Nhar is-Sibt 11 ta’ Novembru 2023, il-Knisja ċċelebrat il-festa sabiħa ta’ San Martin ta’ Tours. Niftakar li meta mort nara l-Ordo tal-quddiesa ma stajtx ma naqrax, b’tant ferħ u anki b’nostalġija kbira, li fil-Baħrija din il-festa kienet solennità.
Kien hawn li moħħi beda jiġri fuq li jiġri fit-tifkiriet li lili dejjem rabtuni ma’ dan il-qaddis daqshekk partikulari.
L-Għar ta’ San Martin
Jien ġej minn familja tal-kaċċaturi. Għalhekk, ta’ tifel ċkejken, niftakarni mmur ma’ missieri, Alla jaħfrilu, ma’ ħija u z-zijiet (wieħed minnhom Alla jaħfirlu wkoll), għall-kaċċa. Mhux l-ewwel darba li għaddejna minn ħdejn l-Għar ta’ San Martin jew inkella waqafna biex nagħmlu viżta. Minn dejjem niftakarni li meta kont ngħaddi minn hemm moħħi kien ifakkarni fi storja ta’ xi ħadd li daħal f’dan l-għar, ‘il ġewwa ‘il ġewwa, u qatt ma ħareġ ‘il barra lejn id-dawl tax-xemx. Kien minħabba f’hekk li l-viżta tiegħi dejjem kienet tikkonsisti fi tlett Avemarijiet lill-Madonna, minħabba l-istatwa tal-Madonna ta’ Lourdes li dejjem kien hemm u anki għar-ruħ ta’ dak, dik jew dawk li daħal, daħlet jew daħlu fl-għar u ma ħariġx, ħarġitx u ħarġux aktar.
Barra minhekk, kull darba li kont ngħaddi minn quddiem dan l-għar kont waħħaltha f’rasi li San Martin kien joqgħod ‘il ġewwa ‘il ġewwa f’dan l-għar u fih għandu mħażen bla qjies mimlija ġews, qastan u tin. Tafu li minkejja daqshekk żmien li għadda minn fuqi xorta waħda dawn il-ħwejjeġ għadni naħsibhom kull darba li mmur nitlob jew inkella nqaddes xi quddiesa f’dan il-għar? U biex ma ngħidx ukoll nemminhom?
U kif nista’ ma niftakarx fil-ħarġiet tabilħaqq sbieħ li kienu jorganizzawlna tal-MUSEUM meta kienu joħduna f’dan l-Għar biex nitolbu r-Rużarju fil-passiġjata li konna nagħmlu meta kont fil-klassi tal-Preparatorja u dik tal-Magħżulin?
Xi tifkiriet ħfief tal-imgħoddi fuq San Martin
Issa dak it-tifel, li xi darba kien tal-MUSEUM u anki abbati, u li kien iħobb minn qalbu iżur l-Għar ta’ San Martin, kiber, bħalma, wara kollox, kbirt int ukoll. U l-Mulej, fir-rieda qaddisa tiegħu, riedu Patri Kapuċċin. Qatt ma kont nobsor li Patri Kapuċċin jista’ tant ikun ħabib ta’ San Martin!
Ibda biex, qabel mal-Mulej daħħalni mal-Patrijiet Kapuċċini, jiġifieri l-ewwel darba li daħħalni fl-1992, niftakarni noħroġ għall-ewwel darba minn Malta. F’dik il-ħabta kelli għoxrin sena meta rkibt l-ajruplan tal-Air Malta li ħadni, ferħan ferħan, Franza, sewwa sew fl-ajruport ta’ Orly. Għadni niftakar f’dak il-vjaġġ li konna għamilna aħna u sejrin lejn Lourdes minn Pariġi. Konna qbadna t-triq li tagħti lejn Lourdes u, fit-triq, minbarra li konna għaddejna minn Bourdeaux, wasalna wasla wkoll sa’ Tour, ħdejn San Martin. Niftakar li qattajna lejl f’din il-belt. X’esperjenza sabiħa kienet dik! Għadni naraha quddiem wiċċi l-bażilika daqshiex li hemm flimkien ma’ dak il-kafè cappuccino li xrobt f’waħda mill-kafeteriji tal-belt.
It-tifkira ta’ San Martin fil-Kappella taċ-Ċentru tal-Onkoloġija
It-tifkira ewlenija li wasslittni biex nintasab bilqiegħda u nniżżel, bħalma titferra’ tazza ilma, dawn il-ħsibijiet, kienet dik tas-Sibt li għadda, jiġifieri l-11 ta’ Novembru 2023. Hekk kif temmejt il-quddiesa u bdejt indaħħal l-affarijiet posthom, f’dak id-dawl baxx baxx tal-kappella, telgħuli dawn iż-żewġ frażijiet: “Il-borża ta’ San Martin” u “Niftakarni tifel ċkejken”.
Kienu dawn iż-żewġ frażijiet li tefgħuni ngħum fuq li ngħum fil-baħar ta’ tifkiriet ta’ tfuliti. U t-tifkiriet mhux baqgħu tifkiriet imma saru wkoll ħsibijiet. Bdejt niftakar fit-tieni Sibt tax-xahar ta’ Novembru, qabel sejjer norqord, wara li kont kilt żewġ imħariet li l-għażiż missieri kien qala’ minn Tas-Sliema, b’dak il-ħobż biż-żejt u l-kunserva. Niftakar li ommi l-għażiża, inkiss inkiss, kienet marret qrib soddti u, fuq in-naħa tax-xellug, kienet poġġiet il-borża bajda irrigata bl-ikħal bil-lazz.
“Mà,” niftakarni nistaqsieha. “Dak għaliex qed tagħmel hekk?” U hi, ta’ omm għaqlija li kienet, ħadet l-opportunità biex tgħallimni bis-sempliċità u bit-tjubija tagħha. “Għax issa, bil-lejl, se jiġi San Martin u jimlielek il-borża”. U jien, ta’ tifel kurjuż li kont, niftakarni nistaqsieha: “U biex Mà jimlieha”? U l-għażiża ommi kienet tweġibni: “Issa la tiftaħ għajnejk tara”.
U veru kont nara tafux għax meta kont inqum fil-għodu kont insib il-borża mimlija sa ruħ ommha bil-qastan, tin, ġewż, rummiena, larinġa, tofijiet u anki xi biċċa ċikkulata. Għadni s’issa nħoss il-piż tqil tal-borża li kienet tkun trid tinfaqa’ bl-affarijiet li kien ikollha fiha. Dik it-toqla hekk ferħana u ġeneruża kienet tabilħaqq tmissli ‘l qalbi. Tant hu hekk li mhux l-ewwel darba li kont ngħid, kważi bid-dmugħ f’għajnejja u b’qalbi mċarta għal daqshekk imħabba u ġenerożità: “Imma kemm għandu qalbu tajba San Martin”.
Kemm kont nifraħ meta ommi, lil San Martin, kienet tlestilu l-flixkun tal-alkoħol, il-luminata u l-pastini fit-traytal-fidda li kellna fil-vettrina kulur l-inbid, pariġġ it-tavolina li fuqha kellu x’jixrob u jiekol San Martin! “Mà, allura San Martin jixrob l-alkoħol?” kont nistaqsieha. U ommi kienet tweġibni: “Jieħu naqra alkoħol ħa jisħon ftit mir-reżħa tal-lejl għax barra jagħmel xi ftit tal-ksieħ”. U jien, ta’ tifel ċkejken, minflok li kont noqgħod qisni s-serduk jew l-ammiral u nikkonstesta fuq kull sufa, kont nibla’ kollox bħal mazzun. Imma l-ferħ li kont inġarrab f’qalbi għas-sempliċi fatt li San Martin kien se jiġi għandna d-dar kien kbir.
Kont nitfarraġ ħafna b’dan il-ħsieb: “La San Martin hu qaddis żgur li mhux ħa jisraqna. Anzi! Ġie biex jagħtina għax ġie biex jimlieli l-borża bl-ikel. Jalla jkollu vjaġġ tajjeb! Jalla ż-żiemel isib fejn jipparkjah u jalla jixrob u jiekol xi ħaġa u ma jqajjimnix!”
Miskin San Martin! Milli jidher dan kollu kien iwettqu bl-akbar imħabba u fedeltà mhux biss lejn il-Mulej li kien jibgħatu kull sena, fit-tieni Sibt sbieħ il-Ħadd ta’ Novembru, imma wkoll lejja. Kieku qatt naf li qajjimni mir-raqda raqdun li fiha kont inkun.
Il-poeżija
Dawn it-tifkiriet, għodu għodu, fil-Kappella taċ-Ċentru tal-Onkoloġija, tant kemm kienu qawwija li wassluni biex noħroġ il-mobile tiegħi, nintasab quddiem Ġesù Sagramentat, u nferrixhom f’poeżija li tagħni l-Mulej innifsu bil-vers ottonarju u bir-rima ABCB. Hawn hi l-poeżija li tagħni l-Ispirtu s-Santu fi spazzju ta’ disa’ strofi u li għandha, bħala tittlu, “il-borża ta’ San Martin”:
Niftakarni tifel ċkejken
Sejjer norqod fil-għaxija,
U niftakar li mas-sodda
Fuq in-naħa x-xellugija;
L-għażiża ommi kienet tħejji
Borża bajda w irrigata,
B’linji rqaq, ħelwin u koħol
Hawn hi ġejja x-xalata.
Niftakarni nistaqsieha:
“Għalxiex dil-borza f’dan il-ħin?”,
U ommi b’ħafna paċenzja
Kienet tgħidli: “Ġej San Martin!”
U ta’ tifel daqs qrempuċu
Kont nistaqsieha: “Kif jidħol?”
Is-skiet tagħha kien jitfagħni
F’elf ħsieb, b’hekk lilu kont nitlob:
“San Martin, imlili l-borża
Imla kemm tiflaħ, la tieqafx,
Basta tferraħni fil-għodu
Ħalli bil-lejl ma narakx”.
U ommi kienet tħejjijlu
Xorb, luminata w pastini,
Xi biċċa kejk tajba tajba
U naqra ċikkulatini.
U Martin dan kien jistenna
Jiekol kollox, ma jħalli xejn,
L-aqwa li jimlili l-borża
B’għemilu jgħidli dal-kelmtejn:
“Bħalma ġejt għandek f’dan il-lejl
W infawwarlek l-borża bil-kbir,
Int ukoll iftaħ dik qalbek
Għall-imsejken u min hu fqir”.
O ġenituri nitlobkom
Darru lil uliedkom ħelwin,
Li jgħinu ‘l min qed ibati
Agħmlulhom ‘l-borża ta’ San Martin.
Agħmilhielhom il-borża
Agħti lill-uliedek teżor li jibqa’ magħhom u jwassalhom għall-ħajja ta’ dejjem. Irrakkuntalhom l-istorja ta’ San Martin ta’ Tours, ħalli ddaħħalhom fil-lista sħiħa ta’ nies li ġew imnebbħa minnha tul iż-żminijiet. Meta tagħmlilhom il-borża u jsibuha mimlija daqs bajda meta jqumu fakkarhom il-ġmiel ta’ att ġeneruż mal-proxxmu. Agħllimhom li din hi l-qalba ta li tkun bniedem u Nisrani u Nisranija!
Għalhekk, agħmlilhom il-borża kull sena, it-tieni Sibt, sbieħ il-Ħadd, tax-xahar ta’ Novembru.
Patri Mario Attard OFM Cap