Minn Daniel Borg
Fl-Angelus tal-lum il-Papa jieqaf fuq il-frażi tal-Vanġelu li tgħid: “F’dawk il-ġranet Marija qamet u marret tħaffef lejn l-għoljiet” (Lq 1: 39). Dan ġara wara d-dehra tal-anġlu Gabriel li mhux biss iħabbrilha li hi se ssir omm Alla permezz tal-Ispirtu s-Santu, imma jgħidilha wkoll li l-qariba tagħha Eliżabetta li għaliha kienu jgħidu li ma setax ikollha tfal, kienet ukoll se tiled. Marija nfatti ma tqisx l-aħbar li rċeviet bħala privileġġ, imma tinxteħet fi vjaġġ biex tkun ta’ servizz għal Eliżabetta.
Papa Franġisku jgħid li din hi metafora tal-ħajja ta’ Marija, bħala bniedma dejjem fi vjaġġ kontinwu wara Ġesu bħala dixxiplu tiegħu, liema vjaġġ jilħaq il-qofol tiegħu fit-tlugħ fis-sema tagħha. Hu jsemmi l-Carlo Carretto li jgħid li f’Maria naraw oħtna bis-sandli mikul, għajjiena minħabba l-vjaġġ tagħha, fejn Hi dejjem mxiet wara Ġesu. Marija hija dik li hi dejjem qabilna f’din il-mixja, li tfakkarna li ħajjitna hija mixja li trid twassalna għall-laqgħa tagħna ma’ Ġesu.
Tista’ tara wkoll dan il-ħsieb fuq din il-ħolqa ta’ facebook: https://www.facebook.com/daniel.borg.75/posts/pfbid02juejJajKctKY1jkk55PpEm7FY1ZwJx327iqJkVtuqChMWUQLQY7LqNXoZPsFe38Dl