Niċċelebraw l-Ewkaristija bil-kant u l-mużika (5) … u aktar Mirakli Ewkaristiċi

minn Manwel Cutajar

Il-Parteċipazzjoni sħiħa u attiva tagħna fil-Liturġija ma tfissirx biss sempliċiment attendenza u attenzjoni rispettuża fis-skiet u s-silenzju, imma tfisser ukoll, fost ħwejjeġ oħra, sehem sħiħ minn kulħadd fil-kant liturġiku. Il-kantur jew il-kor huma maħsuba biex ikunu l-mexxejja ta’ dan il-kant li aħna b’rieda u entużjażmu mistennija li nsegwu u nieħdu sehem fih. M’għandniex bżonn inkunu kantanti professjonali jew ikollna xi vuċi daqstant intonata u perfetta imma biss li flimkien mal-miġemgħa nisranija fil-knisja  ngħollu leħinna għalenija fil-kant ta’ tifħir u radd-il ħajr lil Alla.

Fuq kollox, il-mużika u l-kant jagħmulna umani, ħolqien ta’ Alla! Diġà mill-ewwel ritmi tat-taħbit tal-qalb ta’ ommna fil-ġuf,aħna nikbru sintonizzati fid-dinja mużikali u ta’ kant permezz tal-għanjiet ħelwin infantili fi ċkunitna,bħal trabi  u  toddlers  mill-ġenituri u nanniet  tagħna, u aktar tard fil-mużika u kant kollu ta’ tipi varji imma kollha sbieħ fit-tfulija u fiż-żgħożija tagħna f’ċelebrazzjonijiet ta’ għeluq sninna, u f’okkażjonijiet  oħra ferrieħa matul ħajjitna kollha:għarusija,żwieġ eċċ…

Imma dak li jgħodd għall-ħajja naturali tagħna matul dil-medda sħiħa tas-snin ta’ ħajjitna fuq dil-art jgħodd ukoll u wisq aktar għall-ħajja spiritwali tagħna, bit-tħejjija għall-ħajja eterna tagħna fis-sema.

Jekk nieqfu nkantaw fil-ħajja u fil-qima tagħna lil Alla — minħabba nuqqas ta’ entużjażmu, ta’ apatija jew għażż — nitilfu s-sens veru u għani ta’ xi jfisser il-ġmiel tal-ħajja tagħna fuq dil-art; u s-sehem sħiħ tagħna fil-Liturġija: biex bihom nagħtu  ġieħ,glorja, u ringrazzjament lil  Alla, it-Trinità Wisq  Qaddisa.

Waqt iċ-ċelebrazzjoni tal-quddies ħa nwasslu l-entużjażmu tagħna  f’diċ-Ċelebrazzjoni Ewkaristika u nitolbu flimkien b’għanjiet ferrieħa u qaddisa,biex ilkoll nintlew bl-Ispirtu Wisq Qaddis ta’ Alla. Hallelujah, Hallelujah, Hallelujah.

 Il-Kotba tal-kant

Naturalment,biex nieħdu sehem sħiħ fil-kant jeħtieġ lijkollna l-kotba tal-kant biex minn fuqhom insegwu  u nkantaw il-kliem tal-innijiet, kemm jekk ikunu bil-Malti kif ukoll jekk ikunu b’ilsna oħra, eżempju bil-Latin, Ingliż jew Taljan. Għall-grazzja ta’ Alla, fil-knejjes, Santwarji u kappelli tagħna, kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex, dawn il-kotba ma  jonqsux. Għaldaqstant, hu xieraq u mistenni minna lkoll li nagħmlu użu sew minn dawn il-kotba imħejjija tant tajjeb  u b’għaqal minn min jieħu ħsieb il-kompożizzjoni tal-mużika u l-lirika tal-innijiet reliġjużi ġewwa fihom.

Fuq kollox, ta’ min jrodd ħajr tabilħaqq lill-Kappillani u Retturi  tal-knejjes, Santwarji, kappelli eċċ.talli dejjem jieħdu ħsieb  li jixtru jew jippubblkaw dal-kotba tal-kant sabiex aħna l-poplu ta’ Alla li ninġabru fil-knejjes tagħna  għaċ-Ċelebrazzjonijiet Ewkaristiċi u ċelebrazzjonijiet liturġiċi oħra jkollna dejjem għad-dispożizzjoni tagħna dawn il-kotba ta’ kant fil-qima tagħna lil Alla.

Il-Mirakli Ewkaristiċi fil-ħajja ta’ Sant’Anġela ta’ Foligno,Franġiskana

Posti huwa fid-dinja!” Din l-istqarrija akkumpanjat lil Angela tul ħajjitha:mis-snin taż-żgħożija tagħha, ikkaratterizzata minn mondanità u indifferenza  lejn Alla, sas-snin tal-maturità spiritwali tagħha, u li ġew wara, li matulhom għarfet li kienet imsejħa għal missjoni wisq akbar u qaddisa: biex taqdi u timita lill-Mulej u biex tgħix ħajja ta’ qdusija u appostolat.

Imwielda f’Foligno, l-Umbria, l-Italja, fis-sena 1248 minn familja sinjura, Anġela  tilfet lil missierha meta kienet għadha żagħżugħa, u ftit li xejn irċeviet superviżjoni mingħand ommha. Għalhekk, qattgħet iż-żgħożija tagħha ‘l bogħod mill-fidi Nisranija.

Sabiħa,intelliġenti, passjonata, iżżewġet raġel notevoli lokali, li minnu kellha diversi tfal.

Il-Konverżjoni u l-biża’ tal-Infern

Iż-żgħożija bla għaqal tagħha kienu mtaqqla wkoll minn sensiela ta’ ġrajjiet wara xulxin: it-terremot vjolenti tal-1279, l-uragan impetuż u mbagħad il-gwerra twila kontra Perugia li dawn kollha  wassluha biex tiddubita u taqta’ qalbha mill-ħajja, u tħoss il-biża’ tal-infern. Fiha twieldet ix-xewqa li tersaq lejn is-Sagrament tal-Qrar. Minkejja dan, il-kroniċi jirrakkuntaw, “il-mistħija żammitha milli tagħmel qrar sħiħ u għal dan baqgħet fil biża’ u t-turment.” Madaankollu, fit-talb tagħha lil San Franġisk t’Assisi sabet s-serħan-il moħħ li kienet se ssib fil-ħajja tagħha l-Ħniena ta’ Alla.

Il-laqgħa mal-Imħabba Infinita ta’ Alla

Angela mbagħad reġgħet lura għall-konfessjonarju u din id-darba ġiet rikonċiljata mal-Mulej. Ta’ 37 sena, minkejja l-ostilità tal-familja tagħha, bdiet il-konverżjoni fis-sinjal tal-penitenza u tar-rinunzja tal-ġid kollu tagħha.

Wara l-mewt ta’ ommha, u tliet xhur ta’  żewġha u wliedha, Anġela bigħet l-oġġetti kollha tagħha, u qassmet il-flus kollha lill-foqra. Bdiet tgħix ta’ penitenta. Marret pellegrinaġġ f’Assisi fuq il-passi ta’ San Franġisk  u fl-1291 daħlet fit-Terz Ordni ta’ San Franġisk,ibbażat ruħha għad-direzzjoni spiritwali tal-patri Franġiskan Arnaldo, li aktar tard sar il-bijografu tagħha, awtur tal-famuż Memorial. F’dan il-ktieb jinsabu l-istadji kollha tal-vokazzjoni ta’ Angela u l-estasi u l-esperjenzi mistiċi kostanti tagħha, maqsuma fi tletin kapitlu.

Iddedikata għat-talb u l-imħabba lejn il-foqra u l-morda

Minbarra t-talb kontinwu tagħha, b’mod speċjali fl-Adorazzjoni Ewkaristika, Angela dejjem mexxiet attività ta’ karità, tassisti lil-lebbrużi u lill-morda kollha b’tenerezza li fiha raw lil Kristu Msallab. Magħrufa diġà fil-ħajja tagħha bħala Magistra Theologorum, (Għalliema tat-Teoloġija) Anġela  ppromwoviet   teoloġija bbażata fuq il-Kelma ta’ Alla, fuq l-ubbidjenza lejn il-Knisja u fuq l-esperjenza diretta tagħha ma’ Alla fl-estasi li spiss kien ikollha.

Il-maternità Spiritwali tagħha

 Angela ġibdet madwarha għadd ta’ wlied spiritwali, li raw fiha gwida vera tal-fidi u qdusija Nisranja. Anke qabel mewtha, in-nies kienu jqisuha bħala qaddisa.

Il-Mirakli u viżjonijiet fil-ħajja ta’ Sant Anġela

Anġela ta’ Foligno rrapportat li wara li ruħha  esperjenzat lilha nnifisha mkennija fi ħdan it-Trinità Qaddisa, ruħha setgħet tifhem li Ġesù kien jinsab  kullimkien – fl-Ewkaristija, fil-Kelma u  f’kull min jiltaqa’ magħha.

Imma mbagħad ruħha staqsiet lill-Mulej, għaliex ħassitha l-aktar qrib tiegħu fil-Pissidi li fih jkun hemm l-Ewkaristija Qaddisa! Il-Mulej wieġeb: “li kien għaliex permezz talkliem tal-Konsagrazzjoni tas-saċerdot waqt il-quddiesa Huwa jgħammar ġewwa l-Pissidi li fih ikun hemm l-Ewkaristija Qaddis” U żied jgħid: “li kien b’miraklu speċjali li dan iseħħ.

Wara waħda mill-viżjonijiet tagħha ta’ Alla, Sultan tal-Univers, li juri l-qawwa u l-involviment Tiegħu fil-ħolqien kollu Tiegħu, hija kienet tant mħeġġa bil-Preżenza Divina Tiegħu, li ruħha għajtet: ”Jekk trid il-fidi, itlob! Jekk trid tama, itlob! Jekk trid karità, itlob! Jekk trid il-faqar, itlob! Jekk trid ubbidjenza, itlob! Jekk trid il-kastità, itlob! Jekk trid umiltà, itlob! Jekk trid is-saħħa, itlob! Jekk trid xi virtù, itlob!”

Meta Anġela kien ikollha viżjonijiet tal-Ewkaristija, kienet tara l-Ewkaristija  tirradja sbuħija daqshekk luminuża,“li tiżboq l-isplendor tax-xemx”.

Fi żmien ieħor, dehru “żewġ Għajnejn mill-isbaħ” fl-Ostja kkonsagrat,” iħarsu lejha. Kellha viżjoni tal-Ewkaristija fejn il-Bambin Ġesù deher fl-Ostja, liebes splendenti, maestuż bilqiegħda fuq tron. Darba oħra, waqt li s-saċerdot għolla l-Ewkaristija, semgħet lil Alla l-Missier jgħid:Ara l-Bniedem li kien msallab”. U rat lil Ġesù.

F’ħin ieħor, waqt il-Konsagrazzjoni, meta s-saċerdot għolla l-Ostja, rat lil Ġesù jinżel fuq l-Artal, akkumpanjat minn għadd kbir ta’ Anġli.

Angela mietet fl-4 ta’ Jannar, 1309, imdawra mill-komunità tad-dixxipli tagħha. Il-fdalijiet tagħha jinsabu fil-Knisja ta’ San Franġisk f’Foligno.

Ħafna nies jattribwixxu mirakli ta’ fejqan u konverżjonijiet bl-interċessjoni tagħha.

Il-Papa Innoċenz XIII ibbeatifika lill-Beata Angela fl-1693, u fid-9 ta’ Ottubru 2013, il-Papa Franġisku ddikjaraha qaddisa.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading