Ħsieb tat-14-il Ħadd matul is-Sena – B

Minn D. Edward Vella

Naħseb li lkoll kemm aħna smajna l-espressjoni li ‘l-għajnejn huma t-twieqi tal-qalb’. Wieħed mill-qaddisin il-kbar tal-Knisja darba qal li ‘l-għajnejn ta’ tarbija huma t-twieqi tal-ġenna’. Hemm xi ħaġa li taffaxxina f’għajnejn il-bniedem, donnu l-għajnejn jikxfu dak li jkun hemm fil-qalb hekk li bl-ingliz hemm saying li jgħid, ‘eyes never lie’. Ma nafx intbaħtux llum li s-salm jitkellem ħafna mill-għajnejn: ‘Lejk nerfa’ għajnejja, int li tgħammar fis-smewwiet. Ara,…bħal għajnejn il-qaddejja lejn id sidtha; hekk għajnejna lejn il-Mulej, Alla tagħna,…’, u aħna rrispondejna: ‘Għajnejna lejn il-Mulej, sa ma jkollu ħniena minna.’

Fl-antik, sfortunatament, Alla kien jiġi ppreżentat lilna bħala dak li jara kollox, u allura bħal qisu dejjem lest biex jikkastigana jekk aħna ma nobdux; ma hijiex din l-immaġni ta’ Alla li jagħtina Ġesù, l-Iben il-waħdieni tal-Missier, li ħadd daqsu ma jaf il-qalb ta’ Alla. Ġesù jippreżentalna lil Alla bħala Missier li jħobbna, li bħall-missier tal-parabbola tal-iben il-ħali, dejjem jistenna lil ibnu li tbiegħed u jittama li jerġa lura fi ħdanu. Għajnejn Alla huma fuqna bħal għajnejn ta’ omm u ta’ missier li jieħdu ħsieb u jħobbu l-uliedhom, u għalhekk iżommuhom dejjem taħt għajnejnhom kif ngħidu aħna. Iżda s-salm aktar jitkellem minn għajnejna kif iħarsu lejn Alla: dak li jħares b’fiduċja lejn Alla li jgħammar fis-smewwiet, u l-qaddejja li tħares b’għajnejja lejn id sidtha għax qed tistenna l-ħniena minn għandha, forsi għax żbaljat. L-għajnejn li jħarsu lejn l-art, huma għajnejn umli li qed jitolbu xi ħaġa li jafu li ma għandhomx dritt għaliha, iżda qed jitolbu l-ħniena.

L-ewwel qari jkellemna minn Eżekjal li jisma’ ’l Alla jsejjaħlu biex imur iwassal l-Kelma tiegħu lil poplu ta’ ras iebsa, mhux biss poplu li dineb iżda poplu li huwa stinat fi dnubu. Minkejja dan Alla jrid iwassalu l-messaġġ li Huwa xorta ma abbandunahx; infatti f’nofsu hemm il-profeta li jwassal il-Kelma tiegħu, Kelma li twiddeb u twissi, Kelma li ssalva. Alla tagħna mhux talli mhuwiex għassa tagħna biex jikkastigana meta nidinbu, talli anke jekk inwebbsu rasna fid-dnub huwa jibqa’ jħobbna u jittama li nintebħu bl-iżball tagħna u nerġgħu fit-triq it-tajba.

In-nies li kienu jafu lil Ġesù sa minn ċkunitu, sabuha diffiċli biex jaċċettaw il-Kelma tiegħu, għad li ħassew li hija Kelma setgħana u mimlija għerf tas-sema; dan sempliċement għaliex kien il-mastrudaxxa, u l-familjari tiegħu kienu jafuhom, u għalihom ma kienu ħadd speċjali. Dan wassalhom biex ma aċċettawx lill-Mibgħut ta’ Alla sempliċement għaliex, skont huma, kienu jafuh iżżejjed: ‘baqa’ mistagħġeb bin-nuqqas ta’ fidi tagħhom’. Tgħid aħna li aħna midħla ħafna tal-Knisja, kultant inkunu l-istess? Tgħid ikollna l-affarijiet ta’ Alla dejjem fuq fommna iżda l-bogħod minn qalbna? Tgħid Ġesù li jaf lil qalbna jsib fina Fidi vera jew le?

Fit-tieni qari tal-lum, San Pawl ispirat minn Alla, jasal li jiftaħar bid-dgħufija tiegħu, u dan għaliex din iżżommu umli: Alla permezz tax-xewqa li kienet tniggżu u ttaqqlu kien qed jeħilsu mill-akbar għadu li hija is-suppervja. Is-supperv qatt ma jaċċetta lil Alla għax jagħmel lilu nnifsu alla.

Nitolbuk Mulej, imliena bil-grazzja tiegħek, agħtina l-kuraġġ u l-fidi biex nibqgħu nħarsu ’l fuq lejk, għax tassaw nagħrfu x-xejn tagħna u l-kobor u, fl-istess ħin, l-imħabba tiegħek lejna dgħajfa u midinba. Eħlisna nitolbuk mir-ras iebsa u l-qalb magħluqa, eħlisna mis-suppervja l-għadu l-kbir tagħna, biex hekk f’qalbna jkollna biss Lilek, int li titgħaxxaq b’għajnejn l-umli. Ammen.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading