ĊELEBRAZZJONI TAL-ERBGĦA TAL-IRMIED
MAŻ-ŻGĦAŻAGĦ TAD-DIJOĊESI TA’ RUMA
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Katakombi ta’ San Callisto
L-Erbgħa, 7 ta Marzu 1984
1. Illum il-Knisja tindika s-sawm tal-erbgħin jum. Dan tagħmlu b’tifkira tas-sawm tal-Mulej, li b’dan il-mod, ħejja ruħu għall-attività messjanika pubblika tiegħu. Il-Knisja tindika r-Randan bħala żmien ta’ tħejjija għas-sollennità tal-Għid. U l-Għid – passjoni, mewt u qawmien mill-imwiet – jikkostitwixxi t-twettiq tal-missjoni messjanika ta’ Ġesù ta’ Nazzaret.
Il-Knisja tibda s-sawm tal-erbgħin jum millum, l-Erbgħa tal-Irmied. F’dan il-jum, billi tillimita għall-inqas il-konsum tal-ikel, ilkoll inbaxxu rasna, sabiex is-saċerdot iqegħdilna l-irmied. Dan jaqbel ma tradizzjoni antikissma tal-poplu ta’ Alla, li għandha l-bidu tagħhha fit-Testment il-Qadim.
2. F’dan il-jum speċjali jiena qiegħed niltaqà magħkom, għeżież żgħażagħ: ulied maskili u femminili ta’ Ruma. Flimkien nibdew is-sawm tal-erbgħin jum tar-Randan tas-Sena Ġubilari tar-Redenzjoni u dan nagħmluh fil-katakombi ta’ San Kallistu.
Il-post innifsu għandu l-elokwenza tiegħu. Huwa magħruf li propju fil-katakombi tnisslet u żviluppat ruħha l-Knisja Rumana matul l-ewwel sekli. L-epoka tal-katakombi hija l-epoka tal-martri, tax-xhieda erojċi tal-Vanġelu ta’ Kristu, tas-Salib tiegħu u tal-qawmien tiegħu mill-imwiet.
F’dawn iċ-ċimiterji taħt l-art ta’ Ruma antika tferrex id-dawl ta’ Kristu: il-messaġġ tal-Ħajja l-Ġdida, biex imbagħad toħroġ fil-beraħ u fuq barra fiż-żmien indikat mill-Providenza.
Il-post li fih qegħdin niltaqgħu għandu llum elokwenza speċjali, fil-Bidu tar-Randan tas-Sena tar-Redenzjoni .
3. Ġejtu f’dan il-post f’pellegrinaġġ minn partijiet differenti ta’ Ruma tallum, biex tibdew il-kortejo tar-Randan tas Sena tar-Redenzjoni: mixja għal kollox partikolari, li hija l-wirt ta’ tant ġenerazzjonijiet imgħoddija tal-konfessuri ta’ Kristu. Tali mixja hija fl-istess ħin t-triq lejn il-futur: infatti intom, żgħażagħ Rumani, onfessuri żgħażagħ ta’ Kristu, tixtiequ ssegwuh tul ħajjitkom kollha; u din il-ħajja tippartieni lill-futur.
Propju għal dan intom tagħżlu iż-żmien tas-sawm tal-erbgħin jum tar-Randan bħala stadju partikolari. Din trid tħejjikom internament għal Ħadd il-Palm, jum magħżul miż-żgħażagħ ta’ diversi nazzjonijiet tad-dinja, li sejrin jingħaqdu fil-Ġublew straordinarju tas-Sena tar-Redenzjoni.
4. Filbidu ta’ dan l-istadju jien qiegħed niltaqà magħkom bħala l-Isqof ta’ Ruma. Hemm bżonn li flimkien inbaxxu rasna, biex fuqha l-id tas-saċerdot tqiegħed l-irmied.
Kull wieħed u waħda minna se tismà f’dak il-waqt il-kliem li se jidwi s-sinifikat tal-Erbgħa tal-Irmied.
Il-Liturġijs tal-Irmied tesprimi ruħha f’żewġ dikjarazzjonijiet qosra tal-Iskrittura Mqaddsa.
L-ewwel dikjarazzjoni: “Ftakar li inti trab u trab terġa ssir”, meħudha mill-Ktieb tal-Ġenesi (cf. Ġen 3, 19).
It-tieni dikjarazzjoni: “Ikkonverti u emmen fil-Vanġelu”, skond it-test ta’ San Mark (Mk 1, 15).
Kull waħda minn dawn id-dikjarazzjonijiet għandha kontenut propju. Kull waħda tikkostitwixxi sintesi partikolari. Il-Knisja trid li aħna naċċettaw, fil-bidu tar-Randan, il-verità li hemm fiż-żewġ dikjarazzjonijiet tar-rit liturġiku.
Naċċettaw mela l-verità dwar il-mewt, dwar il-kwalità ta’ ħajja li tgħaddi tal-bniedem fid-dinja temporali. U naċċettaw fl-istess ħin il-verità dwar il-ħajja, li tmur ‘il hemm mid-dimensjoni tat-temporanjetà; dwar il-ħajja eterna f’Alla, li għaliha jintroduċina Kristu.
U naċċettaw, fuq il-bażi ta’ din il-verità doppja, is-sejħa għall-konverżjoni.
Jalla din tikkostitwixxi s-sens ċentrali u vivifikanti ta’ dan l-istadju, li nibdew bir-Randan tas-Sena Ġubilari tar-Redenzjoni.
5. Ejjew nimmeditaw sewwa il-qari tallum tal-Vanġelu skont San Mattew.
Ir-Randan jagħti bħala ssenjazzjoni lil kull wieħed u waħda minna, b’mod partikolari, l-umanità nfisha tagħna. Jirrakkomandalna li ngħixuha, jordnalna li nwettquha b’konċentrazzjoni ikbar. U din nakkwistawha meta nfittxu b’mod iktar konxju li “nkunu aħna stess quddiem Alla”.
“Qisu li l-għemil tajjeb tagħkom ma tagħmluhx għal wiċċ in-nies biex tidhru quddiemhom, għax inkella ma jkollkomx ħlas mingħand Missierkom li hu fis-smewwiet!” (Mt 6, 1).
Mela r-Randan huwa konċentrazzjoni tejoċentrika: ħarsa tejoċentrika fuq il-bniedem.
Fuq il-bażi ta’ din il-konċentrazzjoni il-prattika tar-Randan tirrakkomandalna biex norjentaw ruħna skont tliet direzzjonijiet fundamentali, li fihom nesprimu l-ispiritwalità tal-bniedem, u qabel kollox ir-rieda u l-libertà tiegħu.
Id-direzzjoni “’il ġewwa”, li tikkorrispondi mad-dominju “tiegħek innifsek”: ir-rebħa tar-rieda fuq is-senswalità umana. Dan huwa “is-sawm” li huwa mitlub minna.
Id-direzzjoni “lejn l-għoli”, li fiha dak li jkun jesprimi l-orjentament tal-ispirtu tagħna lejn it-traxxendenza, Hawn hu “it-talb”.
Id-direzzjoni “lejn l-oħrajn”, li lejha l-“jien” uman jinfetaħ “għall-oħrajn”. Hawn hi l-“karità”.
Tridu, f’dan l-istadju tar-Randan, tirriflettu iktar fil-fond dwar id-dmir li Kristu jagħti fil-Vanġelu tallum. Dan, kif wieħed jistà jara, huwa miktub b’mod organiku fil-program ta’ “awto-rejalizzazzjoni” evanġelika tal-bniedem
6. Tridu wkoll tagħtu attenzjoni partikolari għas-Salm 50, li hu l-iktar magħruf u l-iktar komuni fost l-hekk imsejħin salmi penitenzjali. Il-versi tiegħu jinsabu fil-liturġija tallum bħala salm responsorjali. Ikun tajjeb li nkunu nafuh kollu u li nassimilawh kollu kemm hu.
F;dan il-waqt nixtieq niġbed l-attenzjoni tagħkom fuq tliet passi ta’ dak is-salm li jdawlu b’mod partikolari l-kwistjoni kollha tal-penitenza u tal-konverżjoni.
– Jitlob is-salmista:
“Oħloq fija, o Alla, qalb safja, u spirtu qawwi ġedded fija” (Sal 51, 12).
Alla “joħloq” u l-bniedem “jagħmel”. Id-dmir li l-Knisja tqiegħed quddiemna f’dan l-istadju, huwa dak tat-twettiq ta’ krejattività partikolari! Għandu joħroġ minnha bniedem qawwi spiritwalment!
b)- Jitlob is-salmista:
“Roddli l-hena tas-salvazzjoni tiegħek, u bi spirtu qalbieni wettaqni” (Sal 51, 14).
Dan huwa l-ferħ li jikkumpanja x-xogħol fuqna nfusna. Dan huwa xogħol krejattiv, li jiswa; li propju minħabba dan iġib ferħ enormi.
– U fl-aħħarnett: “Ifittxu xuftejja, Sidi, u fommi jxandar it-tifħir tiegħek” (Sal 51, 17).
Wieħed ma jistax jgħix mingħajr din il-prospettiva. “Il-glorja ta’ Alla hija l-bniedem ħaj”, jgħid Sant’Irinew. Mhuwiex possibbli tgħix tassew mingħajr din il-prospettiva. Fiha biss tiżvela ruħha l-vera dinjità tal-bniedem.
7. Huwa għalija pjaċir partikolari li nistà nibda flimkien magħkom dan is-sawm tal-erbgħin jum tas-Sena tar-Redenzjoni. Jiena kuntent li hawn preżenti magħna l-kardinal vigarju ta’ Ruma u l-isqfijiet li jikkollaboraw magħna. Jiena kuntent bis-sehem tas-saċerdoti, tar-reliġjużi rġiel u tar-reliġjużi nisa. Jiena u huma nifirħu b’mod ħaj flimkien magħkom:
Miegħek Knisja żagħżugħa tal-antika Ruma!
U waqt li ntennu mal-appostlu din l-invokazzjoni hekk pastorali:
“Nitolbukom f’isem Kristu:: Ħallu lil Alla jħabbibkom miegħu”(2 Kor 5, 20), nitolbukom ukoll: agħrfu liema hi l-profondità, liema hija r-rikkezza ta’ din ir-rikonċiljazzjoni ma’ Alla, kemm intom stess issiru għonja permezz tagħha, kemm issiru intom infuskom.
Tali huwa l-pjan etern ta’ Alla, il-pjan tas-salvazzjoni: il-bniedem isir għal kollox huwa nnifsu – jiġifieri tassew bniedem – f’Ġesù Kristu.
“Araw, issa hu ż-żmien tajjeb, araw, issa huwa l-jum tas-salvazzjoni” (2 Kor 6, 2).
Ikkollaboraw miegħu!
Ikkollaboraw ma’ Kristu!
“U ladarba qegħdin naħdmu flimkien ma’ Alla, aħna mela nħeġġukom – u nitolbukom b’qalbna kollha – biex ma tirċevux il-grazzja ta Alla għalxejn” (2 Kor 6, 1).
Jalla jipproduċi frott! Jalla jipproduċi frott partikolari dan is-sawm tal-erbgħin jum tas-Sena Ġubilari tar-Redenzjoni!
Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb