Għal meta nkun gravi

Ġieli ħassejtukom gravi? Ġieli ħassejt li l-viżibiltà iċċajpritlek mhux ftit? U ġieli ħassejtek stordut u storduta anki jekk tkun irqadt raqda raqdun?

Kulħadd jgħaddi minn dawn il-waqtiet diffiċli. Il-ħajja hi dik li hi. U, iwa, ġieli tiltaqa’ ma’ xi appostlu li żgur li ma jagħmillekx il-ħajja faċli u li jġibek titħaddet waħdek. Veru? Imma hu f’dawn il-mumenti xejn faċli li rridu nħallu lill-Mulej jibnina tafux. Għax bihom nistgħu tabilħaqq nikbru u nimxu ‘l quddiem kemm bħala bnedmin u anki bħala nies ta’ fidi. Għalhekk, f’dawn il-ħsibijiet, beħsiebni naqsam magħkom xi numri fejn tistgħu iċċemplu u li, fejn se ċċemplu, se jagħtukom kliem ta’ faraġ u kuraġġ li huma kexxun għas-sitwazzjoni li qegħdin issa jew se tkunu qegħdin fiha.

L-ewwel numru

Ġieli għaddejtu minn mumenti ta’ niket? Kemm hu mument tassew iebes hux! Donnu lanqas ikun irid jispiċċa! L-imrar li jkun nieżel bħall-valanga fl-istonku tagħna tassew li jkun kbir. Imma anki għal dan, id-direttorju tal-Bibbja jaħsbilna wkoll. F’dawn il-mumenti kulma għandna nagħmlu hu li niddaljaw in-numru Ġwanni 14. Ħa nsemmu silta minn din is-silta li magħha hu marbut dan in-numru u li tagħtina tabilħaqq kuraġġ.

“Tħallux qalbkom titħawwad! Emmnu f’Alla, u emmnu fija wkoll. Fid-dar ta’ Missieri hemm ħafna postijiet; li ma kienx hekk, kont ngħidilkom. Sejjer inħejjilkom fejn toqogħdu. U meta mmur u nħejjilkom post, nerġa’ niġi biex neħodkom miegħi biex, fejn inkun jien, tkunu intom ukoll” (Ġw 14:1-3).

It-tieni numru

Dan in-numru żgur li niġu bżonnu ilkoll kemm aħna, jien l-ewwel wieħed. Dan hu n-numru ta’ dawk li jidinbu. Min minna ma jidnibx? Min minna ma jitlifx xi ftit it-triq u ma jiżgarrax xi naqra? Imma anki jekk, bħal kulħadd, żgarrajna xi ftit, illum qed tingħatalna l-possibiltà sabiħa li nerġgħu lura lejn it-triq tas-sewwa. U min hu s-sewwa jekk mhux Ġesù stess li qalilna: “Jiena hu t-Triq, il-Verità u l-Ħajja” (Ġw 14:6)? Hawn hu n-numru li għandna niddaljaw ħalli nerġgħu nidħlu fit-triq li tagħti għall-ħajja ta’ dejjem: Salm 51. Ħa nduqu xi ftit mill-benna tiegħu:

“Ikollok ħniena minni, o Alla, fi tjubitek; fil-kobor tal-ħniena tiegħek ħassar ħtijieti. Aħsilni kollni mill-ħtija tiegħi; naddafni mid-dnub tiegħi. Għax jien nagħrafhom ħtijieti; id-dnub tiegħi dejjem quddiemi. Kontrik biss jiena dnibt, u dak li hu ħażin f’għajnejk għamilt. Hekk jingħaraf is-sewwa tal-kelma tiegħek, u bla tebgħa jidher il-ħaqq tiegħek. Ara, jiena ssawwart fil-ħtija, u fid-dnub nisslitni ommi. Int li tħobb il-qalb sinċiera, għallimni l-għerf fil-fond ta’ qalbi. Roxxni bl-ilma, u nissaffa; aħsilni, u aktar mis-silġ nibjad. Agħmel li nisma’ l-ferħ u l-hena, biex għadmi, li int sħaqt, jithenna. Dawwar wiċċek minn ħtijieti; ħassar ħżuniti kollha. Oħloq fija qalb safja, o Alla, u spirtu qawwi ġedded fija. La twarrabnix minn quddiemek; tneħħix minni l-ispirtu qaddis tiegħek. Roddli l-hena tas-salvazzjoni tiegħek, u bi spirtu qalbieni wettaqni” (S 51:3-14).

It-tielet numru

Ġieli ġralek li taqbad lilek innifsek tinkwieta issemmix? Isma’, m’aħniex ngħidu affarijiet kbar tafux! Dan imqar xi ħaġa tkun marritlek xi naqra żmerċ u tkun biżżejjed biex tħallieha tkissirlek il-ġurnata. Insomma, hu x’inhu l-każ, meta taqbad lilek innifsek f’dan l-inkwiet li, m’hemmx dubju, jifnik u jherrik, hemm soluzzjoni għalih. Ara tistax tiddalja naqra n-numru Mattew 6:19-34. Minħabba li d-diskors hu naqra twil se nillimitaw ruħna għal silta minnu li tiġbor dak li Ġesù qed jgħid fil-kapitlu 6 fil-vanġelu skont San Mattew, fejn qed jitħaddet fuq x’inhi l-ħajja Nisranija.

“Għalhekk ngħidilkom: tinkwetawx ruħkom għal ħajjitkom, x’se tieklu jew x’tixorbu, anqas għal ġisimkom x’se tilbsu. Jaqaw il-ħajja m’hijiex aqwa mill-ikel, u l-ġisem aqwa mill-ilbies? Ħarsu lejn l-għasafar tas-sema; la jiżirgħu u lanqas jaħsdu u lanqas igeddsu fl-imħażen, u madankollu Missierkom li hu fis-smewwiet jitmagħhom! Intom ma tiswewx aktar minnhom? U min minnkom, bl-inkwiet kollu tiegħu, se jseħħlu jtawwal għomru mqar b’jum wieħed biss? U għall-ilbies għalfejn tinkwetaw ruħkom? Ħarsu lejn il-ġilji tal-għelieqi, kif jikbru! U la jitħabtu u lanqas jinsġu. Madankollu, ngħidilkom, anqas Salamun, fil-glorja kollha tiegħu, ma kien jilbes bħal wieħed minnhom. Mela jekk Alla jlibbes hekk imqar ħaxixa selvaġġa li llum hawn u għada tinxteħet fil-forn, kemm aktar lilkom, nies ta’ fidi ċkejkna! Għalhekk toqogħdux tinkwetaw ruħkom u tgħidu, “X’se nieklu?’ jew ‘X’se nixorbu?’ jew ‘X’se nilbsu?’, għax dawn huma kollha ħwejjeġ li jfittxuhom il-pagani. Imma Missierkom li hu fis-smewwiet jaf li dan kollu teħtiġuh. Mela fittxu l-ewwel is-Saltna u l-ġustizzja ta’ Alla, u dan kollu jingħatalkom ukoll. Mela toqogħdux tħabblu raskom għall-għada, għax il-jum ta’ għada jħabbel rasu hu għalih innifsu. Biżżejjed hu għall-jum it-taħbit tal-ġurnata” (Mt 6:25-34).

Ir-raba’ numru

Ġieli ħassejtukom qegħdin f’periklu jew inkella f’xi preżenza ta’ xi proxxmu li, miskin, minnu ma jafx xi spirtu joħroġ għalik u li lest li jqattgħek biċċiet u jibilgħek? Meta tkunu f’din is-sitwazzjoni xejn sabiħa mill-ewwel iddaljaw Salm 91. Dan is-Salm, li jintuża wkoll waqt l-eżorċiżmu, hu b’saħħtu ħafna. Fil-fatt, f’Salm 91 insejħu bih l-għajnuna diretta u qawwija tal-Mulej kontra l-għadu tagħna ta’ dejjem, ix-xitan. Ħa nduquh ftit.

“Int li tgħix għall-kenn tal-Għoli, li tgħammar għad-dell ta’ dak li jista’ kollox, għid lill-Mulej: ‘Kenn tiegħi u qawwa tiegħi int, Alla tiegħi, jien fik nittama.’ Għax hu jeħilsek mix-xibka tan-nassab, u mill-mard tal-mewt. Bir-rix tiegħu jgħattik, u taħt ġwenħajh tistkenn, għax tarka u kurazza l-fedeltà tiegħu. Ma tibżax mill-biża’ tal-lejl, anqas minn vleġġa li tittajjar binhar, minn pesta li tixtered fid-dlam, jew minn marda li ġġib ħerba f’nofsinhar. Elf ruħ jaqgħu maġenbek, u għaxart elef fuq lemintek. Imma lejk id-deni ma jersaqx, għax tarka u kurazza l-fedeltà tiegħu. Int dan tarah biss b’għajnejk, tara l-ħlas li jieħdu l-ħżiena. Għax int għandek il-Mulej kenn tiegħek, għamilt l-Għoli għamara tiegħek. Ebda deni ma jiġrilek, ebda ħsara ma tersaq lejn darek. Għax l-anġli tiegħu hu jibgħatlek, u jħarsuk fi triqatek kollha. Fuq idejhom jerfgħuk, li ma taħbatx ma’ xi ġebla riġlek. Fuq l-iljun u l-lifgħa int timxi, ferħ ta’ ljun u serp int tirfes. La tħabbeb miegħi, jien neħilsu; la għaraf ismi, jiena nħarsu. Hu jsejjaħli, u jiena nwieġbu; miegħu nkun fid-dwejjaq tiegħu, neħilsu u nerfagħlu ġieħu; u b’għomor twil nimlieh, nurih is-salvazzjoni tiegħi” (Salm 91:1-16).

Dawn kienu biss xi ftit numri li l-Mulej tani l-grazzja li jiġu f’idejja bil-għan li naqsamhom magħkom. Minħabba li huma erba’ jafu jfakkruna wkoll fl-erba’ evanġelisti li kitbu l-vanġelu, li jfisser “l-aħbar it-tajba”. Jalla li meta dawn in-numri jkollkom il-gazz li tiddaljaw xi wieħed jew ieħor, jew, mal-medda taż-żmien, tiddaljawhom kollha, jagħtukom il-faraġ bħalma jagħtu lili meta jien ukoll inkun taħt l-ilma bħalkom. U issa, kelma ta’ ħukom li jien, tinsewx tiktbuhom jew tissejvjawhom xi mkien fejn issibuhom malajr meta jkollkom bżonnhom. Hekk, meta tkunu gravi, jkollkhom xi ħaġa x’tistgħu tagħmlu.  

Numru f’każ ta’ emerġenza dejjem tridu f’idejk. Mhux hekk? X’soluzzjoni dik eh għal meta nkun gravi!

Patri Mario Attard OFM Cap

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading