Ġwanni Pawlu II fil-kanonizzazzjoni ta’ Paola Frassinetti

RIT SOLENNI TAL-KANONIZZAZZJONI TAL-BEATA PAOLA FRASSINETTI
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Bażilika Vatikana
Il-Ħadd, 11 ta’ Marzu 1984

1. “. . .Imbagħad l-Ispirtu ħa lil Ġesù fid-deżert biex ix-Xitan iġarrbu . . .” (Mt 4, 1).

Kull sena, fil-bidu tar-Randan, il-Knisja tfakkar is-sawm ta’ Kristu ta’ erbgħin jum. Fi tmiem dan is-sawm, li jiġi qabel l-attività messjanika ta’ Ġesù ta’ Nażżaret, isseħħ t-tentazzjoni tripla min-naħa ta’ Satana li d-deskrizzjoni tagħha, skont il-Vanġelu ta’ Mattew, tinqara fil-liturġija tallum tal-quddiesa. It-tentazzjoni tintemm bit-telfa tat-tentatur. Ġesù jgħidlu: “Itlaq Satana! Hemm miktub: “Lill-Mulej Alla tiegħek, għandek tadura, u lilu biss taqdi “” (Mt 4, 10).

2. Permezz ta’ din ir-rivelazzjoni tal-qawwa messjanika tiegħu, Kristu mess il-bidu stess tad-dnub tal-bniedem. Id-dnub tal-bniedem infatti kellu l-bidu tiegħu fit-tentazzjoni tal-proġenituri tagħna. Il-liturġija tal-ewwel Ħadd tar-Randan tfakkar din it-tentazzjoni fl-ewwel qari tal-Ktieb tal-Ġenesi. It-tentazzjoni issir fuq il-fatt tas-siġra, li t-test bibbliku jsejjaħ is-siġra tal-għarfien tat-tajjeb u tal-ħażin. Il-kliem, li bih jinqeda t-tentatur, jindika b’mod ċar il-mottiv tal-att li għalih ried iwassal lill-proġenituri tagħna: “Alla jaf li, meta intom tieklu, jinfetħulkom għajnejkom u ssiru bħal Allat, li jafu it-tajjeb u l-ħażin” (Ġen 3, 5).

It-tentazzjoni, li hemm fil-bidu tal-ewwel dnub tal-bniedem, tirrigwarda l-bażi stess tar-rapport tal-bniiedem ma’ Alla, tal-krejatura mal-Ħallieq, tal-iben mal-Missier. Id-dnub, li jsegwi din it-tentazzjoni, jeqred mela dan ir-rapport mis-sisien stess tiegħu. Fl-istess ħin tinqered ukoll il-grazzja tal-innoċenza oriġinali u l-ġustizzja tal-bniedem. Jibda fl-istorja umana d-dominju tad-dnub.

3. Il-Knisja tixtieq li aħna nqisu dan kollu fil-bidu tar-Randan. U tixtieq, fl-istess ħin, li nqisu l-kobor tar-Redenzjoni imwettqa minn Kristu.

Naqraw fl-Ittra ta’ San Pawl lir-Rumani: “. . . minħabba bniedem wieħed id-dnub daħal fid-dinja u mad-dnub il-mewt, hekk . . . ukoll il-mewt laħqet lill-bnedmin kollha, għaliex kollha dinbu”.

Imma d-don tal-grazzja mhuwiex bħall-waqgħa: infatti jekk minħabba k-waqgħa ta’ bniedem wieħed se nmutu lkoll, ferm iktar il-grazzja ta’ Alla u d-don mogħti . . . kienu msawba b’abbundanza fuq il-bnedmin kollha; għall-opra tal-ġustizzja ta’ wieħed biss issawbet fuq il-bnedmin kollha l-ġustifikazzjoni li tagħti l-ħajja . . . kif bid-diżubbidjenza ta’ wieħed biss kollha saru midimbin, hekk ukoll bl-ubbidjenza ta’ wieħed biss kollha saru ġusti” (Rm 5,12.15.18-19).

Dan-l-att tal-Ġust li jiġġustifika lil kulħadd, jissejjaħ Redenzjoni.

Kristu wettaq ir-Redenzjoni permezz tal-ubbidjenza sal-mewt tiegħu, u l-mewt fuq is-salib.

IL-ewwel att ta’ din l-ubbidjenza fuq l-għatba tal-attività messjanika, hija r-rifjut tat-tentatur: “Itlaq Satana! . . . lilu biss (il-Mulej Alla) adura”.

4. Qegħdin nimmeditaw dawn il-veritajiet fundamentali fuq l-għatba tar-Randan, u nimmeditawhom b’mod kostanti f’dan il-perijodu partikolari li, fl-esperjenza u fit-tradizzjoni ħajja tal-Knisja, huwa żmien ta’ konverżjoni u ta’ penitenza.

U ferm iktar f’din is-Sena Mqaddsa, li hija s-Sena tar-Redenzjoni u ż-żmien tal-Ġublew straordinarju. Ir-Randan tas-Sena Ġubilari tar-Redenzjoni għandu jwassal għal milja partikolari din l-opra ta’ rikonċiljazzjoni ma’ Alla f’Ġesù Kristu, li bdejna mill-25 ta’ Marzu tas-sena l-oħra, biex nikkonkloduha flimkien mal-Għid ta’ din is-sena.

Jekk f’dan l-ewwel Ħadd tar-Randan inwettqu rit ta’ kanonizzazzjoni, dan qegħdin nagħmluh biex ninfasizzaw il-qawwa feddejja tal-opra tar-Redenzjoni.

Il-liturġija tallum tirrendi xhieda lil din il-qawwa billi tipproklama l-abbundanza, anzi s-sovrabbundanza, tal-grazzja tar-Redenzjoni, li tissupera l-wirt tad-dnub:

“. . . aktar u aktar issa l-grazzja ta’ Alla u d-don mogħti bil-grazzja ta’ bniedem wieħed li huwa Ġesù Kristu, xterrdu bil-bosta fuq il-kotra

. . . aktar u aktar dawk li jirċievu l-kotra tal-grazzja u d-don tal-ġustizzja għad isaltnu fil-ħajja permezz ta’ wieħed li hu Ġesù Kristu” (Rm 5,15.17).

5. Irridu nfaħħru u nqisu din l-abbundanza, amzi sovrabbundanza tad-don u tal-qawwa tar-Redenzjoni, illum, fuq l-għatba tar-Randan, billi ngħollu fuq l-altari lill-Beata Pawla Frassinetti u billi niktbu isimha fl-album tal-qaddisin tal-Knisja kattolika. Il-qaddisin huma l-frott matur tar-Redenzjoni ta’ Kristu.

6. Pawla Frassinetti hija, infatti, frott splendidu tar-Redenzjoni, dejjem attiv fil-Knisja. Intqal li, biex wieħed jiddistingwi jekk opra hijiex nisranija, hemm bżonn jara jekk hemmx is-siġill tas-salib feddej. Issa s-salib ta’ Kristu jifrex b’mod estensiv d-dell tiegħu jew aħjar, id-dawl tiegħu fuq il-ħajja kollha u fuq l-opri kollha tal-qaddisa. Hija nfatti kienet konvinta li min irid jibda mixja ta’ perfezzjoni ma jistax jirrinunzja għas-salib, għall-mortifikazzjoni, għall-umiljazzjoni u għas-sofferenza, li jassimilaw lin-nisrani tal-mudell divin li huwa il- Kurċifiss. Fis-sagrifiċċju żelanti għas-salvazzjoni tal-erwieħ kollha, din kienet tqis li, fil-konfront tat-tbatijiet ta’ Kristu, dak li wieħed jistà jġarrab ma huwa xejn. Is-salib mhux biss ma kienx ibeżżagħha , imma kien għaliha  l-molla qawwija li kienet tqanqalha, is-sors sigriet li minnu kienet tgelgel l-attività bla rqad u l-kuraġġ indomitabbli tagħha. Hija kienet tbierek is-sena li kienet tiftaħ b’xi salib, billi kienet tqis kastig kull ferħ tagħha: “Ah, kull kastig – kienet tgħid – imma la tneħħilix is-salib”.

Ma kinux nieqsa għall-Qaddisa t-turmenti interni u dawk tal-persekuzzjoni: kalunji, nuqqas ta’ ġieh, insulti, tmaqdir u suprusi. Imma hi kienet taf tissaporti kollox b’qawwa nisranija, konvinta li, kif l-art tinħtieġ ix-xita fertilitriċi, hekk l-Istitut naxxenti tagħha kellu jkun imbixx bid-dmugħ tagħha.

Il-qawwa nterna li kienet tmexxiha biex tgħix hekk integralment il-“ġenn” tas-salib jigi mfittex fid-devozzjoni tenera tal-Qalb ta’ Ġesù Kristu, bis-sensibiltà tagħha awtentikament apostolika, il-qaddisa kienet tħoss f’qalbha  l-istigmati ta’ Kristu, jekk mhux operanti fih dik in-nisġa inespressibbli ta’ mħabba u ta’ dulur li hija  rappreżentata fil-qalb sagratissma ta’ Ġesù. Għalhekk riedet li fl-Istitut tagħha d-devozzjoni lejn il-Qalb ta’ Ġesù tkun ipprofessatha b’regola: b’regola kienu jsumu lejlet il-festa tal-Qalb Sagra; b’regola is-sorijiet u l-istudenti kollha l-ewwel Ġimgħat kollha, kienu jmorru min imissu għall-adorazzjoni quddiem is-Sagrament divin.

Fl-1872 ikkonsagrat lill-Qalb ta’ Ġesù l-Istitut kollu.

Il-ħeġġa nterna ta’ Santa Pawla Frassinetti ma setgħetx  ma tissiżultax f’attività ntensiva ta’ apostolat, b’interessament speċjali għall- formazzjoni nisranija tal-infanzja u taż-żgħożija abbandunata. Propju għal dan il-għan hija waqqfet l-Istitut tas-sorijiet ta’ Santa Dorotea. Dawn illum jifirħu jaraw lill-fundatriċi tagħhom tinkiteb fl-album tal-qaddisin u huma wkoll imkabbra iktar li jsegwu l-passi tagħha mdawla u t-tagħlim tagħha dejjem attwali. Infatti il-messaġġ li joħroġ mill-ħajja sempliċi, imma profondament devota ta’ Santa Pawla, kollha purezza u povertà, imma wkoll kollha mħeġġa b’żelu jaħraq migħaż-żgħażagħ emarġinati mis-soċjetà, huma sejħa għall-veri valuri tal-mara, għall-espressjoni tad-doti l-iktar delikati femminili, għall-affermazzjoni u d-dinjità tal-mara li l-Knisja dejjem ipproteġiet u sostniet għaż-żieda morali tas-so1jetà u għall-miġja tas-saltna ta’ Kristu.

Dan il-messaġġ jinserixxi ruħu sewwa fil-kwadru ta’ din is-Sena Ġubilari, inkwantu li jikkostitwixxi stedina biex inwettqu fil-fatt ir-Redenzjoni, billi ngħinu lil mara biex tagħraf lilha nfisha u l-post li tokkupa fil-komunità nisranija u  fis-soċjetà ċivili,  biex inħejjuha skont il-kondizzjoni propja biex tassumi r-responsabiltajiet propji u biex tiżvolġi dmirha. Nawgura li tali messaġġ ikun ta’ stimolu għas-sorijieta Dorotej ta’ min ifaħħarhom biex ikomplu jwasslu fil-kontinenti kollha, l-ispirtu tal-fundatriċi tagħhom.

7. Fuq l-għatba tar-Randan tas-Sena tar-Redenzjoni, waqt li tifraħ b’Qaddisa ġdida fuq l-altari tagħha, il-Knisja tippronunzja, b’xuftejha u bil-qalb ta’ wliedha kollha, il-kliem tas-salmista::

Oħloq fija, o Alla, qalb safja, / u spirtu qawwi ġedded fija” (Sal 51, 12): u tippronunzja dan il-kliem b’tama ġdida, li l-esperjenza tas-Sena Ġubilari tar-Redenzjoni nefħet fi qlubna.

Roddli l-hena tas-salvazzjoni tiegħek, / u bi spirtu qalbieni wettaqni” (Sal 51, 14): fuq l-għatba tar-Randan Kristu jgħallimna din il-qawwa, li huwa stess jippossiedi fuq il-ħażin, u li jiksbu mingħandu dawk kollha li jilqgħu l-Vanġelu, billi jikkonvertu għas-saltna ta’ Alla.

Sinjur, iftaħli xuftejja, /u fommi jxandar it-tifħir tiegħek” (Sal 51, 17): dawk li f’Ġesù Kristu jsibu t-triq tal-konverżjoni għas-saltna ta’ Alla, jaċċettaw fl-istess ħin l-opra kbira tat-tifħir, li Alla jirċievi fil-patt etern tal-komunjoni tal-Qaddisin. Amen.

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading