Ġwanni Pawlu II f’Bari

VIŻTA PASTORALI F’BARI U BITONTO
KONĊELEBRAZZJONI FIL-PJAZZA TAL-ISTADIUM TA’ BARI
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Il-Ħadd, 26 ta’ Frar 1984

1. Min hu Alla tiegħek, Nikola? Min hu Alla tiegħek, li lilu tagħtih xhieda?

Ħafna Pellegrini jiġu fil-belt ta’ Bari, fuq ix-xatt Adrijatiku, Jiġu Pellegrini mill-Italja, b’mod partikolari minn Nofsinhar. Jiġu minn barra, mill-Punent u mil-Lvant.

Hawn isibu r-relikwi, il-fdalijiet mortali tal-qaddis, li fir-rabà seklu kien isqof ta’ Mira fl-Asja Minuri. Minn hemm il-kult tiegħu infirex fid-direzzjonijiet kollha, tant li Nikola donnu sar qaddis magħruf u meqjum universalment fil-kristjanità kollha. Il-figura tiegħu waqfet tkun punt partikolari ta’ laqgħa bejn il-Lvant u l-Punent minħabba li kien qam sinifikat ġdid f’dan iż-żmien il-kobor ta’ sforzi ekumeniċi. Għal tant sekli San Nikola ta Mira ilu ma jaqtà li jattira lejh il-qlub umani b’din ix-xhieda partikolari li huwa ta lil Alla: lil Alla ta’ Ġesù Kristu, lil Allat al-Providenza . . .

Dawk kollha li jiġu hawn donnhom isegwu din ix-xhieda tal-qaddis. Donnhom jitolbu dejjem mill-ġdid: Nikola għidilna, min hu dan Alla li lilu int tajt xhieda? Irrendini qrib dan Alla!

Ħaġa stramba: l-istorja iffissat ftit fatti tal-ħajja tal-qaddis, imma din ix-xhieda waslet sa għandna.  Iva hija ttimbrata f’moħħ il-poplu ta’ Alla, fil-kult liturġiku tal-Knisja, fl-arti sagra u wkoll fid-drawwiet u l-kostumi popolari ta’ bosta nazzjonijiet.

2. Il-liturġija ta’ dan il-Ħaddtippermettilna li nsibu tweġiba għall-mistoqsija li nindirizzaw lil Nikola, isqof ta’ Mira, li r-relikwi tiegħu jistrieħu hawn f’Bari.

Dan Alla, li lilu l-qaddis tagħna tant jagħti xhieda, huwa il-Ġid Suprem, is-Sors ta’ kull ġid.

Ikellimna, bil-lingwaġġ tipiku tiegħu, is-salm responsorjali tal-liturġija tallum:

“F’Alla biss il-mistrieħ ta’ ruħi; / mingħandu tiġini s-salvazzjoni. / Hu biss l-blata u s-salvazzjoni tiegħi, / hu l-kenn tiegħi, xejn ma jċaqlaqni” (Sal 62, 2-3).

Dawn huma żewġ versetti, kull wieħed minnhom jesprimi b’tali kliem ħsieb wieħed:

Alla huwa s-sors ta’ kull ġid; u għalhekk fih tistrieħ it-talba l-iktar profonda tal-bniedem. Infatti Alla mhuwiex biss il-Ġid infinit fih innifsu, imma huwa il-Ġid għall-bniedem: Huwa jrid għall-bniedem il-ġid. Irid ikun hu l-Ġid definittiv għall-bniedem. Irid ikun is-“salvazzjoni” tal-bniedem:

“F’Alla biss il-mistrieħ ta’ ruħi”.

Huwa hu s-sies stabbli u kostanti, li fuqu l-bniedem jistà jibni l-bini tal-propja ħajtu u tal-propju destin. Huwa għal dan li s-salmista jqabbel lil Alla tat-tama umana ma’ sur u ma’ blata:

“Il-kenn sod tiegħi u d-difiża tiegħi huma f’Alla” (Sal 62,8).

 Fost l-esperjenzi tal-instabiltà, f’nofs furtuni li jinbidlu tal-ħajja terrena, Alla huwa għall-bniedem sosten definittiv, li minnu huwa jikseb l-indispensabbli qawwa tal-ispirtu.

L-Alla tas-salmista tal-liturġija tallum huwa l-Alla tal-isqof Nikola ta’ Mira. Huwa kiseb mingħandu t-tama tiegħu u l-qawwa nterna tiegħu. Fih sab l-appoġġ għalih stess u għall-merħla li kienet afdata lilu. Alla, sors ta’ kull ġid, kien għal Nikola wkoll l-ispirazzjoni għal kull ġid, li hu kien ifittex li jagħmel f’ħajtu lill-oħrajn. U propju hekk huwa rrikordjat mit-tradizzjoni ħajja tal-Knisja: Nikola l-benefattur, Nikola, b’għajnejh iffisssati f’Alla, sors ta’ kull ġid, kien jagħmel il-ġid lil kulħadd.

3. Il -Mulej, lil min għamel xhieda b’ħajtu, huwa l-Alla ta’ Ġesù Kristu, mela huwa il-Missier premuruż, li bla jaqtà juri l-paternità tiegħu fir-rigward tal-krejaturi u b’mod speċjali fil-konfront tal-bniedem, permezz tal-opri tal-Providenza.

Dan jixhdu l-kliem ta’ Kristu stess fil-Vanġelu tallum:

“Ħarsu lejn l-għasafar tas-sema: dawn la jiżirgħu, la jidirsu, linqas ma jaħżnu fl-imħażen; bdanakollu l-Missier tagħkom ċelesti jitmagħhom, Jaqaw intom forsi ma tiswewx iktar minnhom? . . .

Issa jekk Alla jlibbes b’dan il-mod il-ħaxix tal-għelieqi, li llum huwa hemm u għada jinxteħet fil-forn, ma jagħmilx iktar għalikom ja nies ta’ fidi ċkejkna? . . .

Missierkom ċelesti infatti jaf li intom dan tinħtiġuh” (Mt 6, 26.30.32).

Alla li huwa s-sors ta’ kull ġid fl-opra tal-ħolqien, huwa wkoll il-providenza nċessanti tad-dinja u tal-bniedem. Irid kontinwament li l-ġid, imsejjaħ minnu għall-eżistenza, ikun ipparteċipat mill-krejaturi u b’mod partikulari mill-bniedem; il-bniedem, infatti, kien iddestinat minn Alla fost il-krejaturi kollha tad-dinja viżibbli.

Sa mill-bidu Alla dawwar il-bniedem b’imħabba partikolari.  U din l-imħabba għandha karatteristiċi paterni u materni flimkien, kif xehed il-profeta Iżaija fl-ewwel qari:

“Tista mara tinsa t-tarbija tagħha u ma tħennx għal bin ġufha? Imqar jekk din tinsa, jien ma ninsiek qatt” ( 49, 15).

4. Il-paternità ta’ Alla kienet ispirazzjoni partikolari għall-Isqof ta’ Mira: il-paternità, imma wkoll din il-maternità li dwarha jitkellem il-profeta.

Huwa kien xhud tal-providenza divina kbir: dan jixhduh il-ġrajjiet ta’ ħajtu, meqjusa fit-tifkira tat-tradizzjoni tal-poplu ta’ Alla. L-istorja tal-qaddisin fil-Knisja tat bosta xhieda simili tal-Providenza divina, wkoll f’din l-art Taljana, Nikola huwa bħal mudell u protagonista tagħhom.

Huwa ta xhieda lill-Providenza divina mhux biss minħabba l-fatt li kellu huwa stess fiduċja nfinita, imma wkoll għaliex studja li jkun il-providenza għall-oħrajn. Kien jieħu ħsieb il-proxxmu bħal missier u omm u, a bażi tal-possibiltajiet umani tiegħu, kien jirrimedja l-bżonnijiet tagħhom.

Huwa kien bla dubju fidil lejn il-kliem tal-Imgħallem divin: “Mela toqogħdux tħabblu raskom għal għada, għax il-jum ta’ għada jħabbel rasu għalih innifsu, Biżżejjed hu għall-jum it-taħbit tal-ġurnata” (Mt 6, 34).

Bħax-xhieda erojċi kollha tal-Providenza divina huwa kien bniedem ta’ fiduċja bla tarf.

Hekk hu, fih il-Providenza divina, it-Tjubija paterna u sa ċertu punt materna ta’ Alla, sabu xhieda elokwenti fil-ħajja kollha tal-Isqof ta’ Mira. Għal ġenerazzjonijiet il-Knisja tal-Lvant u tal-Punent, u saħansitra l-bnedmin li huma barra mill-Knisja, ilhom għal sekli jiġu f’pellegrinaġġi, għal din ix-xhieda.

5. San Nikola jinsab quddiemna bħala ministru ta’ Kristu u amministratur tal-misteri ta’ Alla (cf. 1 Kor 4, 1). U permezz tas-servizz tiegħu kollu episkopali, permezz tal-amministrazzjoni tal-misteri ta’ Alla, jidher id-dawl l-iktar profond tal-Vanġelu: is-saltna ta’ Alla tal-Imħabba.

Jekk Nikola kien – tul is-sekli – xhud hekk elokwenti tal-Providenza divina, dan kien għaliex kien għażel, litteralment, skont il-kliem ta’ Kristu, is-servizz ta’ Alla nnifsu.

Kristu infatti jgħid: “Ħadd ma jistà jaqdi żewġ sidien. . . ma tistgħux taqdu lil Alla u lill-flus” (Mt 6, 24). Nikola għażel b’mod indiviżibbli s-servizz lil Alla. U propju minn dan is-servizz indiviżibbli beda x-xhieda mhux solita tiegħu, li huwa ta lil Alla tal-Imħabba, lil Alla-Providenza.

Huwa nnifsu għaraf ikun “Providenza” għall-oħrajn, għaliex b’ħajtu kollha fittex l-ewwel is-saltna ta’ Alla, Hekk kif qal Kristu: “Fittxu l-ewwel is-saltna u l-ġustizzja ta’ Alla, u dan kollu jingħatalkom ukoll” (Mt 6, 33).

Kultant nisimgħu il-kliem tal-Vanġelu tallum b’ċertau nuqqas ta’ fiduċja.Jistà l-bniedem ma jinkwetax dwar ħajtu? Bdanakollu l-Imgħallem divin ma jgħidx: “la tinkwetawx” imma “la tinkwtawx iżżejjed, la tkunux anzjużi”. Huwa ma jirrakkomandaxindifferenza bla tarf, imma jibdika ġerarkija ġusta tal-valuri. Il-muftieħ tal-fehim għal dawn il-paraguni kollha:  għall-gilji tal-għalqa, għall-ħaxix tal-kampanja, għall-għasafar tas-smewwiet, hija appuntu s-sentenza: “Fittxu l-ewwel is-saltna u l-ġustizzja ta’ Alla, u dan kollu jingħatalkom ukoll” (Ivi).

Il-ġustizzja tas-saltna ta’ Alla hija ġid inkomparabilment superjuri  fil-konfront ta’ dak kollu li għalih il-bniedem jista jitlef għaqlu billi jservi lill-flus.

Nikola ta’ Mira kien propju bniedem li esprima fil-ħajja din is-solleċitudni prijoritarja għas-saltna ta’ Alla u għall-ġustizzja tiegħu. Il-ħwejjeġ l-oħra kollha ingħatawlu għall-bżonnijiet tiegħu u għal dawk tal-oħrajn. Huwa kien, tul is-sekli, xhud hekk elokwenti tal-Providenza divina għaliex aċċetta, b’qalb sħiħa, is-servizz ta’ Alla u, flimkien miegħu, aċċetta l-ġerarkija tal-valuri li Kristu jħabbar.

6. Aħna niġu pellegrinaġġ fis-santwarju ta’ San Nikola fil-belt ta’ Bari matul is-Sena Mqaddsa tar-Redenzjoni, matul il-Ġublew straordinarju.

Il-misteru tar-Redenzjoni ma jkellemniex jewwilla b’mod speċjali dwar il-Providenza Divina? Ma jkellemniex dwar Alla li “tant ħabb lid-dinja li ta lil Ibnu uniġenitu, sabiex kull min jemmen fih . . . ikollu l-ħajja ta’ dejjem?” (Ġw 3, 16). Din l-imħabba mhix forsi il-qies definittiv tal-Providenza? Il-qies ewlieni u sovrabbundanti?

Niġu Bari biex insibu lilna nfusna flimkien mal-qaddis isqof Nikola, quddiem din il-Providenza divina, Biex nipprofessawha, biex nadurawha skont din ix-xhieda li l-Qaddis ħallilna.

Il-misteru tar-Redenzjoni ma jwettaqx jewwilla l-verità li hemm bżonn infittxu l-ewwel is-saltna ta’ Alla u l-ġustizzja tiegħu?

Propju din il-verità tal-Vanġelu mhix forsi mhedda  b’mod partikolari fil-ħajja tal-bniedem ta’ żminijietna? M’aħniex xhieda ta’ treġġigħ lura tal-ġerarkija evanġelika tal-valuri? Is-servizz lill-flus (f’diversi forom) mhux jaħtaf dejjem iktar il-ħsieb, il-qalb u r-rieda tal-bniedem,  billi jċajpar is-saltna ta’Alla u l-ġustizzja tiegħu? F’dan is-“sevizz esklussiv” għal dak li hu terren, il-bniedem mhux jitlef d-dimensjoni ġusta  tal-esseri uman u tad-destin tiegħu?

Jalla f’din is-Sena tar-Redenzjoni tkellimna għal darb’oħra x-xhieda ta’ San Nikola, li, waqt li ffissa f’Alla bħala sors ta’ kull ġid, kien twajjeb hu nnifsu, għamel ġid lill-oħrajn, kien tassew  “bniedem għall-oħrajn”; kien ministru ta’ Kristu u amministratur tal-misteri ta’ Alla.

Jalla din ix-xhieda tkellimna!

“F’Alla biss il-mistrieh ta’ ruħi għax mingħandu tiġini t-tama. / Hu biss il-blata u s-salvazzjoni tiegħi, hu l-kenn tiegħi; xejn ma jċaqlaqni” (Sal 62, 6-7).

Amen.

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading