Qagħdiet u ġesti waqt il-Quddiesa (4)… u aktar Mirakli Ewkaristiċi

minn Manwel Cutajar

 Xieraq issa li ngħidu xi ħaġa dwar il-ġesti li jwettaq in-Nisrani waqt iċ-Ċelebrazzjoni tal-Quddiesa.

Il-Ġesti tal-ġisem huma l-mezzi ewlenin li bihom il-bnedmin  jesprimu l-ogħla forom tal-esperjenzi spiritwali, intellettwali,  lingwistiċi  u artistiċi tagħhom, u l-modi prinċipali li bihom il-bnedmin jikkomunikaw bejnithom, bil-ħsibijiet u l-għemejjel tagħhom.

Il-ġesti liturġiċi min-naħa tagħhom jesprimu tifsiriet speċifiċi fi ħdan ir-relazzjoni bejn Alla u l-bnedmin fiċ-Ċelebrazzjonijiet komunitarji, għalhekk għandhom rwol importanti ferm u estensiv  fil-Liturġija kollha, b’mod speċjali fiċ-Ċelebrazzjoni Ewkaristika, jiġifieri fil-Quddiesa.

Is-Sinjal tas-Salib

L-aktar importanti u familjari minn dawn il-ġesti liturġiċi huwa s-Sinjal tas-Salib li bih nibdew il-Quddiesa u li bih, f’forma ta’ barka,  tintemm il-Quddiesa.

Is-Sinjal tas-Salib minnu nnifsu huwa stqarrija qawwija tal-Fidi tagħna l-Insara f’Alla kif wera Lilu nnifsu lilna l-bnedmin.

Nixtieq hawnhekk nikkwota xi siltiet millKatekiżmu tal-Knisja Kattolika, (KKK) li juruna l-Qawwa u l-Importanza ta’ dan is-Sinjal tas-Salib.

L-insara jitgħammdu f’isem il-Missier u l-Iben u l-Ispirtu s-Santu u mhux ”fl-isimhom” tagħhom għaliex ma hemmx ħlief Alla wieħed, il-Missier li jista’ kollox u Ibnu l-waħdieni u l-Ispirtu s-Santu: it-Trinità Qaddisa. (KKK 233)

 Il-Misteru tat-Trinità Qaddisa huwa l-Misteru Ewlieni tal-fidi u l-ħajja Nisranija.Hu l-Misteru ta’ Alla fih innifsu. Hu għalhekk il-bidu tal-Misteri l-oħra kollha tal-fidi,hu d-dawl li jdawwalhom. Hu tagħlim l-aktar fundamentali u essenzjali tal-“ġerarkija tal-veritajiet tal-fidi”. L-istorja kollha tas-salvazzjoni mhijiex ħlief l-istorja tat-triq u tal-mezzi li bihom l-uniku Alla waħdu u veru: il-Missier, l-Iben u l-Ispirtu s-Santu, wera  Lilu nnifsu lill-bnedmin,u wara li reġgħu lura minn dnubiethom, ħabbibhom mill-ġdid u għaqqadhom Miegħu “ (KKK234)

Dan il-Katekiżmu  jgħidilna wkoll li meta l-Kattoliċi jitgħammdu “is-Sinjal tas-Salib, fuq l-għatba taċ-ċelebrazzjoni, jimmarka bil-marka ta’ Kristu lil dak li se jkun tiegħu u jfisser il-grazzja ta’ Kristu Fidwa. mirbuħa għalina bis-Salib Tiegħu” (KKK 1235).

Barra minn hekk, meta nroddu s-Salib nkunu qed niddikjaraw li fil-Magħmudija tagħna aħna mietna Sagramentali ma’ Kristu fuq is-Salib u qomna għal ħajja ġdida Miegħu (Rum 6:3-4 u Gal 2:20).

Qed nitolbu lill-Mulej biex iġedded fina dawk il-grazzji tal-Magħmudija.

Fl-aħħarnett, Is-Salib ifakkarna b’mod fiżiku, u tabilħaqq hekk reali u qawwi fil-Misteru tal-Għid li niċċelebraw: il-Mewt u l-Qawmien tas-Salvatur tagħna Sidna Ġesù  Kristu.

Ma jkun qatt li niftaħar jekk mhux bis-Salib ta’ Ġesu Kristu…” (Gal.6,14).

L-Att Penitenzjali

Dan jikkonsisti fi stqarrija ġenerali tal-ħtijiet li ssir mis-saċerdot flimkien mal-ġemgħa kollha. F’dal-Att Penitenzjali aħna nagħmlu l-ġest li nagħtu fuq sidirna għal tliet darbiet waqt li ntennu l-kliem: ħtija tiegħi, ħtija  tiegħi, bl-akbar ħtija tiegħi”.

B’dal-ġestaħna nistqarru li d-dnubiet u l-ħtijiet tagħna huma tort tagħna u tagħna biss. Diġà familjari mal-Lhud u l-pagani tal-qedem, dan il-ġest insibuh fit-Testment il-Ġdid fil-parabbola magħrufa tal-kollettur tat-taxxi (Lq 18.13) u fir-reazzjoni tal-Lhud għall-mewt ta’ Kristu fuq is-Salib (Lq 23.48)…(Santu Wistin, Sermo, 67.1;  PatrologiaLatina38:433).

Il-Ġest ta’ Salib żgħir fuq moħħna, xofftejna u qalbna

Dal-ġest li nagħmlu sinjal ta’ tliet Slaleb żgħar fuq moħħna xofftejn u qalbna qabel il-qari tal-Evanġelju  huwa mod kif nitolbu: “Il-Mulej ikun f’moħħi, fuq xofftejja u f’qalbi”.  Jingħad qabel il-qari tal-Evanġelu bħala mod kif bit-talb tagħna nistiednu lil Kristu biex jiġi għandna b’dawn il-ġesti hekk kif tiġi mħabbra l-Kelma Tiegħu.

Is-smigħ tal-Evanġelju jrid ibiddel moħħna, għandu jiġi mħabbar b’xofftejna, u għandu jaffettwa u jqaddes  lil qalbna u lil ħajjitna kollha.

L-Inkin tar-ras

Waqt l-Istqarrija tal-Fidi (il-Kredu) aħna mistiedna mbaxxu rasna għall-kliem li jfakkarna  fl-Inkarnazzjoni ta’ Ġes˘ Kristu li bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu twieled mill-Verġni Marija u sar bniedem bħalna. Dal-ġest ifisser il-qima profonda u l-gratitudni tagħna lejn Kristu li għalkemm Alla, ma ddejjaqx isir bniedem bħalna, jaqsam il-kundizzjoni umana tagħna sabiex jifdina mid-dnub u jerġa’ jħabbilna ma’ Alla.

Din il-gratitudni tiġi espressa b’solennità  akbar fil-Festa tat-Tħabbira tal-Mulej u fil-Milied meta saħansitra ninżlu għarkopptejna  għal dal-kliem.

L-Iskambju tas-Sinjal tal-Paċi

Dan is-Sinjal tal-Paċi mill-Insara lil xulxin  isir, b’mod sinċier u xieraq, wara t-Talba tal-Mulej u qabel it-Tqarbin. Dal-ġest hu kemm it-twettiq tat-Talba tal-Mulej (il-Missierna)  li jesprimi l-għaqda ta’ wlied Alla kollha, kif ukoll antiċipazzjoni tal-għaqda profonda li naqsmu meta nirċievu t-Tqarbin. F’dal-ġest  il-Knisja titlob paċi u għaqda għaliha nfisha u għall-familja umana kollha, u l-insara jesprimu lil xulxin il-komunjoni u l-karità reċiproka tagħhom qabelma jirċievu l-Ewkaristija. Jalla dejjem ninvokaw, nippridkaw u nxerrdu s-sliem tal-Mulej Rxoxt fiċ-Ċelebrazzjoni tal-Quddiesa, permezz ta’ dal-ġest uman imtella’ sal-isfera tas-Sagru. (Ittra Ċirkulari: L-Espressjoni Ritwali tad-Don tal-Paċi fil-Quddiesa mill-Kongregazzjoni Sagra għall-Qima Divina u d-Dixxiplina tas-Sagramenti,2014).

 
Il-Miraklu Ewkaristiku fil-ħajja u l-appostolat ta’ San Bernard ta’ Chiaravalle

Tagħrif fil-qosor dwar il-ħajja ta’ dan il-qaddis:

Bernard de Fontaine, Abbati de Clairvaux,  twieled f’Fontaine-lès-Dijon  (Cote d’Or) fi Franza fis-sena 1090. San Bernard kien monaku Franċiż u Abbati tal-Ordni taċ-Ċisterċensi.
Fundatur tal-famuża Abbey Clairvaux u monasteri oħra. Kofundatur tal-Kavallieri Templari, u mexxej ewlieni fir-riforma tal-Benedittini permezz tal-Ordni Ċisterċens li kien għadu kemm ġie mwaqqaf.

Patrun ukoll ta’ dawk kollha li jrabbu n-naħal u li minnhom jagħmlu u jaħdmu x-xemgħat.

Miet f’Ville-sous-la-Ferté (Aube) fl-20 ta’ Awwissu fis-sena 1153.Kien ikkanonizzat fit-18 ta’ Jannar 1174 mill-Papa Alessandru III, u ddikjarat Duttur tal-Knisja mill-Papa Piju VIII fl-1830. Fl-1953 il-Papa Piju XII iddedikalu l-Enċiklika “Doctor Mellifluus., għax skond dal-Papa t-tagħlim ta’ San Bernard “huwa ħelu bħall-għasel”.

Il-Miraklu Ewkaristiku ta’ San Bernard

San Bernard kien il-karattru ċentrali ta’ Miraklu Ewkaristiku. Id-Duka ta’ Aquitania kien ssepara ruħu mill-Knisja Kattolika, u ma kellu l-ebda intenzjoni li jirritorna fiha. San Bernard, wara li ċċelebra Quddiesa, ħareġ barra l-bieb tal-knisja għand id-Duka u ppreżentalu s-Santissimu Sagrament. Id-Duka, imqanqal ħafna minn forza misterjuża, waqa’ mal-art għarkopptejh, talab maħfra talli telaq mill-Knisja Kattolika.

Waħda mill-bijografiji ta’ San Bernard tirrakkonta li l-qaddis “ġie l-Aquitania biex jirrikonċilja mal-Knisja lid-Duka ta’ dil-provinċja – imma peress li dan rrifjuta din ir-rikonċiljazzjoni, il-qaddis ta’ Alla mar lejn l-artal biex jiċċelebra l-Quddiesa filwaqt li d-Duka, stennieh barra l-bieb tal-knisja. Wara l-Konsagrazzjoni, Bernard poġġa l-Ostja fuq il-patena u ħareġ mill-knisja. Meta wasal quddiem id-Duka, wissieh b’dal-kliem: ‘Tlabna għalik u inti rridikolajtna.  Hawn issa, Hu, Bin il-Verġni, il-Mulej tal-Knisja, Dak li inti tippersegwita, ġie għandek. Hawnhekk, għandek quddiemek lil dak l-Imħallef li xi darba f’idejH inti se jżomm ruħek. Forsi se tirrifjutah kif irrifjutajt lill-qaddej Tiegħu? Irreżistih jekk tista’? ‘ Id-Duka mill-ewwel ħass riġlejh jintwew taħtu u mixħut f’riġlejn Bernard, li mbagħad ordnalu jqum fuq saqajh biex jisma’ s-sentenza penitenzjali ta’ Alla. Id-Duka twerwer waqt li kien bilwieqfa u segwa dak kollu li ordnalu Bernard. “

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading