Il-festa ta’ Santa Klara t’Assisi, jiġifieri Klara Favarone, ix-xebba li mxiet fuq il-passi ta’ Missierna San Franġisk imma li ma kinitx tinnamra miegħu, kif jaħsbu xi wħud, għalija kienet ta’ ispirazzjoni kbira. U, għalija, kien ta’ ispirazzjoni għax, bħalkom, ngħaddi mill-maltemp. Għax ġieli n-nies, minflok ma suppost jgħinuk u jissapportjawk, aktar jaqilgħulek problemi. Intant …
Imma l-Mulej tassew li hu ħanin. Aktar ma nsib min ifixkilni minflok li jgħinni, aktar il-Mulej jiftaħ toroq li, jien stess, nibqa’ imbellaħ quddiemhom. Immaġina ftit, xi ħadd li jkun ilu ma jqerr u ma nafx kemm inkun ilni nitlob għalih, bl-akbar prudenza ninkoraġġih ħalli jirċievi dan is-sagrament tal-fejqan, meta jiġi jqerr? Meta nkun għaddej minn żmien diffiċli minħabba ħaddieħor. Ara l-Mulej kif jaħdem ħuti! X’ma nfaħħrux u x’ma nħobbux!
L-imbierek qari
Waqt li kont għaddej minn din it-tempesta filgħodu, fl-Onkoloġija, fil-quddiesa tas-6.30 am. kelli l-grazzja li naqra dan il-qari tant sabiħ mit-Tieni Ittra ta’ San Pawl lill-Korintin, kapitlu 4, versi 6 sa 10 u 16 sa 18. Daqskemm hu sabiħ qtajtha li nippreżentahulkom ħalli tapprezzawh miegħi.
“Dan Alla li qal: ‘Ħa jiddi d-dawl mid-dlam’, dak hu li idda fi qlubna biex jagħtina d-dawl ta’ l-għarfien tal-glorja ta’ Alla, li tiddi f’wiċċ Kristu.
Dan it-teżor qiegħed għandna f’ġarar tal-fuħħar, ħalli b’hekk jidher sewwa li l-kobor ta’ din il-qawwa ġej minn Alla, u mhux minna. Aħna minn kullimkien ninsabu magħfusin, iżda m’aħniex mgħattnin; mħassbin, iżda ma għandniex qalbna maqtugħa; ippersegwitati, iżda m’aħniex abbandunati; mixħutin ma’ l-art, iżda m’aħniex meqrudin. F’ġisimna dejjem inġorru l-mewt ta’ Ġesù, biex f’ġisimna tidher ukoll il-ħajja ta’ Ġesù.
Għalhekk ma naqtgħux qalbna, għax imqar jekk il-bniedem ta’ barra jitħassar, il-bniedem ta’ ġewwa jiġġedded minn jum għal jum. Id-daqsxejn ta’ tbatija tagħna ta’ issa tħejjilna kobor ta’ glorja bla qjies għal dejjem; lilna li ma nħarsux lejn il-ħwejjeġ li jidhru, iżda lejn dawk li ma jidhrux. Dawk li jidhru huma għal żmien qasir, dawk li ma jidhrux huma għal dejjem.”
Beħsiebni issa naqsam magħkom xi punti li lili tgħidx kemm laqtuni minn dan il-qari li tassew kien għalija f’dik il-għodwa.
Id-dawl jiddi mid-dlam
Din il-frażi tassew li ħallitni bla kliem għodu għodu. Kif jista’ ikun li d-dawl jiddi mid-dlam? U mela d-dlam jagħti d-dawl? Id-dlam mhux dlam fih?
Dan ir-raġunament hu għal kollox ġustifikat. Id-dlam dlam jagħti. Bħalma d-dawl dawl jagħti. Imma fid-dlam hemm id-dawl. Għax il-qalba tar-rejaltà mhix dlam imma dawl. U d-dawl min hu? Ġesù li qal: “Jiena d-dawl tad-dinja. Min jiġi warajja ma jimxix fid-dlam, iżda jkollu d-dawl tal-ħajja” (Ġw 8:12). F’din is-sentenza hemm it-tweġiba ta’ kollox! Il-qalba tal-ħajja hi d-dawl. Għax Ġesù, li hu Alla-Bniedem, hu d-dawl. Kollox għalih inħalaq. U hu jinsab fil-qalba ta’ kull ħaġa li teżiżti. Tant hu hekk li, kif jgħidilna tant tajjeb il-vanġelu skont San Ġwann fil-Prologu (fl-Introduzzjoni) tiegħu: “Kollox bih sar, u xejn ma sar mingħajru; kull ma sar kellu l-ħajja fih, u l-ħajja kienet id-dawl tal-bnedmin. Id-dawl jiddi fid-dlam, imma d-dlam ma għelbux” (Ġw 1:3-5). U biex dan il-punt aktar jissammar fija, l-Ispirtu s-Santu fakkarni f’dak li qal Ġesù stess fl-istess vanġelu meta jgħidli: “Jiena d-dawl tad-dinja. Min jiġi warajja ma jimxix fid-dlam, iżda jkollu d-dawl tal-ħajja” (Ġw 8:12).
Wiċċ Kristu
X’dawl hu dan li qed nitħaddtu fuqu? Hu d-dawl tal-ħniena. Dak id-dawl li jħabbrilna l-akbar verità li qatt tista’ titħabbrilna: Alla hu ħniena! U ħniena l-għaliex aktar ma jagħmlulna l-bsaten fir-roti għax il-Mulej jagħmel biżibilju ġid bina, il-midinbin, aktar se jipproteġina minn dawk stess li qed jagħmlulna l-ħsara sal-punt li jew jikkonvertu inkella jitkissru u jsiru demel tax-xitan. Daqshekk hi serja l-biċċa.
Wiċċ Kristu hu ta’ ispirazzjoni kbira għalik u għalija. Wiċċ Kristu hu int li tħenn għall-proxxmu tiegħek. Wiċċ Kristu hu int meta, minflok li tiġġudika, tara kif tagħmel ħalli tissapportja persuna u tirreferieha għand min jista’ jgħinnha aktar minnek. Wiċċ Kristu hu int meta quddiem ċertu sitwazzjonijiet minflok li tinħela tparla fil-vojt tara kif ħa tagħmel ħa tkun sammaritan/a ħanin/a għal dawk li għandhom bżonn il-ħniena tiegħek. Wiċċ Kristu hu int li tinkoraġġixxi persuna li tkabbar it-talent li l-Mulej taha biex bih jissokta jagħmel xebgħa ġid lill-oħrajn biha u mhux li toqgħod fuq il-pultruna tal-analiżi u tkissirha biex turi x’taf.
Hawnhekk ma nistax ma nsemmix l-eżempju sabiħ tal-Beatu tabib José Gergorio Hernández Cisneros, li kien ukoll terzjarju Franġiskan, li ġie ibbeatifikat nhar it-30 t’April 2021 fil-Venezwela. Għalih Papa Franġisku qal hekk fid-diskors tiegħu tal-Angelus tal-Ħadd 2 ta’ Mejju 2021: “Nhar il-Ġimgħa li għadda f’Caracas, fil-Venezwela, ġie beatifikat José Gregorio Hernández Cisneros, fidil lajk. Kien tabib għani fix-xjenza u fil-fidi. Fil-morda kien għaraf wiċċ Kristu u, bħala sammaritan tajjeb, għenhom b’karita evanġelika. Jalla l-eżempju tiegħu jgħinna nieħdu ħsieb kull min qed ibati fil-ġisem u fl-ispirtu. Applaws lill-Beatu l-ġdid!”
L-applaws jieħdu l-Mulej innifsu bl-għemejjel sbieħ li jwettaq fik u fija għall-familja tiegħu, il-bnedmin kollha. Għax aħna ilkoll uliedu u, kif konna nkantaw meta konna żgħar qabel nibdew il-jum tal-iskola, “kulħadd l-istess għalih!”
Magħfusin imma mhux mgħattnin
Jiena u naqra dan il-qari mill-isbaħ, meħud mit-Tieni Ittra ta’ San Pawl lill-Korintin, hemm tlett versi li tassew imlewni bit-tama ta’ Kristu: “Aħna minn kullimkien ninsabu magħfusin, iżda m’aħniex mgħattnin; mħassbin, iżda ma għandniex qalbna maqtugħa; ippersegwitati, iżda m’aħniex abbandunati; mixħutin ma’ l-art, iżda m’aħniex meqrudin. F’ġisimna dejjem inġorru l-mewt ta’ Ġesù, biex f’ġisimna tidher ukoll il-ħajja ta’ Ġesù” (2 Kor 4:8-10).
Veru li f’dak il-waqt ħassejtni magħfus minn kullimkien, imħasseb, mgħattan, qalbi maqtugħa, ippersegwitat, abbandunat, mixħut mal-art u meqrud imma ħaġa kbira kienet qed tikber f’qalbi: li fija għandi l-ħajja ta’ Ġesù. Dik il-ħajja li Ġesù tahieli tletin sena ilu meta sejjaħli biex inkun tiegħu bħala Franġiskan Kapuċċin. Dik il-ħajja li kompliet issir ħajja meta tani l-grazzja li naqdih, bħal Beatu tabib José Gergorio Hernández, terzjarju Franġiskan, fil-morda. Jekk Ġesù għamilli din il-wegħda, li għażilni biex naqdih fil-morda, ħadd mhu se jkisser il-pjan tiegħu.
Dan issuktajt nifhmu meta l-Ispirtu s-Santu, permezz tal-qari ta’ San Pawl, fakkarni f’dan il-kliem tad-deheb: “Dan it-teżor qiegħed għandna f’ġarar tal-fuħħar, ħalli b’hekk jidher sewwa li l-kobor ta’ din il-qawwa ġej minn Alla, u mhux minna” (2 Kor 4:7).
Xi stajt nagħmel aktar ħuti quddiem konferma bħal din għajr li nibqa’ naqra?
Ngħix bil-fidi
Għalija li, bi grazzja tal-Mulej, nemmen, il-ħajja hi aktar minn dik li tidher. Il-ħajja vera ma tidhirx. Hekk għallimni San Pawl f’dal-qari: “Id-daqsxejn ta’ tbatija tagħna ta’ issa tħejjilna kobor ta’ glorja bla qjies għal dejjem; lilna li ma nħarsux lejn il-ħwejjeġ li jidhru, iżda lejn dawk li ma jidhrux. Dawk li jidhru huma għal żmien qasir, dawk li ma jidhrux huma għal dejjem” (2 Kor 4:17-18).
Sewwa jgħidu: “Life is now!” Imma mhux f’li nagħmel li jiġi għal idejja, niddiskla, nitbaħħrat u nħawwad. F’dak il-każ nispiċċa ngħix: “Death is now!” U min minna jrid jgħix ta’ ndannat u ndannata? “Life is now” meta nitlob, immur għall-quddies, inqerr għand is-saċerdot, nitlob ir-rużarju u nħalli lill-Mulej jagħmel il-ġid bija ma’ min qed ibati.
Għajnuna żgħira
Xi ħadd fuq WhatsApp bgħattli hekk: “Meta ġġorr il-Kuruna tar-Rużarju, Satana jkollu uġigħ ta’ ras. Meta tużaha, hu jiġġarraf. Meta jarak titlob ir-Rużarju, itih ħass ħażin. Ejjew nitolbu r-Rużarju kull darba, biex jibqa’ jħossu ħażin. Kont taf ukoll li meta tkun se taqsam dan il-messaġġ, Satana se jipprova jaqtagħlek qalbek? Xerrdu xorta waħda u għin biex tħaffef it-trijonfi ta’ Ommna Marija! Ibgħat dan lill-ħbieb tiegħek ta’ talb u ara kif l-Ispirtu Qaddis jaħdem! Hemm ħafna x’tiggwadanja u assolutament xejn x’titlef!”
Kliem li nifidli qalbi!
Patri Mario Attard OFM Cap