Erġajna

F’dawn l-aħħar jiem pajjiżna reġa’ għadda minn dieqa kbira għat-telfa ħesrem ta’ Nicolette Ghirxi. Ħafna qamu mkexkxin quddiem telfa inġusta u faħxija bħal din. Min se jġibha lura lil Nicolette u lil tant nisa oħra li spiċċaw vittmi ta’ relazzjonijiet tossiċi u qattiela?

Saru diversi appelli f’dawn il-jiem dwar dak li seħħ. Kif tista’ ma titkellimx u ma ssemmax leħnek quddiem sitwazzjoni bħal din? Il-mara għandha rwol importanti fis-soċjetà, fil-familja, fil-Knisja u fid-dinja. Min għandu d-dritt li jneħħilha ħajjitha? Minfejn ġabu dan id-dritt?

Ħasra li qed ngħixu f’soċjetà vjolenti. Ħasra li npaċpċu u npaċpċu u jsir ftit. Ħasra li qed nidraw ma jimpurtaniex mill-għajta ta’ min qed jgħajtilna biex nagħtuh l-għajnuna. Dan il-feminiċidju orribbli u kundanabbli jrid iwassalna biex nieħdu azzjoni illum qabel għada. Jekk hemm bżonn titwaqqaf task force apposta biex tieħu ħsieb vjolenzi li jsiru kontra l-mara. Spiċċa ż-żmien li persuni bħal Nicolette u oħrajn jispiċċaw mingħajr protezzjoni.

Ejjew inkunu sinċieri, ilkoll kemm aħna responsabbli għal dawn il-feminiċidji. Irridu nkunu aħna, iċ-ċittadini, li ċerti ħwejjeġ kontra l-mara ma nippermettuhom qatt. Ovvjament l-awtoritajiet għandhom il-homework tagħhom x’jagħmlu f’dawn is-sitwazzjonijiet hekk krudili. Imma aħna ċ-ċittadini rridu tassew nagħtu lill-mara dak li hu tagħha u li jgħinha tgħix u tiżviluppa l-femminilità tagħha. Il-biki, l-emozzjonijiet, u għid li trid f’dawn il-jiem ta’ luttu u fil-funeral jagħtu sinjal. Imma issa iridu joħorġu f’miżuri konkreti biex in-nisa tagħna tingħatalhom tassew id-dinjità tagħhom. Malta u Għawdex għandhom bżonn ta’ kampanja qawwija ta’ edukazzjoni u prevenzjoni mill-feminiċidju. Ibda’ mill-iskejjel u spiċċa fuq il-postijiet tax-xogħol, fil-Knisja, fil-familja u fis-soċjetà.

Nixtieq infakkar f’dak li jgħidilna Papa Franġisku fuq il-mara: Kull soċjetà għandha bżonn tilqa’ id-don li hu l-mara, kull mara. Li tirrispetta, tiddefendi u tgħożż lin-nisa, fit-tagħrif li min jagħmel ħsara lil mara waħda jipprofana lil Alla, li twieled minn mara. Id-dinja wkoll għandha bżonn ta’ ommijiet u nisa biex issib il-paċi, biex toħroġ miċ-ċirku tal-vjolenza u l-mibegħda, u tara mill-ġdid bl-għajnejn u bil-qlub ġenwini tal-bniedem.  

Għandna bżonn il-paċi bejnietna fid-dinja, fis-soċjetà, fil-familja u fil-Knisja? Ejjew nipproteġu lil mara. Minn natura tagħha l-mara għandha rwol importanti li tkun mudell għall-paċi.

Marija, l-imbierka fost in-nisa, l-eżempju ta’ kull mara, itlob għalina fil-ġlieda li għandna kontra x-xitan tal-feminiċdju. Idħol għal dawk li għandhom is-setgħa li jmexxuna ħalli jipproteġuna b’liġijiet iebsa għal min jagħmel dan ir-rejat faħxi u b’servizzi ta’ protezzjoni għan-nisa li qed ibatu kull xorta ta’ moħqrija. Itlob għalina ħalli ngħallmu lil uliedna iħobbu u jirrispettaw lill-mara bħala persuna u qatt ma jikkunsidrawha bħala oġġett ta’ pjaċir u vjolenza. Sultana tal-Paċi, itlob għalina u għan-nisa kollha.

Patri Mario Attard OFM Cap

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading