Is-sħana! Żmienha! Kulħadd għaddej irewwaħ tgħidx kemm. Għax ma tiflaħhiex! U, aktar mhu qed jgħaddi ż-żmien aktar is-sħana qed iżżid fil-qilla tagħha.
Is-sajf importanti li jiġi għax, minnu nnifsu, iġib il-mistrieħ. Min minna m’għandux bżonn ftit tal-mistrieħ? Anki min qiegħed f’qiegħ ta’ sodda ukoll jokrob għall-mistrieħ. L-aħwa, ibati kulħadd. Għax kulħadd bniedem. Min ma jbatix għax għandu x’jiekol u x’jixrob kemm għall-ġurnata u forsi għal xi xhur jew saħansitra għal bosta snin, ibqgħu ċerti u żguri li għandu t-tbatijiet li ma jidhrux. Darba persuna qaltli: It-tbatijiet fil-qalb u fil-moħħ ma jidhrux. M’hemmx ġerħa minn barra li turiehom. Kemm hu veru li qalet din oħtna! Dak li jkun, quddiem il-ġerħa fil-ġisem ta’ xi ħadd, mill-ewwel taraħ juri ħniena. Din hi ħaġa tajba u sabiħa! Imma min għandu qalbu maqsuma x’ġerħa li tidher hemm? Ħallieha li llum, għall-grazzja tal-Mulej, qed niġu aktar sensibilizzati għal dawn l-għamliet ta’ ġerħat moħbija ta’ ħutna li jħokku magħna. Kemm nagħmlu tajjeb li nwieġbu għalihom!
Is-sħana u d-dawl elettriku
Dan l-aħħar l-aħbarijiet lokali irrappurtaw il-fatt tal-qtugħ tad-dawl f’diversi lokalitajiet f’Malta u f’Għawdex. Bis-sħana li qed tagħmel jekk hemm xi ħaġa li ma nixtiequx li sseħħ f’miljun sena hi proprju din, li jinqata’ d-dawl. It-tweġiba għamla ta’ mistoqsija toħroġ waħedha: Kif ħa tissapporti?
Jien nitħaddet mill-esperjenza. Allaħares imurilna d-dawl fil-kunvent għax ninxtewa. Fuq rasi saqaf b’membrane għandi. Tistgħu timmaġinaw xi sħana kbira jkolli f’dik l-imbierka kamra. Immut żgur! Imma, u din hi xi ħaġa li mhix taċ-ċajt, jekk jinqata’ id-dawl kif ħa norqod? Jiena norqod bil-magna tan-nifs u din bid-dawl elettriku taħdem. Nista’ norqod mingħajr il-magna tal-irqad? Żgur li le! U jekk nagħmel ta’ rasi nifga mija fil-mija waqt l-irqad. Imma norqod irrid.
Qed insemmi dawn il-fatti biex infisser il-viċinanza tiegħi ma’ min qed ibati minħabba l-qtugħ tad-dawl elettriku f’dawn il-jiem. L-aħbar ta’ tama hi li qed isir xogħol bla heda biex din il-problema tiġi megħluba malajr kemm jista’ ikun. Għalhekk fit-talb tiegħi ninkludi kemm min qed ibati minħabba l-qtugħ tad-dawl u anki għall-ħaddiema u dawk responsabbli minnhom biex tinstab soluzzjoni kemm jista’ ikun malajr u li sservi fit-tul biex twieġeb għad-domanda li dejjem qed tikber għad-dawl elettriku f’pajjiżna. Aħna nibqgħu aħwa u responsabbli ta’ xulxin mhux biss meta jkollna u jinqatagħlna d-dawl. Nitolbu u nagħmlu ħilitna kollha biex nerġgħu lura għan-normalità.
Il-problema tal-klima
Waqt li bħalkom qed inħoss din is-sħana kbira li qed taqa’ fuq pajjiżna, bħalma qed iseħħ f’pajjiżi Mediterranji u Ewropej, ħaġa qed tiġini f’moħħi u f’qalbi: x’impatt kbir qed tħalli fid-dinja l-irresponsabbiltà ta’ persuni sinjuruni fuq id-dinja tagħna! Kemm qed iġibu tbatija fuqna! Dawn it-talin qegħdin iniġġżu l-arja bil-gassijiet u d-dħaħen tal-intrapriżi tagħhom. B’hekk qed jippermettu lix-xemx biex turi qillietha fuq id-dinja bir-raġġi jaħarqu tagħha.
Xi kultant naħseb li għad jiġi żmien li biex fis-sajf noħorġu barra t-triq irridu nilbsu xi nuċċali li nużaw meta niwweldjaw il-ħadid. Dan għas-sempliċi fatt li l-qawwa tar-raġġi tax-xemx tant kemm ikunu qawwija u jaħarqu li l-imsejkna rettina ta’ għajnejna ma tiflaħhomx. Timmaġinak f’din is-sitwazzjoni? Il-prospettivi għall-futur mhumiex sbieħ.
Veru li hu tajjeb li qed niġu aktar sensibilizzati biex nibżgħu għall-ambjent imma min tassew qed jikkontrolla dawn il-kumpaniji ġganti multinazzjonali biex jieqfu jagħmlu l-ħsara kbira li qed jagħmlu lid-dinja għażiża tagħna?
Is-sħana tal-infern
Personalment, din is-sħana qed tfakkarni f’dik is-sħana tal-biża li hemm fl-infern. Minix xi wieħed li joqgħod jitkellem fuq l-infern ma’ kull nifs li nieħu. Dan mhux l-istill li l-Mulej tani. Il-ħajja nħobbha ħafna għax hi rigal minnu. Madankollu, f’din is-sħana kollha ma nistax ma nġibx quddiem għajnejja r-rejaltà li hemm fl-infern.
San Ġorġ Preca spiss kien jitħaddet fuq l-infern. Għalih kien jgħid: Dak it-terribbli dejjem! Dak it-terribli qatt! Min imur l-infern la jidħol fih ma joħroġx minnu aktar. Dan sieħeb dik iċ-ċajta. Raġel, qabel ma daħal fl-infern, ra s-sala tal-istennija tal-infern kollha tapiti, ikel apetituż, mużika li tħollok u l-bqija. Ir-raġel tant kemm tqarraq li qal: Ħa nidħol l-infern għax jidher sabiħ ix-xogħol hawn! X’ħin daħal fis-sala tal-istennija lix-xitan qallu: Kemm għandkom sabiħ hawn. Ix-xitan, bit-tbissima mxajtna u qarrieqa tiegħu, ħadu bil-mod lejn bieb, daħħlu f’għar kbir ħafna kollu nirien u għalaq il-bieb warajhom. Ir-raġel qallu: Mela dan hu l-infern? Mhux dik is-sala sabiħa li għandkom hekk kif tidħol? Wieġbu x-xitan: Dik qiegħdha hemm biex tonsob lin-nies ħa jiġu l-infern magħna jbatu għal dejjem.
X’tagħlima dik! Mhux kulma jleħħ deheb! Il-Bibbja tgħidilna li x-xitan jaf jidher qisu anġlu tad-dawl. Kemm joloqtni dak li kiteb San Pawl fit-Tieni Ittra tiegħu lill-Korintin meta jgħidilhom: Satana stess jitbiddel f’anġlu tad-dawl (2 Kor 11:14). Jidher u jagħti l-impressjoni li hu l-anġlu tad-dawl imma xitan kien, għadu u jibqa’! Hekk isejjaħlu l-awtur tal-Ktieb tal-Apokalissi: id-Dragun il-kbir, is-Serp tal-qedem, li hu msejjaħ id-Demonju u x-Xitan, il-qarrieq tad-dinja kollha (Apk 12:9).
Int u jien x’irridu nagħmlu quddiem din l-isfida kbira? Il-Bibbja tgħidilna x’għandna nagħmlu: Kunu meqjusa u għassu. L-għadu tagħkom ix-Xitan qisu ljun jgħajjat, idur u jfittex ‘il min se jibla’. Iqfulu, sħaħ fil-fidi (1 Pt 5:8-9). Ix-xitan hu bħal kelb feroċi u li jqatta’ lil kull min ikun maġenbu. Biss hu marbut b’katina twila. Ejjew ma nidħlux fit-territorju tiegħu! Ejjew nibqgħu ‘l bogħod minnu! B’hekk inkunu ipproteġuti.
Nipproteġu ruħna
L-istorja tas-sħana turina li aħna maħluqa għall-frisk ħelu ta’ dejjem. Il-frisk jagħtina l-ħajja. L-ikel frisk irriduh. Għax aktar ma jkun frisk aktar jinżlilna għasel. Kemm hu mportanti għalhekk li, f’dawn iż-żminijiet hekk qliel tas-sajf, nixorbu l-ilma frisk, noqgħodu għall-frisk u nieklu ikel frisk ħa jżommna internament friski.
Meta kont għadni d-dar tal-għażiża ommi u, Alla jaħfirlu, tal-għażiż missieri, niftakar lil mibkija Susan Mulvaney tgħidilna fuq ir-Rediffusion li fis-sajf għandna nieklu ħafna nsalati. Dan id-dettall ferm ħelu u bil-wisq għalliemi dlonk ħadni f’dak li nsibu miktub fil-Ktieb tal-Ġenesi meta l-Mulej ħalaq il-ħaxix tal-art. U għalfejn ħalqu dan? Biex il-bniedem ikun jista’ jieklu.
Tant hu hekk li l-Mulej innifsu, kif jgħidilna l-istess awtur tal-Ktieb tal-Ġenesi, ħaseb biex il-ħaxix jissokta jitnissel bil-għan li jibqa’ ikun in-nutriment għall-bniedem u anki għall-bhejjem selvaġġi, għat-tajr tal-ajru u għall-ħlejjaq li jitkaxkru mal-art. U qal Alla: “Araw, jien tajtkom il-ħaxix kollu, li jagħmel iż-żerriegħa fuq wiċċ l-art, u s-siġar kollha li jagħmlu l-frott biż-żerriegħa: dawn kollha jkunu għall-għajxien tagħkom. U lill-bhejjem kollha selvaġġi u t-tajr kollu ta’ l-ajru u l-ħlejjaq kollha li jitkaxkru fl-art li fihom nifs il-ħajja, nagħtihom il-ħaxix kollu aħdar għall-għajxien tagħhom (Ġen 1:29-30).
Il-frisk spiritwali
It-tema tal-frisk qed tfakkarni fl-istorja ta’ Elija l-Profeta li kien ħarab lejn il-Muntanja Ħoreb għax is-Sultana Ġeżabel riedet toqtlu. Meta kien għajjien, għarqan xraba u mitluq, kif inħossuna fis-sħana qalila tas-sajf, ġarrab din l-esperjenza qawwija tal-Mulej li bidlietu.
U Alla wieġbu: “Oħroġ, u oqgħod fuq il-muntanja quddiem il-Mulej.” U hemm hu, jgħaddi l-Mulej; riħ qawwi, b’saħħa li jofroq il-muntanji u jfarrak il-blat, għadda quddiem il-Mulej; imma l-Mulej ma kienx f’dan ir-riħ. U wara dan ir-riħ theżhżet l-art imma l-Mulej ma kienx f’din it-theżhiża. U wara t-theżhiża kien hemm in-nar, imma l-Mulej ma kienx fin-nar. Wara n-nar inħasset żiffa ħelwa. Elija, kif ħassha, għatta wiċċu bil-mantell, ħareġ barra, u waqaf f’bieb il-għar (1 Slat 19:11-13).
Iż-żiffa ħelwa qajmet lil Elija mit-telqa tal-mewt, fetħietlu qalbu għall-Kelma tal-Mulej u saħħet ir-rieda tiegħu biex jobdih. Anki lili u lilek, f’din is-sħana li qed tagħmel, il-Mulej irid jiffriskana bil-preżenza u bil-valuri friski tiegħu. Qed isejħilna biex inqattgħu ħin miegħu ħalli wara jibgħatna naqduh f’ħutna fil-bżonn. Qed isejħilna bħalma sejjaħ lil Elija: Itlaq u erġa’ aqbad triqtek… (1 Slat 19:15).
Ejjew nitilqu t-telqa tal-ħażen u naqbdu triqtna lejn il-Mulej!… Għall-erwieħ xi frisk ġej!…
Patri Mario Attard OFM Cap
Interessanti u ta minn wiehed jiehu hsieb ruhna sakemm ghadna fid ninja. Grazzi Fr. Mario