KONĊELEBRAZZJONI FL-GĦELUQ TAL-JIEM ĠUBILARI TAR-RELIĠJUŻI RĠIEL U NISA
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Festa tal-Preżentazzjoni tal-Mulej
Bażilika ta’ San Pietru
Il-Ħamis, 2 ta’ frar 1984
“Dawl biex idawwal il-ġnus u glorja tal-poplu tiegħek Iżrael” (Lq 2, 31-32).
1. Nixtieq illum, għeżież ħuti, nissellef dan il-kliem tax-xwejjaħ Xmun, biex nadura flimkien magħkom id-dawl: Kristu dawl tad-dinja!
Qegħdin niltaqgħu fil-Bażilika ta’ San pietru fis-sena tar-Redenzjoni, fis-sena tal-Ġublew straordinarju. Qegħdin niltaqgħu f’dik il-komunità kbira u fl-istess ħin multiformi li intom ilkoll tikkostitwixxu, ħuti ta’ tant ordnijiet, kongregazzjonijiet u istituti reliġjużi. Persuni u komunitajiet, ikkonsagrati lil Alla!
Din il-laqgħa tiġbor lir-rappreżentanti tal-familji reliġjużi li jgħixu f’Ruma u, fl-istess ħin, testendi ruħha lill-konfratelli u konsorelli kollha, li magħhom jgħaqqdukom l-unità u l-identità tal-vokazzjoni. U permezz ta’ dawn l-unità u l-identità intom tintrabtu wkoll minn għaqda ta’ missjoni partikolari fil-Knisja, missjoni f’nofs il-poplu ta’ Alla fil-Pajjiżi kollha u fil-kontinenti kollha, sa truf l-art.
F’din il-komunità universali kbira intom, illum, tingħaqdu flimkien mal-Isqof ta’ Ruma u suċċessur ta’ Pietru, biex tgħajtu fl-ispirtu tal-liturġija tallum:
“Dawl biex idawwal il-ġnus!”. Id-dawl: Kristu-dawl u glorja tal-poplu ta Alla fl-art kollha!
2. B’din l-għajta tridu twieġbu lill-ispirtu tal-liturġija ta’ din il-festa partikolari, u fl-istess ħin tixtiequ turu dak li jikkostitwixxi l-misteru ntern ta’ kull wieħed u waħda minnkom. Infatti minħabba l-vokazzjoni tagħkom intom timxu b’mod partikolari f’dan id-dawl li huwa Kristu, u barra minn hekk tagħtu xhieda b’mod partikolari.
Dan illum juruh ix-xemgħat mixgħula, li minn hawn u ftit ieħor se żżommu f’idejkom. Kull waħda minn dawn tfakkar qabel xejn is-sagrament tal-Magħmudija, li permezz tiegħu Kristu beda jdawwal ħajjitkom bid-dawl tal-Vanġelu u bid-dawl tar-Redenzjoni: Kristu milqugħ permezz tal-fidi fil-komunità tal-Knisja. Kristu mgħoddi minn jum għal ieħor fil-ħajja tal-familja tagħkom nisranija, tal-ambjent, tal-iskola. Il-fjoritura sħiħa tal-Magħmudija hija l-Ewkaristija; u, flimkien magħhom, it-tiġdid kostanti tal-qawwa purifikanti tiegħu huwa s-Sagrament tal-Penitenza u tar-Rikonċiljazzjoni .
Kull waħda minn dawn ix-xemgħat imbagħad tfakkarkom – fuq l-isfond tal-liturġija tal-festa tallum – il-waqt tal-konsagrazzjoni tagħkom: il-ptofessjoni reliġjuża. L-għażla tal-ħajja skont il-pariri evanġeliċi tal-faqar, tal-kastità u tal-ubbidjenza.
Id-dawl ta’ Kristu jiddi mela minn fjamma partikolarment ħajja. Il-fjamma tal-ħajja u tat-tama ingħaqdet mal-fjamma ħajja tal-karità ikkonċentrata fuq il-qalb tal-Għarus divin u, fl-istess ħin, permezz ta’ din il-konċentrazzjoni, hija miftuħa b’mod wiesà.
Hekk kif hija miftuħa b’mod wiesà din il-qalb divina fil-misteru tar-Redenzjoni, li dwaru nafu li huwa universali, li jħaddan lil kulħadd u lil kollox.
Il-profondità u l-universalità huma ż-żewġ fatturi tal-vokazzjoni reliġjuża, li jixhdu dwar l-esseri tiegħu radikat fil-misteru tar-Redenzjoni, fid-dawl ta’ Kristu.
3. Illum lejn dan id-dawl tmexxina l-liturġija tal-festa tal-Preżentazzjoni tal-Mulej.
Hekk hu, intom tidħlu fit-tempju, kif darba waħda daħlu Marija u Ġużeppi, li ħadu lil Ġesù Ġerusalem biex joffruh lill-Mulej (cf. Lq 2, 22). Il-Liġi tat-Testment il-Qadim kienet titlob li kull ewwel wild maskju jkun sagru għall-Mulej (cf. Lq 2, 23), u din il-konsagrazzjoni kienet akkumpanjata minn sagrifiċċju ta’ koppja ta’ gamiem jew ħamiem frieħ.
Intom, ħuti maħbubin, illum tidħlu f’dan it-tempju biex iġġeddu – fid-dawl tal-Preżentazzoni ta’ Kristu – l-offetà tagħkom lil Alla f’Ġesù Kristu: il-konsagrazzjoni tagħkom biex tkunu il-propjetà esklussiva tiegħu.
Mill-fond tal-misteru tal-konsagrazzjoni tiddi din l-appartenenza lil Alla speċjali li tagħha hija kapaċi biss bil-persuna, is-suġġett konxju u ħieles. Din l-appartenenza tippossiedi in-natura tad-don.. Hija twieġeb għad-don u fl-istess ħin tesprimi d-don.
Fid-dawl ta’ Kristu kull wieħed u waħda minkom tindunaw, b’evidenza penetranti, li il-ħoqien kollu huwa donazzjoni u tirrejaliżżaw fiha id-don partikolari tal-umanità propja. U bid-don ta’ din l-umanità kollha u indiviżibbli twieġbu għad-don tal-Ħallieq, tar-Redentur, tal-Għarus.
B’dan il-mod, fil-“jien” uman ta’ kull wieħed u waħda minnkom jiġi miktub irbit tal-komunjoni ma’ Kristu partikolari u, fih, mat-Trinità Mqaddsa: mal-Missier, mal-Iben u mal-Ispirtu Santu.
4. Waqt li mbagħad tidħlu, flimkien ma Marija u Ġużeppi, fit-tempju – fejn jitwettaq ir-rit tal-Preżentazzjoni ta’ Ġesù, previst mil-liġi – hemm intom tiltaqgħu ma’ żewġ persuni, totalment ikkonsagrati lil Alla, iddedikati tal-istennija ta’ Iżrael, jew aħjar għat-tama kbira tal-umanità taż-żminijiet kollha: hemm jinsabu Xmun u Anna.
Xmun, imqanqal mill-Ispirtu Santu, kien mar fit-tempju (cf. Lq 2, 27).
Dan jewwilla ma jġibilkomx f’moħħkom “ispirazzjoni” simili, li minnha darba waħda kontu mqanqlin” l-ispirazzjoni tal-Ispirtu? Iva! Ladarba l-Ispirtu Santu, fil-qawwa tar-Redenzjoni ta’ Kristu, huwa avukat ta’ kull qdusija. Huwa hu wkoll avukat ta’ dik is-sejħa partikolari fit-triq tal-qdusija, li hija miġbura fil-vokazzjoni reliġjuża.
Illum, meta ġġeddu fil-qalb il-professjoni tagħkom, ftakru dik l-“ispirazzjoni” interna tal-Ispirtu, li tinsab fil-bidu ta’ triqtkom. Ftakru kif din l-“isprazzjoni”, ġiet lura mill-ġdid wara ċertu żnien sa ma meta għaraftu fiha leħen ċar ta’ Alla u l-qawwa tal-imħabba sponsali tal-Mulej li jsejjaħ.
Ftakru fih illum biex tiżżuh ħajr b’qalb imġedda, biex tipprofessaw “l-opri kbar ta’ Alla” (At 2, 11). Din l-ispirazzjoni “tal-Ispirtu ma tistax tintefa. Din għandha tibqà u timmatura, flimkien mal-vokazzjoni reliġjuża, matul ħajjitkom kollha.
Ma tistgħu tinfirdu qatt minn din “l-ispirazzjoni tal-Ispirtu” feddejja, waqt li tgħassuha f’dak it-tempju ntern li huwa kull wieħed u waħda minnkom!
Kemm hu elokwenti l-kliem dwar il-profetessa Anna fil-Vanġelu tallum: “Ma kienet titbiegħed qatt mit-tempju, billi kienet taqdi lil Alla lejl u nhar b’sawm u talb . . . Waslet hemm f’dak il-waqt u bdiet titkellem dwar it-tarbija . . . ma’ dawk li kienu jistennew il-fidwa ta’ Ġerusalem” (Lq 2, 37-38).
5. Xmun jitbaxxa fuq it-tarbija, u jlissen il-kliem profetiku: “Dan se jġib il-waqgħa u l-qawmien ta’ ħafna f’Iżrael! Se jkun sinjal li jmeruh, biex jinkixfu l-ħsibijiet moħbija fil-qlub ta’ ħafna” (cf. Lq 2, 34). Jindirizza dan il-kliem lil Marija, Ommu.
U jżid: “U inti wkoll, sejf jinfidlek ruħek” (Lq 2, 35).
Profezija stramba! Din hija forsi l-iktar sintesi qasira u fl-istess ħin l-iktar sħiħa tal-kristoloġija kollha u tas-soterjoloġija kollha.
Għeżież ħuti!
Jalla din il-profezija tasal illum, b’qawwa ġdida, f’ruħkom.
Ilqgħu lil Kristu li huwa d-dawl tad-dinja: Kristu li fih Alla “ħejja s-salvazzjoni quddiem il-popli kollha” (cf. Lq 2, 31).
Ilqgħu lil Kristu, li huwa wkoll “sinjal ta’ kontradizzjoni”. Din il-kontradizzjoni hija miktuba fil-vokazzjoni tagħkom. La tfittxux li twarrbuha linqas li tħassruha minnha. Din il-“kontradizzjoni” Għandha sinifikat feddej. Is-salvazzjonitad-dinja titwettaq propju fit-triq ta’ din il-kontradizzjoni operata minn Kristu. Inrom ukoll, waqt li tilqgħu lil Kristu, tkunu wirja ta’ din il-kontradizzjoni feddejja.Ma jistax ikun mod ieħor. Propju f’isem tal-kontradizzjoni feddejja hija miktuba fil-“jien” nisrani u reliġjuż tagħkom il-professjoni tal-faqar, tal-kastità u tal-ubbidjenza.
Id-dinja għandha bżonn tal-kontradizzjoni awtentika tal-konsagrazzjoni reliġjuża bħala ħmira ta’ tiġdid feddej inċessnti.
6. F’idejkom iġġorru mixgħula x-xemgħat tal-liturġija tallum.
Dawn jgħidu li Kristu huwa d-dawl li jdawwal lil kull bniedem li jiġi f’din id-dinja.
Dawn huma x-xhieda tad-dedikazzjoni inviżibbli tagħkom lil Kristu u lil Alla, huma x-xhieda tal-konsagrazzjoni tagħkom.
Dawn ix-xemgħat idawlu wkoll il-ħajja umana, il-ħajja ta’ kull wieħed u waħda minna. Hekk kif ix-xemgħa tinħaraq, tinħall ix-xemà u x-xemgħa tikkonsma ruħha.
Jalla ħajjitkom tinħaraq fid dawl ta’ Kristu!
Jalla din tkun dedikazzjoni sponsali kollha kemm hi għas-servizz tiegħu!
Jalla permezz ta’ din il-ħajja l-kurrent vivifikanti tal-misteru tar-Redenzjoni, billi jasal għad-dinja u għall-bnedmin,u billi jiddirieġi l-eżistenza umana tagħna lejn id-dawl etern: id-dawl tal-viżjoni u tal-glorja.
7. Xmun qal lil Marija, Omm Ġesù:
“U lilek ukoll sejf jinfidlek ruħek”!
Għeżież Ħuti!
Ilqgħu lil Kristu minn idejn Marija!
Jalla l-misteru tar-Redenzjoni jasal għandkom permezz ta’ ruħu!
Jalla l-pjanijiet feddejja kollha tal-qlub ikkonsagrati jkunu dejjem ovvji quddiem il-qalb tal-Omm! Magħqudin Magħha. Bil-ħarsa ffissata fuqha. Fiha hemm xebħ partikolari ta’ Kristu, Għarus ta’ ruħkom.
Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb