Imbierek min jingħata għal ħaddieħor

Dan l-aħħar għadda għall-ħajja ta’ dejjem Fr Tony Pace. Min ma jafux lil Fr Tony? Min ma jafx lil dak ir-raġel li, wara li l-għażiża martu daħlet tistrieħ fil-ħajja ta’ dejjem, ħass is-sejħa li jiddedika l-aħħar snin ta’ ħajtu lill-Mulej bħala saċerdot tiegħu?

Bħalma nafu, ibnu David ukoll mexa fl-istess passi ta’ missieru. Anki hu qed iħejji ruħu biex ikun saċerdot. Barra minhekk, il-Mulej sebbaħ il-familja ta’ Tony b’żewġ ulied oħra li huma wkoll qed jagħmlu l-mixja sabiħa tagħhom tal-familja. Mela, barka tbierek barka, barka tinbena fuq barka u barka issaħħaħ barka.

Kemm għandna bżonn nisimgħu fuq li nisimgħu bil-kelma barka. Qatt daqs dawn iż-żminijiet ma qed tvenven ma’ widnejja, u nemmen bis-sħiħ li anki ma widnejk, il-frażi: Naħseb li għandi xi saħta. L-għaliex taħseb li għandek saħta? L-għaliex ma tagħmilx kuraġġ u tkun kuraġġuż u kuraġġuża u tibda’ tirraġuna b’mod ġdid billi tgħid: Jiena għandi barka. Għax meta nemmnu tassew li aħna mberkin allura nibdew inħallu dik il-barka taħdem fina.

Dan hu li għamel ħuna Fr Tony. Emmen li hu kellu barka fih. Anzi, emmen, qabel kollox, li hu nnifsu barka għall-oħrajn u ħalla l-Mulej jaħdem fih u bih billi jkun barka għal ħaddieħor. Fr Tony, li kelli l-grazzja nsir midħla tiegħu hawn fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija, ħass lill-Mulej ibierku l-ħin kollu l-għaliex, matul ħajtu, agħmel tiegħu l-kelma tant sabiħa li Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu qabel ma tela’ is-sema: Morru fid-dinja kollha, xandru l-Evanġelju lill-ħolqien kollu (Mk 16: 15).

Għalkemm ma darx id-dinja biss Fr Tony dar kull rokna tal-parroċċi fejn kien iwassal dan il-messaġġ ta’ mħabba u faraġ li d-dinja tallum tant qed tokrob għalih. Meta rajt xi messaġġi fuq Facebook dwar il-ħajja tiegħu ma statjx ma nurix l-apprezzament tiegħi għall-ġid kbir li l-Mulej wettaq b’dan ir-raġel umli. Hemm hu Fr Tony. Ta’ Sur Pace iħejji lit-tfal tal-Junior Lyceum għall-eżamijiet. U mbagħad narawh b’imħabba u b’sabar li ma ngħidlekx, imexxi l-kor tal-parroċċa ta’ Ħal Safi. B’ħafna xogħol u tħejjija kien iseħħlu jsebbaħ il-funzjonijiet fil-knisja u jgħin lin-nies jitolbu. X’tifkiriet sbieħ ta’ dedikazzjoni, sabar, imħabba, akkumpanjament u għotja huma dawn!

Dawn il-valuri, tant u tant meħtieġa għad-dinja u l-Knisja tallum, issuktaw jgħinuh fit-tħejjija tiegħu għas-saċerdozju ministerjali. Fr Tony tant kemm tħarreġ f’dawn il-virtujiet li, bħal San Franġisk t’Assisi, ħajtu saret Kristu. Għalhekk, Fr Tony jappartjeni għal dawk il-ħlejjaq li, fil-kelmiet tas-Salm 19,  il-Bibbja tfissirhom hekk: Ma’ l-art kollha jasal leħenhom, mad-dinja kollha jixtered kliemhom (S 19:5). Fr Tony mhux sempliċiment ta xi eżempju tajjeb imma sar l-eżempju għal kull min irid jimxi fit-triq tal-Mulej.

Imbierek min jingħata għal ħaddieħor!

Patri Mario Attard OFM Cap

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading