Pawlu Pawl

Naħseb li mit-titlu ta’ dawn il-ħsibijiet mill-ewwel intbaħtu għal xiex qiegħed nirreferi, għall-program satiriku “Aħn’ Aħna jew maħniex”. Fost l-għadd ta’ kanzunetti satriċi li bih kien imżejjen dal-programm kien hemm din: “Pawlu Pawl”.

Niftakarni tifel ta’ ħmistax-il sena imkaħħal mas-sett tat-televiżjoni nisma’ din l-imbierka kanzunetta.  Id-daqqa tagħha u l-kliemha tassew li kienu jdaħħluni f’eżami tal-kuxjenza. Minbarra li kienu jifqgħuni wkoll bid-daħk. Aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar qed nintebaħ kemm kliemha għadu jagħmel wisq sens għal żminijietna.

Kliem il-kanzunetta

“Pawlu Pawl lilna l-Maltin,/ Ġibtilna l-fidi tajna d-dawl/ Għalhekk għall-festa tiegħek f’sakra lkoll ma narawx art”. Issa, li nhar is-Sibt li ġej 24 ta’ Frar se niċċelebraw il-festa tal-Appostlu Missierna San Pawl meta l-Providenza Divina nkaljatu waħda sew ma’ sikka fuq xtajta ta’ Gżiritna, tgħid il-flixkun tal-alkoħol għadu ħabibna għax naħsbu li se jsolvilna l-problemi tagħna? Iwa meta noħroġ bilfors li rrid nidħol f’sakra li ma narax art?

It-tieni strofa tal-kanzunetta tgħidlu hekk lil Pawlu tagħna: “Inżejnulek sbieħ, it-toroq/ Sparar, murtali u tal-qubbajt/ Skużana jekk fil-brijju/ Xi ġlieda tfaqqa’ l’hemm u ‘l haw”. Il-ġlied fil-festa biss ifaqqa’? O Pawlu tiegħi! Kemm għall-wirt fejn jidħlu flus u artijiet qed ifaqqa’ ġlied u ġlied bis-salvaġġ! Staqsi ftit lill-avukati kemm qed jitħaddmu għax hawn min qed jitħanżer għax irid jibla’ id-dinja! Dan biex ma nsemmux ġlied ieħor li jinqala’ fuq xejn għax sirna qisna polvri, lesti biex nieħdu n-nar. U le jaħasra! X’ġenn!

It-tielet strofa tfakkarna f’ġerħa oħra li għadna nġorru fostna: il-misħut dagħa. Tassew misħut għax hu lsien ix-xjaten tal-infern li ħlief jidgħu, u għax jidgħu jisħtu u jinsteħtu fl-istess ħin ma jagħmlux. “U bilħaqq tinsiex tavżah (lil San Bert)/ Jekk trid tiskansa xebgħa dagħa/ Jekk għandu jitfa’ ħalba/ Ma jitfaħiex is-Sibt u l-Ħadd”. X’arroganza hux li lill-Mulej inġibu jserftirli u jagħmel kollox eżatt kif irridu jien. U jekk ma jseftirlix ismagħni nidgħilu kemm niflaħ. Issa ejja nirraġunaw ftit, tgħid dan hu mod għaqli ta’ kif ngħix? Tgħidlix “għax taqbiżli” għax ma nemmnikx! Tkun taf x’inti tgħid.

Il-kanzunetta issemmi xi ħaġa li, fid-diskors tagħna, tgħidx kemm insemmuha: l-ilbies bla addoċċ u bla ebda rispett ta’ xejn. Tiftakruha l-istrofa? Ħa nfakkarhielkom ftit: “Pawlu Pawl l-ħażen kiber/ Fuq ix-xtajtiet li int berikt/ X’għarukaża bla mistħija/ Topless jgħumu t-tfaljiet”. Tibżax Missierna Pawlu illum donnu li ħafna tawha għal ħela. Anki fejn jidħol ir-rispett lejn ġisimhom u ġisem ħaddieħor. Tagħmlilna ġieħ imġieba fejn jien mhux biss nilbes kif ġie ġie imma nintefa’ għat-tbaħrid bla ma nħabbel rasi minn xejn u minn ħadd? Bil-mod ta’ kif qed nilbsu kemm qed nibżgħu għal xulxin? Dan biex ma nsemmux ritratti li jittellgħu fuq Facebook u fil-midja soċjali fejn aktar nagħtu wisa’ għall-ħajja laxka li tnawwar is-sliem ta’ qalbna u dak ta’ bejnietna.

U wara, għal soċjetà daqshekk ċkejkna bħal dik tagħna, se nibqgħu ninfirdu ħesrem fuq il-politika u l-partiti? L-istrofa ta’ wara dan il-messaġġ ma setgħetx twasslu aħjar. “Pawlu Pawl jekk f’dan il-pajjiż/ Terġa’ tinkalja bla ma trid/ Attent x’kulur se tilbes/ Għax jittimbrawk ma’ xi partit”. Kemm hu ikraħ it-timbru! It-timbru għad fadallu żmienu fuq in-nies? Dejjem kellu żmienu? Insejt li meta nittimbra lil xi ħadd qed nuri li jien stess timbru fuq ħajti stess? Għaliex għandi naqa’ daqshekk fil-baxx li nkisser ħajti għax ma nafx x’se naqbad nagħmel bija nnifsi?

Il-kelma ta’ Pawlu Pawl

Bħalma nafu, Pawlu Pawl mhux xi wieħed li joqgħod lura. L-istess bħalma aħna, uliedu, li ma tantx noqgħodu lura biex kelma infenduha. Imma Pawlu Pawl jgħid ħwejjeġ li aħjar nibdew inwettquhom ma ndumux. Inkella aktar se nispiċċaw għal ġol-ħajt b’rata tassew mgħaġġla ħafna aktar milli qegħdin bħalissa.

Rigward il-biċċa fuq ġisimna, li Alla Missierna żgur li ma ħalqux mejda tal-qubbajt u wisq anqas nassa għall-ħażen u t-taħwid, Pawlu Pawl jgħidilna hekk:


“’Kollox jiswa għalija,’ iżda mhux kollox jaqbel. ‘Kollox jiswa għalija,’ iżda ma nħalli ‘l xejn jaħkimni… Il-ġisem m’huwiex għaż-żína iżda għall-Mulej, u l-Mulej huwa għall-ġisem. U Alla qajjem il-Mulej u jqajjem lilna wkoll bil-qawwa tiegħu. Ma tafux li l-iġsma tagħkom huma membri ta’ Kristu? Jaqaw għandi nagħmel mill-membri ta’ Kristu membri ta’ mara żienja? Ma jkun qatt! Ma tafux li min jingħaqad ma’ mara żienja jsir ġisem wieħed magħha? Isiru, kif tgħid l-Iskrittura, it-tnejn ġisem wieħed. Min jingħaqad mal-Mulej hu ruħ waħda miegħu. [1Kor:6:18] Aħarbu ż-żína! Kull dnub li wieħed jagħmel hu ‘l barra minn ġismu, iżda min jagħmel iż-żína jkun qiegħed jidneb kontra ġismu stess. Jew ma tafux li ġisimkom hu tempju ta’ l-Ispirtu s-Santu, li jinsab jgħammar fikom, li għandkom minn Alla? Ma tafux li intom m’intomx tagħkom infuskom? Bil-għoli kontu mixtrija! Mela agħtu ġieħ lil Alla permezz ta’ ġisimkom” (1 Kor 6:12-20).

X’jgħid imbagħad Pawlu Pawl fejn tidħol il-faċċolità, il-ġlied, il-vendetta, it-talb, il-ġenerożità, l-għedewwa, il-barka u s-saħta, il-maħfra, l-ospitalità, il-qalb ħanina, l-umiltà u fuq min jaħseb li laħaq is-sema b’idejh? Jgħidilna hekk fuq dax-xogħol:

“Qisu li l-imħabba tagħkom ma tkunx wiċċ b’ieħor; taħmlux il-ħażen; żommu mat-tajjeb. Ħobbu lil xulxin bħal aħwa; fittxu li tistmaw lil xulxin. Tħallux il-ħrara tagħkom tibred, tħeġġu fl-ispirtu, aqdu lill-Mulej. Ifirħu bit-tama, stabru fl-hemm, itolbu bla waqfien. Aqsmu ġidkom mal-qaddisin li jinsabu fil-bżonn; ilqgħu f’darkom lill-barranin. Bierku lil dawk li jippersegwitawkom; bierku, u la tisħtu lil ħadd. Ifirħu ma’ min jifraħ, ibku ma’ min jibki. Aħsbu f’xulxin l-istess, taħsbux fi ħwejjeġ kbar, imma fittxu l-umli. Tagħmluhiex ta’ għorrief. Troddu lil ħadd deni b’deni. Ħa jkun ħsiebkom filli tagħmlu t-tajjeb quddiem il-bnedmin kollha. [Jekk jista’ jkun, sakemm ikun ġej minnkom, għixu fil-paċi ma’ kulħadd. Tivvendikawx ruħkom b’idejkom, għeżież tiegħi, imma ħallu l-korla ta’ Alla tagħmel hi, għax hemm miktub: “Għalija l-vendetta, jiena nħallas, jgħid il-Mulej.”Jekk l-għadu tiegħek bil-ġuħ, itimgħu; jekk hu bil-għatx, isqih. Jekk tagħmel hekk tkun qiegħed tiġma’ ġamar jaqbad fuq rasu” (Rum 12:9-20).

U biex donnu żgur li ma ninsewx dan, Pawlu Pawl, fl-Ittra tiegħu lill-Galatin, jagħtina stampa mill-isbaħ u dettaljata issemmix ta’ min qed iħalli lill-Ispirtu s-Santu imexxilu ħajtu u min le. Min iħalli l-Ispirtu s-Santu imexxieh għandu ordni f’ħajtu u min le għandu ħajtu diżażtru tad-diżażtri u mandra sħiħa. Jgħidilna Pawlu Pawl:

“Jien ngħidilkom, imxu fl-Ispirtu u taqgħux għall-passjonijiet tal-ġisem. Il-passjonijiet tal-ġisem huma kontra l-Ispirtu, u l-Ispirtu hu kontra l-ġisem; dawn it-tnejn huma kontra xulxin, biex ma jħallukomx tagħmlu dak li tixtiequ. Jekk lilkom imexxikom l-Ispirtu, m’intomx taħt il-liġi. L-għemejjel tal-ġisem huma magħrufa: żína, faħx, nuqqas ta’ rażan, idolatrija, seħer, mibegħda, ġlied, għira, korla, ambizzjoni, firda, partiti, invidja, sokor, tbahrid, u ħwejjeġ bħal dawn. Nwissikom, bħalma wissejtkom qabel, min jagħmel dawn il-ħwejjeġ ma jiritx is-saltna ta’ Alla. Il-frott ta’ l-Ispirtu huma: l-imħabba, l-hena, is-sliem, is-sabar, il-ħniena, it-tjieba, il-fidi, il-ħlewwa, ir-rażan” (Gal 5:16-23).

Mela imnalla li fuq il-ONE Radio nibdew il-jum tagħna bit-talba tal-konsagrazzjoni lill-Ispirtu s-Santu! Kos hux! Ara kemm qed ninħelsu minn inkwiet u minn ħsara! Minn konfużjoni u minn mandra!

Il-marċ tal-aħħar

U issa li daħlet il-purċissjoni bil-vara ta’ San Pawl ħa niftakru f’żewġ talbiet għall-ħajja ta’ kuljum li l-Mulej jgħallimna permezz ta’ Pawlu Pawl. L-ewwel waħda: “Mulej għinni ma nħallix lill-ħażin jirbaħni iżda li nirbaħ lill-ħażen bit-tajjeb”. It-tieni waħda: “Mulej għinni nservi u neħħili n-nervi”.

Hawnx’ għalih Pawlu Pawl!

Patri Mario Attard OFM Cap

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading