ORDINAZZJONI EPISKOPALI TAL-ARĊISQOF ALFONS STICKLER
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Sollennità tal-Qaddisin Kollha
Kappella Sistina
It-Tlieta, 1 ta’ Novembru 1983
Għeżież ħuti!
1. L-Ewkaristija, li qegħdin niċċelebraw, hija s-sagrament tal-Ordni episkopali li sejrin nagħtu lill-magħżul ġdid Arċisqof, Monsinjur Alfons Stickler, qegħdin iseħħu fil-kwadru liturġiku tas-Sollennità tal-Qaddisin Kollha.
Il-Qari bibbliku li għadu kemm ixxandar, jgħinna biex nagħtu kontenut u sinifikat kemm lill-Festa liturġika, kif ukoll lir-rit sagru tal-Ordinazzjoni. Fl-ewwel qari, meħud mill-ktieb tal-Apokalissi, Ġwanni jintroduċina fil-Ġerusalem ċelesti. Din hija ppopolata b’beati “li għaddew mit-taħbit il-kbir u ħaslu ħwejjiġhom, billi bajduhom bid-demm tal-Ħaruf” (Ap 7, 14) u issa jkantaw il-kantiku tar-rebħa: “Is-Salvazzjoni tappartieni lil Alla tagħna” (Ap 7, 10). Dan biex ngħidu li s-salvazzjoni u l-qdusija ma twettqux bil-mertu tagħhom, imma bil-grazzja ta’ Alla. Infatti, huwa biss huwa qaddis, u l-magħżulin huma dawk imqaddsin, imsejħa minn kull razza, poplu u Nazzjon, li daħlu fil-ferħ tal-Mulej tagħhom u issa jgħixu “moħbija ma’ Kristu f’Alla” (Kol 3, 3).
2. Wara din il-viżjoni ta’ glorja, il-liturġija ġġegħlna nimmeditaw fil-Vanġelu, ir-realtà tal-Knisja pellegrinanti fid-dinja. Hawn ukoll nitkellmu dwar “beatitudni”, imma dwar beati li jinsabu fil-faqar, fit-tbatija, li għandhom ġuħ u għatx, li huma ppersegwitati, minħabba l-ġustizzja. Din tal-beatitudni hija l-Knisja tagħna li lilha l-Mulej juri “t-triq id-dejqa li twassal għall-ħajja” (Mt 7, 14). Għalhekk huwa lilna li hawn ikellem il-Mulej!
B’differenza tal-qaddisin tas-sema li jinsabu fil-pussess tal-beatitudni eterna, aħna ninsabu fit-tama li nistgħu niksbuha. Imma jsabbarna l-fatt li – kif smajna fit-tieni qari – “ninsabu diġa minn issa wlied Alla, ukoll jekk għadu ma ġiex rivelat lilna kif se nkunu”(1 Ġw 3, 2). Hekk l-essenzjali diġa jinsab għandna: is-Saltna tas-smewwiet diġa bdiet għalina, grazzi għall-kwalità tagħna ta’ wlied Alla. F’dan is-sens, aħna wkoll ninsabu fix-xirka tal-qaddisin. Imma dan kollu jesiġi impenn ta’ kuljum biex nikkorrispondu pjenament mal-vokazzjoni divina u naslu għall-glorja futura. Għalhekk għandna d-dmir, skont il-kelma ta’ San Pawl, li “noperaw b’biżà u tregħid is-salvazzjoni tagħna” (Fil 2, 12) u li “noperaw il-ġid sakemm għandna ż-żmien” (Gal 6, 9). Aħna l-Knisja fiż-żmien; il-Knisja li, b’differenza minn dik ċelesti, għadha tistà takkwista merti; il-Knisja ġerarkika, imwaqqfa fuq l-Appostli u s-suċċessuri tagħhom, imsejħa minn Kristu biex jiżvolġu d-djakonija tal-qdusija u tas-salvazzjoni.
3. F’dan id-dawl għandna naraw il-figura tal-Prelat meqjum, li se jirċievi l-milja tas-saċerdozju. Huwa hu msejjaħ għall-Episkopat, wara servizz twil u għaref fil-Bibblijoteka apostolika Vatikana, biex jagħti awtorità ikbar u sinifikat lill-impenn kulturali li huwa jiżvolġi għas-servizz tas-Santa Sede. Investit bid-dinjità episkopali, huwa se jħoss bla dubju f’qalbu dejjem iktar urġenti l-ansjetà apostolika li jqiegħed it-teżori tal-għerf antiki u ġodda għall-vantaġġ tal-elevazzjoni spiritwali u kulturali tal-bnedmin ta’ żmienna. Bħala Pro-Biblijutekarju tal-Knisja Qaddisa Rumana, huwa se jħoss l-urġenza ta’ promozzjoni dejjem iktar adegwata tal-għarfien tad-duttrina nisranija u tal-protezzjoni tal-patrimonju kulturali fit-tifsira l-iktar wiesgħa tagħha.
L-eżerċizzju ta’ tali responsabiltà jikkostitwixxi, ferm iktar minn Isqof, wieħed mid-dmirijiet ewlenin tal-funzjoni tiegħu, issa ferm iktar gravi minħabba li ikbar huma l-firxa u l-konfużjoni tal-ħsieb modern. Il-kultura umana, infatti, illum tippreferi tieħu gost bil-kalkolu u bl-osservazzjoni sperimentali, billi tillimita ruħha għall-għarfien empiriku u sensibbli tad-dinja esterna, minħabba f’hekk huwa ferm diffiċli għall-bniedem kontemporanju biex jogħla għall-għarfien razzjonali u metafiżiku u ferm iktar għal dak tar-reliġjon u tal-fidi.
Il-pussess u l-istudju tal-verità reliġjuża, bħalma r-rivelazzjoni nisranija toffri lill-ispirtu tagħna, jitolbu u jiżviluppaw, barra milli fl-isfera razzjonali, f’dak il-“mysterium fidei”, li dwaru jikteb San Pawl fl-ewwel Ittra lil Tmotju (1 Tm 3, 9); imma l-att ta’ fidi, ‘il hemm milli jiddebolixxi l-fakultà tag]na tal-ħsieb, jesiġiha u jikkorroboraha. Responsabiltà kbira, mela, dik tal-Isqof li jħoss fil-kuxjenza tiegħu d-dmir li jkun għalliem fidil u żelanti tad-duttrina divina: kull Isqof huwa, l-ewwel u qabel kollox, għalliem tal-fidi.
4. Għal dan l-impenn ekkleżjali, huwa, Monsinjur, se jkompli jipprovdi l-kontribut speċifiku, li minn issa ‘l quddiem se jkun ikkonfortat mill-grazzja propja tal-karattru epskopali.
Waqt li nitlob lill-Mulej sabiex jiffertilizza l-intenzjonijiet tiegħu u l-proposti tiegħu, nirrakkomanda l-persuna tiegħu u l-attività tiegħu għall-interċessjoni tal-qaddisin kollha, li qegħdin infakkru f’din il-liturġija u li issa se nsejħu fil-litaniji, preskritti għar-rit tal-Ordinazzjoni.
Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb