Iż-żmien tal-Avvent

Il-Ħadd li għadda għadna kemm bdejna ż-żmien tal-Avvent. Iż-żmien tal-Avvent hu stennija għall-Mulej li se jitwieled fostna nhar il-25 ta’ Diċembru. Barra minn hekk, l-Avvent hu żmien ukoll li jfakkarna fit-tieni miġja ta’ Ġesù f’ħajjitna fejn aħna se nidhru quddiemu għall-ħaqq tagħna. Lanqas ma rridu ninsew li Ġesù jiġi kuljum f’ħajjitna. Bħalma tgħid dik il-għanja sabiħa: Issa jgħaddi bil-bagalja u issa jgħaddi bis-sellum.

Persunaġġ importanti fl-Avvent hu Ġwanni l-Battista. Fil-fatt, dan il-persunaġġ jista’, faċilment, iġedded l-għarfien tagħna ta’ min hu l-Mulej u ta’ kif aħna nistgħu nħalluh jissoprendina bil-ħniena u l-ħlewwa tiegħu. Ma ninsewx li Ġwanni l-Battista ma kellu ħajja faċli xejn. Anzi, waqt li kien fil-ħabs arrestat, minħabba l-ħażen ta’ Erodja u Erodi, jibgħat lid-dixxipli tiegħu biex jistaqsu lil Ġesù jekk kienx hu l-Messija. Immexxi mill-Ispirtu s-Santu, Ġwanni jintebaħ li Ġesù kien il-Messija li fuqu ħabbru l-profeti. Sar jaf li l-imġibiet u l-kliem mimlija kompassjoni u ħniena ta’ Ġesù kienu jaqblu perfettament ma’ dak li kellu jkun il-Messija. Dan Ġesù kien qed ifejjaq lill-morda, jagħti d-dawl lill-għomja, iqajjem lill-mejtin u jħabbar l-aħbar it-tajba lill-fqar.

Il-fatt li Ġwanni kien fil-ħabs ifakkarna wkoll fil-ħabsijiet li aħna nkunu fihom, l-aktar dak tad-dubju. Kemm hu ikrah hux dan il-ħabs fejn ma nistgħux insibu serħan tal-qalb. Dik id-dalma, nuqqas ta’ ċarezza u kull diffikultà oħra, ikun faċli li int u jien naqtgħu qalbna għax ngħidu Issa dan jiswa? Imma, dan l-Avvent hu speċjali l-għaliex qed isir qrib ħafna l-Ġublew tat-Tama. Mela, dan l-Avvent irid jgħinna ħalli nibqgħu nkunu pellegrini tat-tama f’ħajjitna. Veru, il-problemi, il-kriżijiet u d-dlamijiet se jibqgħu jaħbtu magħna. Biss, il-Mulej Ġesù qatt mhu ħa jħallina waħedna.

L-Avvent qed jitlob minni u minnek li nikbru spiritwalment. Alla mhuwiex qiegħed hemm biex nużawh skont il-bżonnijiet tagħna. Alla hu ħafna akbar minnhekk. Hawnhekk nixtieq insemmi dak li qal Papa Franġisku fid-diskors tiegħu tal-Angelus tal-Ħadd 11 ta’ Diċembru 2022:

[Ġwanni] jinħakem mid-dubju u jibgħat lid-dixxipli jiċċekkjaw: “Morru u araw jekk hux il-Messija jew le”.  Nistagħġbu li dan jiġri propju lil Ġwanni, li kien għammed lil Ġesù fil-Ġordan u kien urieh lid-dixxipli tiegħu u qalilhom li kien il-Ħaruf t’Alla (cfr Ġw 1,29).  Imma dan ifisser lli anki l-aktar wieħed li jemmen jidħol fil-mina tad-dubju.  Dan mhux ta’ ħsara, anzi, xi kultant, hu essenzjali għat-tkabbir spiritwali: jgħinna nifhmu li Alla dejjem hu ferm akbar minn kif nimmaġinawh; l-opri li jwettaq huma sorprendenti fil-konfront tal-kalkoli tagħna; il-mod kif iġib ruħu hu differenti, dejjem hu akbar mill-ħolm tagħna u l-istennija tagħna; u għalhekk qatt m’għandna nehdew infittxuh u nikkonvertu lejn il-wiċċ veru tiegħu.  Teologu kbir kien jgħid li lil Alla rridu niskopruh biċċa biċċa… u kultant nemmnu wkoll li tlifnih (H. De Lubac, Sulle vie di Dio, Milan 2008, 29).  L-istess jagħmel il-Battista: fid-dubju jerġa’ jfittxu, jistaqsih, jiddiskuti miegħu u fl-aħħar jiskoprih.  Ġwanni, li Ġesù iddeskrivih bħala l-akbar bniedem li qatt tiweled minn mara (cfr Mt 11,11), jgħallimna, insomma, biex lil Alla ma nagħlquhx fl-iskemi tagħna.  Dan dejjem hu periklu, it-tentazzjoni: li nkejlu lil Alla bil-kejl tagħna, nagħmlu Alla biex nużawh.  U Alla hu ħaġ’oħra.

Allura x’għandna bżonn biex ninqalgħu minn din in-nassa li faċli nidħlu fiha, jiġifieri dik li nimmaġinaw lil Alla li jaġixxi skont kif irridu aħna? Hawnhekk Papa Franġisku jagħtina tweġiba tassew f’waqtha: Żmien – l-Avvent – li tulu aħna u nħejju l-presepju għall-Bambin Ġesù, nitgħallmu mill-ġdid min hu l-Mulej tagħna; żmien li fih noħorġu minn ċerti skemi, minn preġudizzji lejn Alla u lejn ħutna.  L-Avvent hu żmien li fih, minflok naħsbu fir-rigali għalina, nistgħu nagħtu r-rigal ta’ kliem u ġesti ta’ faraġ lil min hu miġrugħ, kif għamel Ġesù mal-għomja, mat-torox u maz-zopop.

Kemm lest u lesta li f’dan l-Avvent nagħti rigal ta’ kliem u ġesti ta’ faraġ lil min hu miġrugħ, kif għamel Ġesù? X’hemm isbaħ u aħjar milli nitħejja għall-miġja ta’ Ġesù bl-għemejjel tajba li l-Ispirtu s-Santu, l-Ispirtu ta’ Ġesù, inebbaħni li nwettaq?

Patri Mario Attard OFM Cap

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading