U wkoll ta’ min iqisu d-don kbir ta’ Alla li r-reliġjonijiet qegħdin jippruvaw, dejjem b’determinazzjoni ikbar, djalogu li jirrendihom element fundamentali ta’ paċi u ta’ għaqda għad-dinja.

U xi ngħidu mbagħad dwar it-tkabbir, fil-kuxjenza komuni, tal-għarfien tad-dinjità tal-mara? Hemm għad, bla dubju, mixja twila x’titwettaq, imma l-linja hija miġbuda. Mottiv ta’ tama hija wkoll l-intensifikazzjoni tal-komunikazzjonijiet li, iffavoriti mit-teknoloġija attwali, jippermettu li jissuperaw il-konfini tradizzjonali, u jġagħluna nħossu ruħna ċittadini tad-dinja..

Kamp ta’ maturazzjoni ieħor important huwa s-sensibiltà ġdida ekoloġika, li timmerita li tkun inkuraġġita. Fatturi ta’ tama huma wkoll il-progressi kbar tal-mediċina u tax-xjenzi applikati għall-ġid tal-bniedem.

Tant huma mela l-mottivi li għalihom għandna niżżu ħajr lil Alla. Din il-parti tas-seklu, tippreżenta ruħha, minkejja kollox, b’potenzjali kbar ta’ paċi u progress. Mill-istess provi li minnhom għaddiet il-ġenerazzjoni tagħna joħroġ dawl kapaċi jdawwal is-snin tax-xjuħija tagħna. Hekk jirriżulta kkonfermat prinċipju li huwa għażiż għall-fidi nisranija: “It-tribulazzjonijiet mhux talli ma jeqirdux it-tama, imma huma s-sisien tagħha”.(8)

Huwa allura suġġestiv li, waqt li s-seklu u l-millennju resqin lejn inżul ix-xemx tagħhom u diġa qiegħed jidher it-tbexbix ta’ staġun ġdid għall-umanità, aħna nieqfu biex nimmeditaw dwar ir-realtà taż-żmien li għaddej ħarkien, biex nirrassenjaw ruħna għal destin inesorabbli, imma biex nivvalorizzaw għal kollox is-sin li fadlilna ngħixu.

Il-Ħarifa tal-ħajja

5. X’inhi x-xjuħija? Dwarha kultant wieħed jitkellem bħala l-Ħarifa tal-ħajja – dan diġa kien għamlu Ċiċerun(9) – billi segwa l-analoġija tal-istaġuni u tal-linja tal-fażijiet tan-natura. Biżżejjed inħarsu lejn il-varjazzjoni tal-pajesaġġ, tul il-korsa tas-sena, fuq il-muntanji u fil-pjanuri, fil-mergħat, fil-widien, fil-boskijiet, fuq is-siġar u fuq il-pjanti. Hemm xebħ mill-qrib bejn il-bio-ritmi tal-bniedem u ċ-ċikli tan-natura, li minnha huwa parti.

Fl-istess ħin, iżda, il-bniedem jiddistingwi ruħu minn kull realtà oħra li ddawru, għaliex huwa persuna. Iffurmat bħala xbiha u xebħ ta’Alla, huwa hu suġġett konxju u responsabbli. Ukoll fid-dimensjoni spiritwali tiegħu, huwa jgħix is-suċċessjoni ta’ fażijiet differenti, kollha ugualment tranżitorji. San-Efrem is-Sirjan kien iħobb iqabbel il-ħajja mas-swaba ta’ id, kemm biex juri li t-tul tiegħu ma jmurx ‘il-hemm mill-fetħa ta’ id, kif ukoll biex jindika li, l-istess  bħal kull subgħa, kull fażi tal-ħajja għandha l-karatteristika tagħha, u “s-swaba jirrapreżentaw il-ħames tarġiet li fuqhom javanza l-bniedem”.(10)

Jekk, konsegwentement, l-infanza u ż-żgħożija huma l-perijodu li fih l-esseri uman huwa fil-formazzjoni, jgħix proġettat lejn il-futur, u billi jsir konxju tal-potenzjalitajiet tiegħu, ifassal proġetti għall-età adulta, ix-xjuħija ma tonqosx mill-ġid tiegħu, għaliex – kif josserva San Ġilormu – waqt li jattwa l-qawwa tal-passjonijiet, hija żżid l-għerf, minn pariri iktar maturi”.(11). Sa ċertu punt, din hija l-epoka privileġġjata ta’ dak l-għaqal li soltu huwa frott tal-esperjenza, għaliex “iż-żmien huwa mgħallem kbir”.(12) U magħrufa sewwa, imbagħad it-talba tas-Salmista: “Għallimna ngħoddu jiem ħajjitna, sabiex aħna nimxu bil-għaqal”(Sal 90 [89], 12).

L-anzjani fl-Iskrittura Mqaddsa

6. “Iż-żgħożija u x-xagħar iswed huma buffura riħ”, josserva Koħelet (11, 10). Il-Bibbjaħma toqgħodx lura milli tiġbed l-attenzjoni, kultant b’rejaliżmu  sinċier, dwar it-tajran mgħaġġel tal-ħajja u taż-żmien li jtir bħar-riħ: “Frugħa tal-frugħat […] frugħa tal-frugħat, kollox frugħa” (Ko 1, 2): min ma jafx t-twissija severa tal-Għaref antik? Nifhmuha b’mod speċjali aħna l-anzjani, imħarrġa mill-esperjenza.

Minkejja dan ir-rejaliżmu diżillużjonista, l-Iskrittura żżomm viżjoni ferm pożittiva tal-valur tal-ħajja, Il-bniedem jibqà dejjem fatt ta’ “xbiha ta’ Alla” (cfr Ġn 1, 26) u kull età għandha s-sbuħija tagħha u d-dmirijiet tagħha, L-età avanzata ssib, anzi, fil-kelma ta’ Alla konsiderazzjoni kbira tant li l-għixien sa età kbira narawh bħala sinjal tat-tjubija divina (cfr Ġn 11, 10-32). Ma’ Abraham, bniedem li tiegħu jiġi enfasizzat il-privileġġ tal-anzjanità, din it-tjubija tassumi l-wiċċ ta’ wegħda: “Nagħmel minnek ġens kbir u se nbirkek, u nkabbarlek ismek  u int tkunr barka, Se nbierek lil dawk li  jbirkuk u nisħet lil min jisħtek. U jitbierku bik it-tribujiet kollha tal-art” (Ġn 12, 2-3). Maġembu hemm Sara, il-mara li tara ġisimha jixjieħ, imma li tisperimenta fil-limiti tal-laħam issa midbiel il-qawwa ta’ Alla li tagħmel tajjeb għall-insuffiċjenza umana.

Anzjan huwa Mosè, meta Alla jafdalu l-missjoni biex joħroġ lill-poplu magħżul mill-Eġittu. L-opri kbar li wettaq b’mandat tal-Mulej favur Iżrael ma jokkupawx is-snin taż-żgħoija, imma tax-xjuħija. Fost eżempji oħra offruti minn anzjani irrid nikkwota l-ġrajja ta’ Tobi, li b’umiltà u b’kuraġġ jimpenja ruħu ħalli josserva l-liġi ta’ Alla, biex jgħin lil dawk fil-bżonn u biex jissaporti bis-sabar it-telfa ta’ għajnejh sakemm jisperimenta l-intervent deċiżiv tal-anġlu ta’ Alla (cfr Tb 3, 16-17); u wkoll dik ta’ Eleażar, li l-martirju tiegħu huwa xhieda ta’ ġenerożità u qawwa singulari (cfr 2 Mak 6, 18-31).

7. It-Testment il-Ġdid, mimli bid-dawl ta’ Kristu, jiftaħar b’figuri elokwenti ta’ anzjani. Il-Vanġelu ta’ Luqa jiftaħ billi jippreżenta koppja ta’ miżżewġin “imdaħħla fiż-żmien” (1, 7): Eliżabetta u Żakkarija, il-ġenituri ta’ Ġwanni l-Battista. Lejhom jindirizza l-ħniena tal-Mulej (cfr Lq 1, 5-25.39-79): lil Żakkarija issa xiħ jiġi mħabbar it-twelid ta’ iben. Huwa stess jistqarr: “Jiena xiħ u marti mdaħħla fiż-żmien”(Lq 1, 18). Waqt iż-żjara ta’ Marija, il-kuġina anzjana Eliżabetta, mimlija bl-Ispirtu Santu, tgħid: “Imbierka inti fost in-nisa u mbierek il-frott ta’ ġufek” (Lq 1, 42) u fit-twelid ta’ Ġwanni l-Battista, Żakkarija jintona l-innu tal Benedictus. Hawn hi koppja meraviljuża ta’ anzjani, mimlija bi spirtu profond ta’ talb.

Fit-tempju ta’ Ġerusalem Marija u Ġużeppi, li hemm ħadu lil Ġesù  biex joffruh lill-Mulej, jew pjuttost, skont il-Liġi, biex jifduh bħala l-ewwel wild, jiltaqgħu max-xwejjaħ Xmun, li kien ilu ħafna jistenna l-Messija. Waqt li ħa t-tarbija f’dirgħajh, huwa jbierek lil Alla u jinfaqà fin-Nunc dimittis:”Issa ħalli, o Mulej, li l-qaddej tiegħek imur fis-sliem. . . ” (Lq 2, 29).

Maġembu nsibu lil Anna, armla ta’ erbgħa u tmenin sena, frekwentatriċi kostanti tat-Tempju, li fl-okkażjoni tifraħ tara lil Ġesù. L-Evanġelista jinnota li “bdiet tfaħħar lil Alla u titkellem dwar it-tarbija ma’ dawk li kienu qegħdin jistennew il-ħelsien ta’ Ġerusalem” (Lq 2, 38).

Anzjan huwa Nikodemu, membru meqjum tas-Sinedriju. Huwa jmur billejl għand Ġesù biex ma jagħtix fil-għajn. Lilu l-Imgħallem Divin jirrivela li hu Bin Alla, li ġie biex isalva d-dinja (cfr Ġw 3, 1-21). Nerġgħu nsibu lil Nikodemu fil-waqt tad-difna ta’ Kristu, meta hu ħa taħlita ta’ morr u sabbara, jirkeb il-biżà u juri ruħu bħala dixxiplu tal-Mislub (cfr Ġw 19, 38-40). Liema xħieda konfortanti, dawn! Ifakkruna kif f’kull età il-Mulej jitlob lil kull wieħed u waħda minna l-kontribut tat-talenti tagħna. Is-servizz lill-Vanġelu mhuwiex kustjoni ta’ età!

U xi ngħidu dwar l-anzjan Pietru, msejjaħ biex jixhed il-fidi tiegħu bil-martirju? Jum wieħed Ġesù kien qallu: “Meta kont żagħżugħ kont tilbes u titħażżem waħdek; imma meta tixjieħ tifrex idejk, u xiħadd ieħor ilibbsek u jħażżmek u jieħdok fejn ma tridx” (Ġw 21, 18). Dan huwa kliem li, bħala s-suċċessur ta’ Pietru, imissuni mill-qrib u jġegħlni nħoss qawwi l-bżonn li nifrex idejja lejn dawk ta’ Kristu, b’ubbidjenza għall-ordni tiegħu: “Ejja warajja!” (Ġw 21, 19).

8. Is-Salm 92 [91], kważi jissintetizza x-xhieda risplendenti ta’ anzjani li nsibu fil-Bibbja, dan iħabbar: “Il-bniedem ġust bħal Palma jħaddar, bħal ċedru tal-Libanu jikber; . . . Sa fi xjuħithom il-frott jagħmlu, kollhom ħajja u ħdura, biex ixandru li ġust huwa l-Mulej” (13, 15-16). U l-Appostlu Pawlu, waqt li jidwi għas-Salmista, jikteb fl-Ittra lil Titu: “Ix-xjuħ ikunu rżina, għaqlin, meqjusa, sħaħ fil-fidi, fl-imħabba u fis-sabar. L-istess in-nisa xjuħ: għandhom iġibu ruħhom kif jixraq lil nisa qaddisin….; għandhom jgħallmu t-tajjeb, biex hekk idarru lin-nisa żgħażagħ iħobbu lil żwieġhom u lil uliedhom” (2, 2-5).

Ix-xjuħija, mela, fid-dawl tat-tagħlim u tal-lessiku propju “tal-Bibbja, tipproponi ruħha bħala “żmien favorevoli” għat-twettiq tal-avventura umana, u tidħol fil-pjan divin fir-rigward ta’ kull bniedem bħala żmien li fih kollox jikkonverġi (jingħaqad), għaliex hu jistà aħjar jagħżel is-sens tal-ħajja u jilħaq l-‘għerf tal-qalb”. “Xjuħija venerabbli – josserva l-Ktieb tal-għerf – mhijiex dik tal-għomor twil u linqas titqies min-numru tas-snin; ix-xjuħija tal-bniedem hi l-għaqal tiegħu, u l-għomor twil hu l-ħjja bla tebgħa” (4, 8-9). Din tikkostitwixxi l-istadju definittiv tal-maturità umana u hija espressjoni tal-barka divina.

Għassiesa ta’ tifkira kollettiva

9. Fl-imgħoddi kien hemm rispett kbir lejn l-anzjani, Dwar dan kien kiteb il-poeta Latin Ovidju: “Kbira kienet darba l-qima lejn ix-xjuħ”.(13) Sekli qabel, il-poeta Grieg Focilide kien wissa: “Irrispetta lix-xagħar abjad: Agħti lix-xiħ għaqli dawk ir-rikonoxximenti stess li tattribwixxi lil missierek”.(14)

U llum? Jekk nieqfu biex nanalizzaw s-sitwazzjoni attwali,  naraw li fost xi popli x-xjuħija hija stmata u vvalorizzata; fost oħrajn, iżda, hija ferm inqas minħabba mentalità li tqiegħed fl-ewwel post l-utilità mmedjata u l-produttività tal-bniedem. Minħabba tali atteġġjament, l-hekk imsejħa tielet jew rabà età hija spiss iddisprezzata, u l-anzjani stess jaslu li jistaqsu jekk l-eżistenza tagħhom għadhiex utli.

Dan qiegħed iwassal saħansitra biex tkun issuġġerita b’insistenza krexxenti l-ewtenasja, bħala soluzzjoni għas-sitwazzjonijiet diffiċli. Il-kunċett tal-ewtenasja, sfortunatament, f’dawn l-aħħar snin tilef dik il-konnotazzjoni ta’ orrur għal ħafna nies, li naturalment tqanqal fl-erwieħ sensibbli għar-rispett tal-ħajja. Bla dubju, jistà jiġri li, fil-każijiet ta’ mard gravi bi tbatijiet insapportabbli, il-persuni pprovati jkunu ttentati b’esasperazzjoni u l-għeżież tagħhom jew dawk li jkunu qegħdin jikkurawhom jistgħu jħossuhom imbuttati minn ħniena mhix mifhuma li jqisu raġjonevoli s-soluzzjoni tal-“mewt ħelwa”. Għal tali għan, hemm bżonn niftakru li l-liġi morali tippermetti li tirrinunzja l-hekk imsejħa “għebusija tar-ras terepewtika”,(15) u titlob biss dawk il-kuri li jidħlu fl-esiġenzi normali tal-assistenza medika. Iżda l-ewtenasja hija ħaġa oħra fil-fehim tagħha bħala provokazzjoni diretta tal-mewt! Minkejja l-intenzjonijiet u ċ-ċirkustanzi, din tibqà att intrinsikament  ħażin, vjolazzjoni tal-liġi divina, offiża għad-dinjità tal-persuna umana.(16)

10.  Hemm bżonn urġenti li tiġi rkuprata l-perspettiva t-tajba li minnha l-ħajja tiġi meqjusa kollha kemm hi. U l-perspettiva ġusta hija l-eternità, li tagħha l-ħajja hija tħejjija sinifikattiva f’kull fażi tagħha. Ix-xjuħija wkoll għandha rwol tagħha x’tiżżvolġi f’dan il-proċess ta’ maturazzjoni progressiva tal-esseri uman fi triqtha lejn l-etern. Minn din il-maturazzjoni ma jistax ma jiksibx benefiċċju l-istess grupp soċjali li minnu l-anzjan huwa parti.

L-anzjani jgħinu biex inħarsu lejn il-ġrajjiet terreni b’iktar għaqal, għaliex id-diffikultajiet għamluhom esperti u maturi. Dawn huma l-għassiesa tal-memorja kollettiva, u għalhekk interpreti privileġġjati ta’ dik il-ġabra ta’ ideali u ta’ valuri komuni li jrieġu u jiggwidaw il-konvivenza soċjali. Li teskludihom huwa daqslikieku rifjut tal-imgħoddi, li fih jgħoddsu l-għeruq tal-preżent, f’isem ta’ modernità bla tifkira. L-anzjani, grazzi għall-esperjenza matura tagħhom jistgħu jipproponu pariri u taħriġ prezzjużi liż-żgħażagħ.

L-aspetti ta’ umanità fraġli, marbutin b’mod iktar viżibbli max-xjuħija, isiru f’dan id-dawl sejħa għall-interdipendenza u għas-solidarjetà meħtieġa li jorbtu bejniethom il-ġenerazzjonijiet, għaliex kull persuna għandha bżonn l-oħra u tarrikkixxi ruħha bid-doni u bil-kariżmi ta’ kulħadd.

Jinħassu sinifikattivi, f’dan ir-rigward, il-konsiderazzjonijiet ta’ poeta għażiż għalija, li jikteb hekk: “Mhux etern biss il-futur, mhux biss! . . . Iva, l-imgħoddi wkoll huwa ż-żmien tal-eternità: dak li diġa ġara mhux se jkun rappreżentat f’daqqa waħda kif kien… Jerġà lura bħala idea, ma jerġax ifiġġ bħala hu nnifsu”.(17)

“Weġġah il-missier u l-omm”

11. Mela għaliex ma nkomplux nattribwixxu lill-anzjan dak ir-rispett li t-tradizzjonijiet b’saħħithom ta’ bosta kulturi f’kull kontinent kellhom posthom fost il-valuri? Għall-popli tal-isfera milħuqa mill-influss bibbliku, ir-riferenza kienet, tul is-sekli, il-kmandament tad-Dekalogu: “Weġġaħ il-missier u lill-omm”; dmir, madankollu magħruf universalment. Mill-applikazzjoni sħiħa u koerenti tiegħu ma ħarġitx biss l-imħabba għall-ġenituri min-naħa tal-ulied, imma kienet ukoll enfasizzata r-rabta qawwija li teżisti bejn il-ġenerazzjonijiet. Fejn il-preċett jiġi milqugħ u osservat fedelment, l-anzjani jafu li ma hemm ebda perikolu li jkunu meqjusa bħala piż inutli u ingumbranti.

Il-kmandament jgħallem, ukoll, biex nattribwixxu rispett lil dawk li ġew qabilna u għal dak li għamlu sewwa: “il-missier u l-omm” jindikaw l-imgħoddi, it-rabta bejn ġenerazzjoni u oħra, il-kondizzjoni li tirrendi possibbli l-eżistenza stess ta’ poplu. Skont it-tħejjija doppja proposta mill-Bibbja (cfr Es 20, 2-17; Dt 5, 6-21), dan il-kmand divin jokkupa l-ewwel post fit-tieni Tavla, dik li tmiss id-dmirijiet tal-esseri uman lejn il-proxxmu u lejn is-soċjetà. U mbagħad l-uniku li miegħu hija marbuta wegħda: “Weġġaħ lil missierek u lil ommok sabiex jitwalu jiemek fil-pajjiż li jtik il-Mulej, Alla tiegħek” (Es 20, 12; cfr Dt 5, 16).

12. “Qum quddiem min għandu xagħru abjad, qim il-persuna tax-xiħ” (Lv 19, 32). Li tweġġaħ lill-anzjani jinvolvi dmir triplu lejhom: l-akkoljenza, l-asistenza, il-valorazzizjoni tal-kwalità tagħhom. F’bosta ambjenti dan iseħħ kważi b’mod spontanju, bħallikieku bi drawwa antika. F’inħawi oħra, speċjalment fin-nazzjonijiet ekonomikament iktar progressivi,  hija meħtieġa inversjoni neċessarja tat-tendenza, biex jiġi żgurat li dawk li javanzaw fis-snin ikunu jistgħu jixjieħu b’dinjità, mingħajr ma jkollhom jibżgħu li jiġu ridotti li ,m’huma tajbin għal xejn.  Hemm bżonn li nikkonvinċu ruħna li huwa propju ta’ ċiviltà għal kollox umana li tirrispetta u tħobb lill-anzjani, sabiex huma jħossuhom, minkejja d-dgħufija tal-forzi, parti mis-soċjetà. Ċiċerun kien diġa osserva li “l-piż tal-età ikun iktar ħafif għal min iħossu rrispettat u maħbub miż-żgħażagħ”.(18)

L-ispirtu uman, mill-bqija, waqt li jkun qiegħed jieħu sehem fix-xjuħija tal-ġisem, sa ċertu punt jibqà dejjem żagħżugħ, jekk jgħix mdawwar lejn l-etern, u ta’ din iż-żgħożija perpetwa jagħmel esperjenza ħajja, meta max-xhieda nterna tal-kuxjenza tajba, tingħaqad il-kura u l-affezjoni grata tal-persuni għeżież. Il-bniedem mela, kif jikteb San Girgor ta’ Nazianzo, “ma jixjieħx fl-ispirtu: jaċetta  t-taħlil bħala l-waqt stabbli għal-libertà meħtieġa. Jittrasferixxi ruħu b’mod ħelu lejn in-naħa l-oħra fejn ħadd mhu mhux matur jew xiħ, imma kulħadd huwa perfett fl-età spiritwali”.(19)

Ilkoll nafu eżempji elokwenti ta’ anzjani b’żgħożija sorprendenti u saħħa tal-ispirtu. Għal min jersaq lejhom, dawn huma stimolu bi kliemhom u ta’ sabar bl-eżempju. Jalla s-soċjetà tivvalorizza għal kollox l-anzjani, li f’xi reġġjuni tad-dinja – qiegħed naħseb fl-Afrika – huma stmati ġustament bħala “biblijoteki viventi” ta’ għaqal, għassiesa ta’ patrimonju inestimabbli ta’ xhieda umani u spiritwali. Jekk hu minnu li fuq il-pjan fiżiku għandhom ġeneralment bżonn għajnuna, huwa wkoll veru li, fl-età tagħhom avanzata, jistgħu joffru sosten lill-passi taż-żgħażagħ li jitfaċċaw fuq ix-xefaq tal-eżistenza biex jittestjaw l-mogħdijiet tagħhom.

Waqt li qiegħd nitkellem dwar l-anzjani, ma nistax ma ndurx ukoll lejn iż-żgħażagħ biex nistedinhom biex ikunu ma ġembhom.  Inħeġġiġkom, għeżież żgħażagħ, biex tagħmlu dan b’imħabba u ġenerożità. L-anzjani jistgħu jagħtukom ħafna iktar milli tistgħu timmaġinaw. Il-Ktieb tas- Siraċide dwar dan iwissi: “La titraskurax id-diskorsi tax-xjuħ, għaliex huma wkoll tgħallmu mingħand missirijiethom” (8, 9); “Oqgħod fejn jiltaqgħu x-xjuħ; u fejn hemm xi għaref oqgħod ħdejh” (6, 34); għaliex għall-anzjani “l-għerf” huwa addattat

13. Il-komunità nisranija tistà tirċievi ħafna mill-preżenza serena ta’ min hu avanzat fis-snin. Naħseb, b’mod speċjali, fl-evanġelizzazzjoni: l-effettività tagħha ma tiddependix prinċipalment mill-effiċjenza operattiva. F’kemm familji in-neppuijiet jirċievu mingħand in-nanniet il-priċipji bażiċi tal-fidi! Imma huma ħafna iktar l-oqsma li għalihom jistà jinfirex il-kontribut tal-anzjani. L-Ispirtu jaġixxi kif u fejn irid, billi jinqeda spiss bi triqat umani li għal għajnejn id-dinja ma jidhrux wisq ta’ min iqishom. Kemm isibu fehim u sabar f’persuni anzjani, weħedhom jew morda, imma li kapaċi jqanqlu kuraġġ permezz ta’ parir amorevoli, it-talb sieket, ix-xhieda tat-tbatija milqugħa b’abbandun paċenzjuż! Propju waqt li jonqsu l-enerġiji u jonqsu l-ħiliet operattivi, dawn ħutna rġiel u nisa jsiru iktar prezzjużi fil-pjan misterjuż tal-Providenza.

Taħt dan il-profil ukoll, mela, kif ukoll minħabba esiġenza psikoloġika evidenti tal-anzjan innifsu, il-post l-iktar naturali biex jgħix il-kondizzjoni tal-anzjanità tibqà dik tal-ambjent li fih huwa “ta’ ġewwa”, fost qraba, dawk li jafuh u ħbiebu, u fejn għadu jistà jagħti  xi servizz. Kull ma jmur, bit-titwil medju tal-ħajja, il-faxxa tal-anzjani tkompli tikber, se ssir dejjem iktar urġenti li nippromwovu din il-kultura ta’ anzjanità dejjem iktar milqugħa u vvalorizzata mhux imwarrba fil-ġemb. L-ideali jibqà il-permanenza tal-anzjan fil-familja bil-garanzija ta’ għajnuniet soċjali effettivi fir-rigward tal-bżonnijiet dejjem jikbru li l-età jew il-mard jinvolvu. Madankollu hemm sitwazzjonijiet, li fihom iċ-ċirkustanzi stess jirrakkomandaw jew jimponu d-dħul fi “djar tal-anzjani”, sabiex l-anzjan ikun jistà jgawdi mill-kumpanija ta’ persuni oħra u jużufruwixxi minn assistenza speċjalizzata. Tali stituzzjonijiet huma għalhekk ta’ min ifaħħarhom, u l-esperjenza tgħid li jistgħu jirrendu servizz prezzjuż, sakemm ikunu ispirati mhux biss minn kriterji ta’ effiċjenza organizzattiva, imma wkoll minn kura affettiva. Dan kollu jkun f’dan is-sens iktar faċli, kemm-il darba r-rapport stabbilit mal-klijenti anzjani ndividwali min-naħa tal-familjari, ħbieb, komunità parrokkjali, ikun tali li jgħinhom iħossuhom persuni maħbubin u għadhom utli għas-soċjetà.  U kif hawn ma nibagħtux ħsieb ammirat u grat lill-Kongregazzjonijiet reliġjużi u lill-gruppi tal-voluntarjat, li jiddedikaw ruħhom b’attenzjoni speċjali propju għall-assistenza tal-anzjani, speċjalment ta’ dawk foqra, abbandunati jew f’diffikulta?

Għeżież anzjani, li tinsabu f’kondizzjonijiet prekarji għas-saħħa jew affarijiet oħra, jiena qribkom bi mħabba. Meta Alla jippermetti t-tbatija tagħna minħabba l-mard, is-solitudni jew għal raġunijiet marbutin mal-età avanzata, dejjem jagħtina l-grazzja u l-qawwa sabiex ningħaqdu b’iktar imħabba mas-sagrifiċċju tal-Iben u biex nieħdu sehem b’iktar qawwa mal-proġett tas-salvazzjoni. Ejjew inkunu persważi: Huwa hu Missier, Missier għani bi mħabba u bi ħniena!

Naħseb b’mod speċjali fikom, romol irġiel u nisa, li bqajtu weħedkom biex itterrqu l-aħħar parti tal-ħajja: lilkom, reliġjużi anzjani rġiel u nisa li għal bosta snin servejtu fedelment il-kawża tas-Saltna tas-smewwiet; lilkom ħuti fis-Saċerdozju u fl-Episkopat, li minħabba l-ilħuq ta’ limiti ta’ età ħallejtu r-responsabiltà diretta tal-ministeru pastorali. Il-Knisja għad għandha bżonnkom. Hija tapprezza s-servizzi li għadkom tħossu li tagħtu f’oqsma multipli ta’ apostolat, torbot fuq il-kontribut tagħkom ta’ talb estiż, tistenna l-pariri tagħkom sperimentati, u tistagħna bix-xhieda evanġelika minnkom mogħtija lejl u nhar.

 Int tgħallimni t-triq tal-ħajja; hemm il-milja tal-ferħ quddiemek, hemm l-għaxqa għal dejjem f’lemintek. (Salm 16 (15) 11)

14. Huwa naturali li, mal-passaġġ tas-snin, isir familjari l-ħsieb t’ “inżul ix-xemx”. Jekk xejn, ifakkarulna l-fatt stess li l-membri tal-familja, il-ħbieb u dawk li nafuhom kull ma jmur jibda jonqos: b’dan nintebħu f’diversi ċirkustanzi, per eżempju meta nsibu ruħna f’laqgħat tal-familja, f’laqgħat ma’ sħabna ta’ ċkunitna, tal-iskola, tal-università, tas-servizz militari, mal-kollegi tagħna tas-seminarju… Il-linja bejn il-ħajja u l-mewt taqsam il-komunità tagħna u toqrob lejn kull wieħed u waħda minna bla ħniena. Jekk il-ħajja hija pellegrinaġġ lejn artna ċelesti, ix-xjuħija hija ż-żmien li fih iktar b’mod naturali wieħed iħares lejn l-għatba tal-eternità.

U bdanakollu aħna l-anzjani wkoll insibuha iebsa li nirrassenjaw ruħna għall-prospettiva ta’ dan il-passaġġ. Dan infatti jippreżenta, fil-kundizzjoni umana mmarkata bid-dnub, dimensjoni ta’ oskurità li neċessarjament iddejjaqna u tbeżżagħna U kif qatt setà Jkun mod ieħor? Il-bniedem kien magħmul għall-ħajja waqt li l-mewt – kif tispjegalna l-Iskrittura sa minn l-ewwel paġni (cfr Ġn 2-3) – ma kienx proġett ordinarju ta’ Alla, imma daħlet wara d-dnub, frott tal-“mibegħda tax-xitan” (Għerf 2, 24). Wieħed mela jifhem għaliex, quddiem din ir-realtà mudlama, il-bniedem jirrejaġixxi u jirribella. U sinifikattiv għal tali għan li Ġesù nnifsu, “kien imġarrab f’kollox bħalna minbarra d-dnub” (Lh 4, 15), beżà quddiem il-mewt: “Missier jekk hu possibbli, eħlisni minn dan il-kalċi” (Mt 26, 39). U kif ninsew d-dmugħ tiegħu quddiem il-qabar ta’ ħabibu Lazzru, minkejja li kien se jirxuxtah (cfr Ġw 11, 35)?

Hi kemm hi razzjonalment komprensibbli taħt il-profil bijoloġiku il-mewt, mhuwiex possibbli li tgħixha b’“naturalezza”. Din tikkuntrasta mal-istint l-iktar profond tal-bniedem. Għal dan il-għan il-Konċilju qal: “Quddiem il-mewt l-enigma tal-kondizzjoni umana issir suprema. Mhux biss jitnikket, il-bniedem, għall-ħsieb tal-avviċinament tan-niket u tat-taħsir tal-ġisem, imma wkoll, u anzi ferm iktar, minħabba l-biżà li kollox se jintemm għal dejjem”.(20) Bla dubju, in-niket kien jibqà inkonsolabbli, kieku l-mewt kienet il-qerda ta’ kollox, it-tmiem ta’ kollox. Il-mewt għalhekk iġġiegħel lill-bniedem li jagħmel il-mistoqsijiet radikali dwar is-sens stess tal-ħajja: x’hemm ‘il hinn mill-ħajt tad-dell tal-mewt? Din tikkostitwixxi t-tmiem definittiv tal-ħajja jew teżisti xi ħaġa li tmur ‘il hemm minnu?

15. Ma jonqsux fil-kultura tal-umanità, sa miż-żminijiet l-iktar qodma sa żminijietna, tweġibiet riduttivi, li jillimitaw il-ħajja għal dik li ngħixu fuq din l-art. Fl-istess ħin it-Testment il-Ġdid, xi notazzjonijiet fil-Ktieb ta’ Koħelet iġegħuk taħseb li x-xjuħija hi bħal bini li qiegħed jaqà u l-mewt bħala għall-qerda tagħha totali u definittiva (cfr 12, 1-7). Imma propju fid-dawl ta’ dawn it-tweġibiet pessimisti, takkwista emfasi ikbar il-prospettiva sħiħa ta’ tama, li toħroġ mill-kombinazzjoni tar-Rivelazzjoni, u b’mod speċjali minn: “Alla mhuwiex Alla tal-mejtin, imma tal-ħajjin” (Lq 20, 38). Jiċċertifika l-Appostlu San Pawl li Alla li jagħti l-ħajja lill-mejtin (cfr Rm 4, 17) se jagħti l-ħajja wkoll lill-iġsma tagħna mortali (cfr ibid., 8, 11). U Ġesù dwaru jiddikjara: “Jiena l-qawmien u l-ħajja; min jemmen fija, ukoll jekk imut, se jgħix: kull min jgħix u jemmen fija, mhux se jmut għal dejjem” (Ġw 11, 25-26).

Kristu, li għadda ‘l hemm mill-fruntiera tal-mewt, irrivela l-ħajja li tinsab ‘il hemm minn dan il-limitu f’dak it-“territorju” inesplorat mill-bniedem li huwa l-eternità. Huwa hu l-ewwel Xhud tal-ħajja mmortali; Fih it-tama umana tirrivela ruħha mimlija bl-immortalità. “Jekk tnikkitna ċ-ċertezza li rridu nmutu, tikkunslana l-wegħda tal immortalità futura”.(21) Għal dan il-kliem, li l-Liturġija toffri lil dawk li jemmnu bħala konsolazzjoni fil-waqt tal-firda minn persuna għażiża, issegwi aħbar ta’ tama: “Għal dawk li jemmnu fik, o Mulej, il-ħajja ma tintemmx, imma tinbidel; u waqt li tintemm l-għamara ta’ din id-dinja, tiġi mħejjija għamara eterna fis-sema” (22) Fi Kristu l-mewt, realtà drammatika u xokkanti, tiġi mifdija u mibdula, sakemm turi l-wiċċ ta’ “oħt” li tmexxina f’dirgħajn il-Missier.(23)

16. Il-fidi b’dan il-mod iddawwal il-misteru tal-mewt u tħeġġeġ kalma fix-xjuħija, mhux iktar meqjusa u migħuxa bħala stennija passiva ta’ ġrajja ta’ qerda, imma bħala avviċinament promettenti lejn il-għan tal-milja tal-maturità. Dawn huma snin li għandhom jingħexu b’sens ta’ abbandun fiduċjuż f’idejn Alla, Missier provvidenti u ħanin, perijodu x’nutilizzaw b’mod krejattiv fid-dawl ta’ approfondiment tal-ħajja spiritwali, permezz tal-intensifikazzjoni tat-talb u tal-impenn ta’ dedikazzjoni għall-ħutna fil-karità.

Huwa għalhekk ta’ min ifaħħar dawk l-inizjattivi soċjali kollha li jippermettu lill-anzjani kemm li jkomplu jikkultivaw fiżikament, intellettwalment u fil-ħajja ta’ relazzjoni, kif ukoll fli jirrendu lilhom infushom utli, bit-tqegħid għad-dispoħizzjoni tal-oħrajn ħinhom, il-ħiliet tagħhom u l-esperjenza tagħhom. B’dan il-mod, iżommu u jkabbru l-gost tal-ħajja, don fundamentali ta’ Alla. Mill-banda l-oħra,  b’tali gost tal-ħajja ma tikkuntrastax dik ix-xewqa tal-eternità, li timmatura f’dawk li jagħmlu esperjenza spiritwali profonda, kif tixhed sewwa l-ħajja tal-qaddisin.

Il-Vanġelu jfakkarna f’dan ir-rigward il-kliem tax-xwejjaħ Xmun, li jiddikjara li kien lest li jmut, minn dak il-waqt li fih setà jħaddan f’dirgħajh lill-Messija mistenni: “Issa, o Sid, tistà tħalli l-qaddej tiegħek imur bis-sliem, skont kelmtek, għaliex għajnejja raw is-salvazzjoni tiegħek” (Lq 2, 29-30). L-Appostlu Pawlu jħossu sa ċertu punt inċert bejn ix-xewqa li jkompli jgħix, biex iħabbar il-Vanġelu, u x-xewqa li “jkun meħlus mill-ġisem biex ikun ma’ Kristu” (Fil 1, 23). San Injazju ta’ antijokja, waqt li kien sejjer kuntent biex iġarrab il-martirju, jixhed li ħass f’ruħu leħen l-Ispirtu Santu, kważi “ilma” ħaj li kien igelgel ġewwa fih u jsefsiflu l-istedina: “Ejja għand il-Missier”.(24) L-eżempji jistgħu jkomplu. Dawn ma jitfgħu ebda dell fuq il-valur tal-ħajja terrena, li hija sabiħa, minkejja limiti u tbatijiet, u għandha tingħex sal-aħħar. Ifakkruna iżda li din mhix il-valur aħħari, għalhekk l-għabex tal-eżistenza fis-sens nisrani, jassumi l-profili ta’ “passaġġ”, ta’ pont mitfugħ mill-ħajja għall-ħajja, fost il-ferħ fraġli u insikur ta’ din l-art u l-milja tal-ferħ li l-Mulej jirriserva għall-qaddejja fidili tiegħu: “Idħol fil-hena ta’Sidek!” (Mt 25, 21).

Awgurju ta’ ħajja

17. F’dan l-ispirtu, waqtli nawguralkom, għeżież ħuti anzjani, li tgħixu b’mod seren is-snin li l-Mulej iddispona għal kull wieħed u waħda minnkom, jiġini spontanju li naqsam magħkom sal-aħħar is-sentimeni li janimawni f’din il-parti ta’ ħajti, wara iktar minn għoxrin sena ta’ ministeru fuq it-tron ta’ Pietru, u fl-istennija tat-tielet millennju li issa jinsab fuq l-għatba. Minkejja l-limitazzjonijiet sussegwenti għall-età , għadni nżomm il-gost tal-ħajja. Niżżi ħajr lill-Mulej. Ħaġa sabiħa li nistgħu sal-aħħar inħaddmu lilna nfusna għall-kawża tas-Saltna ta’ Alla.

Fl-istess ħin, insib paċi kbira fil-ħsieb dwar il-waqt li fih il-Mulej se jsejjaħli: minn ħajja għal oħra! Minħabba dan, titlagħli spiss għal xuftejja, mingħajr ebda burdata ta’ dwejjaq, talba li s-saċerdot jgħid wara ċ-ċelebrazzjoni ewkaristika: In hora mortis meae voca me, et iube me venire ad te – fis-siegħa ta’ mewti sejjaħli, u amar li niġi għandek. Din hija t-talba tat-tama nisranija, li ma tneħħi xejn mill-kuntentizza tas-siegħa preżenti, waqt li tagħti l-futur  lill-għassa tat-tjieba divina.

18. “ Iube me venire ad te! ”: Din hija x-xenqa l-iktar profonda tal-qalb umana, ukoll f’min mhuwiex konxju.

Tina, o Mulej tal-ħajja li nagħrfu b’mod imdawwal u li nduqu bħala don, għani b’wegħdi  addizzjonali, kull staġun ta’ ħajjitna.

Agħmel li nilqgħu b’imħabba r-rieda tiegħek, billi inqegħdu kull jum f’idejk ħanina.

U meta jasal il-waqt tal-“passaġġ” definittiv, ippermettilna li niffaċċjawh b’kuraġġ seren, mingħajr xejn ma nibku dak li se nħallu warajna.

Waqt li nitaqgħu miegħek, wara li nkunu fittixniek ħafna, infatti se nsibu kull valur awtentiku sperimentat hawn fuq l-art, flimkien ma dawk li telqu qabilna bis-sinjal tal-fidi u tat-tama.

U int, Marija, Omm l-umanità pellegrina, itlob għalina “issa u fis-siegħa tal-mewt tagħna”. Żommna dejjem imħaddna ma’ Ġesù, Ibnek l-għażiż u ħuna, Sid il-ħajja u l-glorja.

Amen!

Mill-Vatikan, l-1° ta’ Ottubru 1999.

IOANNES PAULUS PP. II


(1) S. GIOVANNI DAMASCENO, Esposizione della fede ortodossa, 2, 29.
(2) Cfr La dignità dell’anziano e la sua missione nella Chiesa e nel mondo, Città del Vaticano 1998.
(3) VIRGILIO, “ Fugit inreparabile tempus ”, Georgiche, III, 284.
(4) Liturgia della Veglia pasquale.
(5) S. IRENEO DI LIONE, Adversus haereses, 4, 20, 4.
(6) Cfr GIOVANNI PAOLO II, Centesimus annus, 18.
(7) Cfr Ibid., 23.
(8) S. GIOVANNI CRISOSTOMO, Commento alla Lettera ai Romani, 9, 2.
(9) Cfr M. T. Cicerone, Cato maior, seu De senectute, 19, 70.
(10) Su “ Tutto è vanità e afflizione di spirito ”, 5-6.
(11) “ Auget sapientiam, dat maturiora consilia ”, Commentaria in Amos, 2, prol.
(12) CORNEILLE, Sertorius, a. II, sc. 4, b. 717.
(13) “ Magna fuit quondam capitis reverentia cani ”, Fasti, lib. V, v. 57.
(14) Sentenze, XLII.
(15) Cfr GIOVANNI PAOLO II, Evangelium vitae, 65.
(16) Cfr Ibid.
(17) C. NORWID, Nie tylko przyszlosc. . ., Post scriptum, I, vv. 1-4.
(18) “ Levior fit senectus, eorum qui a iuventute coluntur et diliguntur ”, Cato maior, seu De senectute, 8, 26.
(19) Discorso dopo il ritorno dalla campagna, 11.
(20) CONC. ECUM. VAT. II, Gaudium et spes, 18.
(21) Messale Romano,  Prefazio dei defunti.
(22) Ibid.
(23) Cfr S. FRANCESCO D’ASSISI, Cantico delle creature.
(24) S. Ignazio di Antiochia, Lettera ai Romani, 7, 2.

© Copyright 1999 – Libreria Editrice Vaticana
Copyright © Dicastero per la Comunicazione – Libreria Editrice Vat

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading