AĦNA SIDIEN JEW ILSIERA TAL-FLUS U TAL-ĠID?
Minn Fr Michael A. Galea.
Fis-6 ta’ Ġunju 1976 Paul Getty, wieħed biljunarju Amerikan, ħalla din id-dinja. Dan Paul Getty, ma kellux suċċess fiż-żwieġ għax iżżewweġ u iddivorzja ħames darbiet. Wara l-aħħar divorzju tiegħu, kien intervistat minn wieħed ġurnalista u fost l-oħrajn qallu: “Kont nagħti ġidi kollu kieku kelli xi darba nirnexxi fiż-żwieġ. Qed ngħix ħajja ta’ wieħed imdejjaq għax ma nafx kif qatt ma rnexxejt fiż-żwieġ! Dan l-ilment, Paul Getty esprimieh diversi drabi. Xi sentejn qabel ma miet l-istess Paul Getty wasal biex qal: “Ikollok kemm ikollok flus qatt ma tista’ tixtri l-ferħ u l-kuntentezza!” Anzi, ma’ ġurnalista ieħor ammetta li b’xi mod, ħafna flus u ħafna ġid jistgħu jkunu l-għerq ta’ kull dieqa!
L-istorja ta’ dan il-biljunarju Amerikan tintroduċina għas-silta tal-lum mill-vanġelu ta’ San Mark. F’dal-vanġelu wkoll għandna esperjenza ta’ raġel għani. Mela Ġesu’ jinsab fi triqtu lejn Ġerusalem fejn se jiġi miċħud, imkasbar mill-qassisin il-kbar u mill-kittieba, jittradih wieħed mill-appostli li Hu kien għażel u maqtul daqs kieku kien bniedem mill-agħar.
Wieħed raġel mar jgħaġġel, niżel għarkobbtejh quddiemu u qallu: “Mgħallem tajjeb, x’għandi nagħmel biex nikseb il-ħajja ta’ dejjem?” Lil dan l-għani, San Mark la jagħtih isem u lanqas eta’…Dan biex kull wieħed u waħda minna jista’ jqiegħed lilu nnifsu flok dan il-għani. Mar jgħaġġel, jiġifieri hemm ċerta urġenza f’dak li beħsiebu jitkellem fuqu ma’ Ġesu’; la ltaqa’ miegħu ma riedx jitlef l-okkażjoni. Jindirizzah bħala “mgħallem tajjeb”. Żgur kien sema’ bit-tagħlim sabiħ li kien joħroġ minn fommu u bil-mirakli li kien beda jwettaq. Niżel għarkobbtejh quddiemu. Nistaqsi: tgħid dar-raġel kien qed jara f’Ġesu’ xi ħaġa iktar minn sempliċi bniedem bħali u bħalek? Dan ir-raġel ra f’Ġesu aktar minn sempliċi bniedem bħalma raw Natanael, Pietru f’Ċesarija ta’ Filippu u Marta oħt Lazzru. (Ġwanni 11,27)
Dar-raġel xtaq ikun jaf minn għand Ġesu’ x’għandu jagħmel biex jikseb il-ħajja ta’ dejjem. Dar-raġel ifakkarna f’ħaġa tassew importanti: Il-ħajja ta’ dejjem. Naħseb li l-materjaliżmu u l-ħajja mgħaġġla spiss inessuna il-ħajja ta’ dejjem. Mhux rari tisma’ lil xiħadd jgħidlek ‘Ħadd ma mar u ġie’. Imma aħna maħluqin għall-ħajja ta’ dejjem mhux biex ngħixu sempliċement 50, 70 jew 90 sena. Konna nkunu msieken kieku ħajjitna kellha tingħalaq f’dawn l-erba’ snin ta’ din id-dinja. Mingħajr il-ħajja ta’ dejjem il-ħajja fuq din l-art issir ġungla fejn min jiflaħ jagħti u min ma jiflaħx ilaqqat. Forsi llum għandna bżonn nitkellmu aktar fu q in-novissmi: mewt ġudizzju, infern u ġenna. Imma kull nhar ta’ Ħadd fil-kredu aħna nistrqarru li nemmnu fil-ħajja ta’ dejjem.
Ġesu’ wieġbu: “Inti l-kmandamenti tafhom…” U jsemmihomlu. Ma nafx innutajtux: minn għaxra, l-ewwel tliet kmandamenti, dawk li għandhom x’jaqsmu m’Alla, ma jsemmihomlux. Forsi għax dak li nagħmlu jew dak li ma nagħmlux mal-proxxmu tagħna, inkunu qegħdin nagħmluh jew ma nkunux qegħdin nagħmluh ma’ Ġesu, Bin Alla Magħmul Bniedem, kif insibu fil-Vanġelu ta’ San Mattew.. U ċert minnu nnifsu, dan ir-raġel jgħidlu: “Mgħallem, dan kollu, jiena ilni nħarsu sa minn meta kont żgħir.”
Jgħidilna San Mark: “U Ġesu’ xeħet fuqu ħarsa ta’ mħabba…” Ħa nkun daqsxejn prattiku…Għaddew ftit iktar minn elfejn sena minn meta Ġesu’ xeħet din il-ħarsa ta’ mħabba fuq dan ir-raġel. Ejjew inżuru, imqar għal ftit mumenti, lil Ġesu’ ħaj fil-kappelli tal-adorazzjoni li nibtu ma’ Malta u Għawdex tagħna f’dawn l-aħħar snin. Ġesu’ qed jistenniena biex jixħet fuqna din il-ħarsa ta’ mħabba li xeħet fuq dan ir-raġel li qed ifittex… “Ħaġa waħda tonqsok,” qallu Ġesu’: “Mur, biegħ li għandek, agħtih lill-fqar u jkollok teżor fis-sema imbagħad ejja u imxi warajja.” Dan ir-raġel ma felaħx jisma’ dan il-kliem. San Mark jgħidilna: “Qarras wiċċu u telaq b’qalbu sewda għaliex kellu bosta ġid.” Ta’ l-iskantament kif dan ir-raġel li minn ċkunitu osserva l-kmandamenti, ma jikkwalifikax għas-saltna mħabbra minn Ġesu. Jidher li dan ir-raġel jirrappreżenta lill-Fariżej li, minkejja li jgħixu ħajja tajba, jirtiraw minn Ġesu u ma jaċċettawhx. Dan ir-raġel ħaseb li Ġesu huwa mgħallem komuni, wieħed fost ħafna u għalhekk seta’ ma jaċċettax l-isfida tiegħu. Ġesu jaf li l-bniedem għandu bżonn il-flus imma qed jipproponilna li nafdaw aktar f’Alla milli fil-flus. Ġesu ukoll qed jipproponilna biex inkunu distakkati mill-flus u ngħinu lill-foqra ta’ madwarna.
Nagħlaq bi storja vera. It-Taljan Marcello Candia kien negozzjant tajjeb u manager ta’ fabbrika kbira. Fl-1965, ħalla l-fabbrika, biegħ ġidu kollu, tah lill-morda bil-lebbra u mar jgħix fosthom. Bil-ġid li kellu bena 14-il opra soċjali: bena sptar għal-lebbrużi, skola għan-nurses u ħafna proġetti oħra soċjali. Jekk miniex sejjer żball, m’ilux wisq fetħu l-kawża ta’ beatifikazzjoni tiegħu!
Nitolbu lill-Mulej illum biex jagħtina l-kuraġġ li ma norbtux qalbna mal-ġid ta’ l-art, nafdaw aktar f’Alla li jħobbna u nkunu aktar liberi biex nilqgħu l-isfidi li jipproponilna u nimxu warajh.