Kif tħossok meta tmur tixtri għand xi ħadd u, mill-prodott li jkollok bżonn li tixtri mingħandu, dan il-proxxmu jkollu bir-rimi?
Kieku l-prodott ikun tant meħtieġ li jien ma ngħaddix mingħajru aqta’ kemm inħossni grat li nista’ nagħmel dan! F’qalbi żgur li ngħid: “Veru li l-Mulej miegħi u għinni nsib dak li tant nixtieq u li għandi bżonn!” Ibqgħu ċerti u żguri li l-ħajja żgur li nibda’ naraha f’dawl ieħor. Kemm nagħmel kuraġġ. U kemm nimtela’ bil-ferħ.
Il-biċċa hi akbar minn prodott
Nimmaġinaw ftit li dak li qed nitħaddtu fuqu mhuwiex sempliċi prodott li wieħed jista’ u jaqbad jixtri mis-suq bl-addoċċ. Dan in-nuqqas juri li hawn ħtieġa kbira għal dil-ħaġa li ma tantx tidher li hi marbuta mal-ħwejjeġ li nixtru.
L-ironija ta’ dil-ħaġa, li mhijiex prodott, hi proprju li tingħata b’xejn. Anzi, aktar ma tingħata b’xejn aktar ikollha valur. Il-valur tagħha jinstab meta tiġi mogħtija mill-qalb u bi gratwità li ma titfissirx. F’dinja u f’soċjetà fejn donnhom li l-aktar li qed jagħmlu ħoss huma l-flus u kemm għandek ħa jkollok x’turi li għandek x’tonfoq fuq li tonfoq, x’inhi l-ħaġa li tikkuntrasta ma’ dan kollu? Il-ħniena.
Illum kważi ssib min jidħak bik jekk turi li għandek bżonn min iħenn għalik. Hawn l-idea għal kollox falza li jekk turi li għandek bżonn il-ħniena int bniedem u bniedma iddiżgrazzjat u iddiżgrazzjata. Kważi kważi hawn min imur fl-estrem li jgħidlek li fid-dinja u fis-soċjetà l-aħjar hu li ma tiġi bżonn ħadd.
Veru dan?
Ħsieb bla tifsira
Jekk hemm xi ħaġa li ma tagħmilx sens, u li allura tilfet għal kollox it-tifsira tagħha, hi meta nirraġuna: “Jien m’għandi bżonn ħadd. Naf infendi għal rasi!” Il-Mulej ħuti tassew li hu ħanin għax il-mument li npaspar f’moħħi dan għid li se jippermetti xi ħaġa li lili ġġibni dahri mal-ħajt ħalli żgur niġi bżonn xi ħadd.
Li niġi bżonn ħaddieħor mhux rigress imma progess kemm fl-umanità u kif ukoll fl-ispiritwalità tagħha. Dan l-għaliex aħna ġejna maħluqa minn Alla li jħobb u jħalli lili nnifsu jiġi maħbub. Kull wieħed mill-Persuni, il-Missier, l-Iben u l-Ispirtu s-Santu, li flimkien jiffurmaw it-Trinità Qaddisa, jħobbu u jiġu maħbuba. Hekk il-Mulej jeżiżti u jaħdem fl-imħabba li hemm fih. Liema mħabba mhux biss tibqa’ fih imma jkollha dak l-imbierek ġenn li tingħata kollha kemm hi lill-univers kollu ‘il barra minnha.
Meta l-Mulej nifhmuh hekk allura nibdew naraw li Hu jaħdem ħafna bil-prinċipju tal-gratwità, inkluż magħha dak tal-ħniena.
Il-prinċipju tal-ħniena
Il-ħniena hi meta jien nagħti xi ħaġa jew xi rigal lil min ma ħaqqux. Aħna, bir-raġuni tagħna ta’ bnedmin, moħħna fil-meritokrazija, jiġifieri int tieħu xi ħaġa għax ħdimt għaliha. U jekk int dil-ħaġa ma ħdimtx għaliha allura tista’ taqta’ jiesek minnha għax mingħajra se tibqa’.
Dan ma nistgħux ngħiduh għall-ħniena. Il-ħniena taf li bniedem ma ħaqqux jieħu dak li suppost kellu jieħu, forsi għax qagħad kif ma kellux jogħqod. Biss, il-ħniena, mhux ħa toqgħod tħambaq fuq il-punt li dak il-bniedem suppost kellu jagħmel xi ħaġa u m’għamilhiex. Għall-kuntrarju, il-ħniena taqbad u tagħti dik il-ħaġa jew dak l-unur lil min ma ħaqqux.
Insult jew stedina għall-ħsieb uman?
Jista’ ikun li meta nibdew naħsbu b’dan il-mod tal-ħniena nibdew inħossu li qed ninsultaw il-ħsieb tagħna ta’ bnedmin. Il-ġustizzja tgħidilna li suppost għandna nagħtu lil kull persuna dak li tassew ikun ħaqqha. Għax hekk jgħid is-sewwa.
Imma l-ħniena tibda’ turina xorta oħra. Jaf il-ħniena tibda tfakkarna wkoll li jista’ ikun hemm persuni li waslu biex jagħmlu dak li għamlu mhux għax m’għandhomx valuri imma l-għaliex kien hemm fatturi oħra li wassluhom biex wettqu dak li wettqu. Jista’ ikun ukoll li l-ħniena taf turina li aħna li qed infittxu l-kollox bl-eżatt anki aħna jaf jaslilna l-mument meta nokorbu biex ħaddieħor iwessa’ il-kriterji tiegħu ta’ kif għandu jittrattana. Int ħu meta nixjieħu, ara kif saħħitna tibda’ tmur lura bħall-granċ. Ara kemm nibdew insiru aktar vulnerabbli u daqs tazza ilma nibdew insibu diffikultà biex nimxu, nieklu, norqdu u l-bqija. Mhux ovvja li l-moħħ, li jibqa’ dak il-ġuvni u dik it-tfalja ta’ erbatax u ħmistax-il sena, irid jibqa’ jara l-affarijiet mod ieħor? Mhux ovvja li jrid jibda’ idaħħal kriterji ta’ kompassjoni?
U meta nibda naħseb fuq dawn il-kriterji jfisser li nkun mort lura jew ‘il quddiem? Int ħu biċċa mużika. Din meta tkun sabiħa? Meta jseħħilha żżewweġ magħha l-kliem li nkitbilha sabiex takkumpanja mal-mużika li ġiet miktuba. F’dik il-kompożizzjoni żgur li se jasal xi punt fejn it-tnejn li huma, kemm il-mużika u kif ukoll il-kliem, iridu jadattaw ruħhom imqar ftit għal xulxin. B’hekk il-kompożizzjoni jkollha dik l-għaqda u s-sintonija li jippermettulha toħroġ is-sbuħija kollha tagħha.
L-istess il-moħħ u l-ġisem. Irid jasal punt f’ħajjithom fejn it-tnejn li huma għandhom jimxu flimkien ħalli joħorġu mill-persuna l-isbaħ u l-aqwa ħaġa: l-umanità u l-ispiritwalità tagħha. U min daqs il-ħniena hu l-kandidat mill-aktar tajjeb u adatt biex toħroġ din is-sbuħija unità, qaddisa u ħelliesa li mliena biha l-Mulej?
Nitgħallmu mill-Ħniena
Bħalma tafu, illum qed niċċelebraw Ħadd il-Ħniena Divina. Kien Ġesù nnifsu li talab li ssir din il-festa. Lil Santa Fawstina qalilha dawn il-preċiżi kelmiet fid-Djarju li kitbet: “L-umanita’ ma ssibx paċi sakemm hija ma ddurx lejn l-Għajn tal-ħniena Tiegħi” (Djarju ta’ Santa Fawstina, 699).
Anki int u jien ħuti għandna bżonn kbir li mmorru mill-ġdid lejn din l-Għajn tal-ħniena li hi Ġesù nnifsu. Jekk irridu nkunu sinċieri fil-fond tal-fond ta’ qalbna, inħossu li għandna bżonn bil-qabda ta’ xi ħadd li lilna jħenn għalina fid-dgħjufijiet kollha tagħna. Irridu kemm irridu li nkunu aħjar għid li dejjem se nsibu fhiex għandna nikkoreġu lilna nfusna u nirranġaw il-mod ta’ kif qed inġibu ruħna bħalissa. Din hi grazzja kbira. Inkella, jekk dan ma jsirx, qatt mhu se jseħħilna ngħixu ta’ bnedmin li huma miftuħa għall-oriġini tagħhom, il-Mulej.
Kristu Ħanin hu għalina l-garanzija biex ikollna dinja, soċjetà, Knisja, familja u komunità ta’ vera. Għandna bżonn kbir li nikbru fil-ħniena lejn xulxin. Ibda lejn dawk li huma bla ikel, xorb, dar u l-bqija u spiċċa minn dawk li jħossuhom waħedhom u abbandunati minn kulħadd.
Għalhekk, inħallu lil Ġesù jgħallimna nħennu billi mmorru għall-Ħniena tiegħu. Illum aħna msejħa minnu biex inqerru u anki mmorru għall-quddiesa u nitqarbnu ħalli ruħna terġa’ tiġi kif ħarġet mill-fabbrika tas-sema, nadifa tazza. Dan anki kompjuter, minn żmien għall-ieħor, ikollu bżonn li jiġi fformatjat ħalli kull ħaġa li qed timblokka s-sistema milli taħdem kif għandha taħdem tiġi mħassra u hekk il-kompjuter jerġa’ jaħdem bl-istess enerġija li kellu fil-bidu. Aħseb u ara ruħna għandhiex bżonn dan il-format daqshekk importanti u urġenti? “Qrara u tqarbina jħallu l’Alla jdur bina.” Ejjew ma ninsewhiex din!
Għandu bir-rimi
U għax il-Mulej hu ħniena, u minnha għandu tabilħaqq bir-rimi, ejjew immorru għandu ħalli l-istess ħnientu tibqa’ tmexxina fil-ħajja. Alla hu ħniena, u ħniena bla tarf. Kif qal Ġesù lil Santa Fawstina: “Xandar li l-ħniena hija l-ikbar attribut ta’ Alla”(Djarju, 301).
Mela, ejja nħennu bil-bosta għal xulxin għax hi l-Ħniena li lilna se tiftħilna l-bieb tal-Ġenna. Hi tbaxxi jew inkella, jekk ma nipprattikawhiex, tgħolli l-“passmark” tagħna u tagħmilhielna diffiċli li nidħlu fis-Saltna. Barra minhekk, ejjew nitolbu kuljum il-Kurunella tal-Ħniena Divina ħalli dan il-bieb jinfetaħ beraħ għalina, aktar u aktar fejn xi ħadd jew għal xi ħadd li qed imut. Jekk ma tafhiex itlobha ma’ dal-link ta’ YOU TUBE: IL-KURUNELLA TAL-ĦNIENA DIVINA minn fuq RADJU MARIJA MALTA
Għalhekk, ħa niftakru fil-kelma ta’ Ġesù u nħalluha tmexxi lill-ħajjitna: “Ħennu, bħalma hu ħanin Missierkom” (Lq 6:36). Dak Missierna li ħniena għandu bir-rimi!
Patri Mario Attard OFM Cap