Għaliex immorru l-Quddiesa l-Ħadd?

Mhux l-ewwel darba li l-Mulej jagħtini l-grazzja li niltaqa’ magħkom fit-triq jew f’għadd ta’ postijiet oħra. Nieħu gost niltaqa’ magħkom! Għax intom, bis-sempliċità u l-umiltà tagħkom, lili tiċċalinġjawni mhux ftit. Kollox sew, mhux għall-ġlied imma l-għaliex tgħinuni nirrifletti ħafna fuq is-sejħa tiegħi ta’ bniedem, raġel, nisrani, kapuċċin u saċerdot wkoll. Fi ftit kliem, intom tfakkruni ħelu ħelu f’dak li tgħidli l-Ewwel Ittra ta’ San Pietru: Kunu dejjem lesti biex tagħtu tweġiba lil kull min jitlobkom il-għala tat-tama li għandkom (1 Pt 3:15).

Nammetti li mhux dejjem inkun lest biex nagħtikom it-tweġiba paq pum. L-għaliex, fil-każ tiegħi, għax jien naqra slow, it-tweġiba tiġi bil-mod il-mod. U, iwa, fuq nar ibati. Imma, u bil-grazzja tal-Mulej, tiġi! U, ġieli tiġi meta ma nkunx qed nistennieha wkoll. U meta t-tweġiba tiġi aqta’ kemm tferraħni u tagħtini t-tama tas-smewwiet mimlija bil-barkiet! Intant …

Il-mistoqsija

Il-qawl Malti jgħid: Il-mistoqsija oħt il-għerf. U tassew li hekk hu tafux! Għax il-mistoqsija li tvenvluli hi ta’ għerf kbir. Kemm fiha nnifisha u anki għal dak li tipponta għalih. Barra minhekk, il-mistoqsija li ssaqsuni tant kemm hi mimlija għerf li Papa Franġisku ma ħamilx ma jweġibhiex! Issa, kemm il-mistoqsija u kif ukoll it-tweġiba magħha l-Papa qalhom f’katekeżi li kien taha nhar it-13 ta’ Diċembru 2107, f’Jum ir-Repubblika ta’ Malta.

U x’kienet din il-mistoqsija li tiswa ħafna aktar minn miljun dollaru jew minn bir mimli flus? Il-Papa, ta’ Latin Amerikan li hu u li hu mimli ħerqa għat-tagħlim tal-ħajja mhux ħa jħallina mmutu bil-kurżità. Tant hu hekk li jistaqsi l-mistoqsija hu stess: Għaliex immorru l‑Quddiesa l‑Ħadd?

Stili ta’ kif wieħed qed iqatta’ Jum il-Ħadd

Iltaqjt u niltaqa’ ma’ għadd ta’ persuni li qed isemmgħu leħinnhom dwar kif qed iqattgħu Jum il-Ħadd. Persuna qalti: Jien Patri f’Jum il-Ħadd noqgħod id-dar, mixħuta nistrieħ fuq is-sufan nara t-televiżjoni. Persuna oħra qaltli: Jien il-Ħadd noħroġ ma’ tal-familja u nqatta’ il-ġurnata magħhom. Saħħa fost il-ġimgħa ma niltaqgħux. Almenu nqattgħu naqra ħin flimkien f’Jum il-Ħadd.

Dawn huma xi teoriji prattiċi li magħhom iltqajt. Kien hemm oħrajn li meta fakkarthom naqra fuq id-dmir li aħna l-Insara għandna li mmorru għall-quddiesa tal-Ħadd dlonk ħarġuli b’dawn it-tweġibiet. Le Patri! Jien, meta mmur il-Knisja u tkun mimlija bin-nies ma niflaħx narahom madwari. Inkun rrid noqgħod għall-kwiet. Darba ħassejt tweġiba bħal din iżżarżarni xi ftit. Għalhekk lill-persuna li weġbitha staqsejtha: Imma tmur weekend break? U din, sħuna sħuna, weġibtni: Tiċċajta. U nibbukkja minn qabel! Sewwa tagħmel ħija u oħti, la tieħu pjaċir. Imma, ngħid jien, dan kif tiddejjaq tmur il-Knisja ma’ ħutek l-Insara u mbagħad tibbukkja ma nafx kemm qabel biex tmur weekend break? Tagħmel sens? Aħna aħna jew m’aħniex? U għaliex ngħid li niddejjaq immur il-Knisja għall-quddiesa li ma ddumx aktar minn siegħa, il-massimu, u mbagħad noqgħod sardin f’ajruplan għal ma nafx kemm-il siegħa għax inħobb insiefer? Jagħmel sens diskors bħal dan?

Inkunu sinċeri

Is-sinċerità hi importantissma ħuti. Inkella, f’ħajjitna, nagħmlu l-akbar balbuljata li qatt nistgħu nagħmlu: dik li nidħku bina nfusna u aqta’ kemm noħorġu ta’ mażetta! Naħseb li wasal iż-żmien li nidħlu daħla fina nfusna u naraw naqra fejn qegħdin. Taqblu miegħi li l-ħanek ta’ ruħna mtela wisq bit-tartru u l-ġebla tul dawn is-snin. Għalhekk wasal iż-żmien li mmorru naqra s’għand id-Dentist ta’ ruħna ħa jaqlagħlna din il-ġebla li tgħidx kemm herriet il-ħanek ta’ ruħna u ġabitu fjamma waħda bl-infjammazzjoni li għandu miskin!

U fejn qegħdha l-infjammazzjoni? Dik li nemmnu l-gidba faħxija li ngħidu lilna nfusna, għax ma rridux immorru għall-quddiesa u nemmnu bħal imzazen il-gideb li x-xitan jivvintalna biex ibegħdna milli mmorru għall-quddiesa. Bħal, ngħidu aħna: Ma mmurx għall-quddiesa għax m’għandix ħin. Imma biex immur għall-weekend break ħin għandi kemm irrid. U anki biex insiefer jew noħroġ mal-ħbieb għandi l-ħin. Jew, għax il-qassis aqta’ kemm jeqred jew jirrepeti dak li ġara elfejn sena ilu. Imma biex noqgħod fuq l-Internet u naħli partita żmien fuq il-Facebook ħa nara u nissindika x’għamlet dik u x’għamlu dawk hemmhekk għandni ħin. U anki jekk nuża l-internet tajjeb xorta waħda ma nistax inbellagħha lili nnifsi li jien għalija tajjeb biss dak li hu ta’ din id-dinja. Jekk irrid inkun sinċier u sinċiera nintebaħ fija nnifsi li għandi bżonn xi ħaġa ħafna aktar ta’ sens u ta’ sugu minnhekk. Wara kollox jien għandi ruħ x’nieħu ħsieb!

Tweġiba bis-sena

Għall-mistoqsija: Għaliex immorru l‑Quddiesa l‑Ħadd? Papa Franġisku jwieġeb hekk: “Biex nagħlaq, għaliex għandna mmorru l‑quddiesa l‑Ħadd? Mhux biżżejjed twieġeb li dan hu preċett tal‑Knisja; dan jgħinna nżommu sħiħ il‑valur tagħha, imma waħdu mhux biżżejjed. Aħna l‑Insara għandna bżonn li nieħdu sehem fil‑Quddiesa tal‑Ħadd għax hu biss bil‑grazzja ta’ Ġesù, bil‑preżenza ħajja tiegħu fina u fostna, li nistgħu nqiegħdu fil‑prattika l‑kmandament tiegħu, u hekk insiru xhieda kredibbli tiegħu.

U x’inhu l-kmandament ta’ Ġesù? Li nħobbu lil xulxin. Għalhekk, jissokta l-Papa Franġisku, X’nistgħu nwieġbu lil min jgħidilna li m’hemmx bżonn tmur il‑quddiesa, lanqas il‑Ħadd, għax l‑importanti hu li tgħix tajjeb, tħobb lill‑proxxmu? Jgħidilna: Hu minnu li l‑kwalità tal‑ħajja Nisranija titkejjel skont il‑ħila li wieħed iħobb, kif qal Ġesù: ‘Minn dan jagħraf kulħadd li intom dixxipli tiegħi, jiġifieri, jekk ikollkom l‑imħabba bejnietkom’ (Ġw 13:35); imma kif nistgħu ngħixu l‑Vanġelu mingħajr ma nixorbru l‑enerġija meħtieġa biex nagħmlu dan, Ħadd wara l‑ieħor, mill‑għajn ma taqta’ qatt tal‑Ewkaristija? Aħna ma mmorrux il‑quddiesa biex nagħtu xi ħaġa lil Alla, imma biex nirċievu mingħandu dak li għandna bżonn tabilħaqq. Dan tfakkarhulna t‑talba tal‑Knisja, li hekk tgħidlu lil Alla: ‘Għad li xejn ma teħtieġ it‑tifħir tagħna, inti jogħġbok tagħtina l‑grazzja biex minn qalbna rroddulek ħajr: għax jekk il‑ġieħ li nagħtuk ma jżidlek xejn fik innifsek, imma lilna jiswielna għas‑salvazzjoni’ (Missal Ruman, Prefazju IV tal‑Komun).

U għax immorru l-Ħadd u mhux it-Tnejn jew f’xi ġurnata oħra matul il-ġimgħa? Iweġibna l-Papa Franġisku: “Iċ‑ċelebrazzjoni tal‑Ewkaristija tal‑Ħadd hi fil‑qalba tal‑ħajja tal‑Knisja (ara Katekiżmu tal‑Knisja Kattolika, n. 2177). Aħna l‑Insara mmorru l‑quddiesa l‑Ħadd biex niltaqgħu ma’ Kristu Rxoxt, jew aħjar, biex inħallu lilu jiġi jiltaqa’ magħna, nisimgħu kelmtu, insostnu ruħna mill‑mejda tiegħu, u hekk insiru Knisja, jiġifieri l‑Ġisem mistiku ħaj tiegħu fid‑dinja.

“Dan sa mill‑bidu fehmuh id‑dixxipli ta’ Ġesù, li ċċelebraw il‑laqgħa Ewkaristika mal‑Mulej fil‑jum tal‑ġimgħa li l‑Lhud kienu jsejħulu ‘l‑ewwel tal‑ġimgħa’ u r‑Rumani ‘jum ix‑xemx’, għax f’dak il‑jum Ġesù qam minn bejn l‑imwiet u deher lid‑dixxipli, tkellem magħhom, kiel magħhom, tahom l‑Ispirtu s‑Santu (ara Mt 28:1; Mk 16:9,14; Lq 24:1,13; Ġw 20:1,19). Anki meta l‑Ispirtu niżel b’qawwa fuqhom f’Pentekoste, dan seħħ il‑Ħadd, ħamsin jum wara l‑qawmien ta’ Ġesù. Għal dawn ir‑raġunijiet, il‑Ħadd hu jum qaddis għalina, imqaddes miċ‑ċelebrazzjoni Ewkaristika, preżenza ħajja tal‑Mulej fostna u għalina. Mela hi l‑quddiesa li tagħmel il‑Ħadd Nisrani! Il‑Ħadd Nisrani jdur madwar il‑quddiesa. X’Ħadd ikun, għan‑Nisrani, dak li fih tibqa’ nieqsa l‑laqgħa mal‑Mulej?

Ngħidha kif inħossha

Quddiem dawn l-argumenti validissmi jekk jien wieħed u waħda li ma mmurx il-quddiesa tal-Ħadd issa naħsibha darbtejn jekk nibqax kif jien. Il-kuxjenza ma ttinix li nibqa’ ‘il bogħod mill-quddiesa tal-Ħadd. Dak li qed jgħid il-Papa Franġisku jagħmel biżibilju sens! U jagħmel sens għax dak li qed jgħallem hu sabiħ, prattiku u profond.

Ħallini ngħidlek ħaġa għażiż ħija u għażiża oħti: Nhar il-Ħadd inħeġġek tmur għall-quddiesa ħalli tara lil ħajtek tieħu r-ruħ. Wara kollox, bħali, int temmen f’dan: Aħjar nemmen għax niġġennen! Veru? Il-quddiesa tgħinek mhux biss biex ma tiġġenninx imma biex tiġġennen għal Kristu u iġġennen lill-oħrajn għalih. Għax il-ġenn ta’ Kristu hu l-vera normalità li teżiżti fis-suq!

Mela narak nhar il-Ħadd għall-quddiesa! Din kelma ta’ Ħuk Ġesù! Dak li jħobbok u mhux jilgħaqek! …

Patri Mario Attard OFM Cap

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading