IL-ĦAMES ĦADD MATUL IS-SENA Ċ

GĦAL MIN JAFDA F’ALLA U JAGĦMEL IL-PARTI TIEGĦU XEJN MHU IMPOSSIBLI

Minn Fr Michael A. Galea.

F’wieħed mill-kotba tiegħu, il-ġeżwita Mark Link jirrakkonta dan il-fatt. Mela snin ilu f’Nashville l-Amerika, waħda mara welldet tarbija tifla. Wellditha qabel iż-żmien. M’għaddewx wisq ġranet, din it-tarbija ħadet riħ u l-pulmuni tagħha mtlew bl-ilma. Irnexxielha tfieq minn din il-marda, imma għaddew ftit tax-xhur oħra u din it-tifla mardet bl-iskarlatina, marda fit-tfal li tittieħed u tħalli marki ħomor fil-ġilda. Dan ma kienx biżżejjed. Meta kellha ħames snin reġgħet mardet, did-darba bil-polio. Spiċċat izzappap fuq sieq waħda. Biex timxi kien ikollha bżonn apparat tal-azzar imwaħħal ma’ sieqha x-xellugija. Kienet tara tfal sħabha jaqbżu l-ħabel, jiġru ‘l hawn u ‘l hinn, u hija paralizzata. Kellha ħdax-il sena… Xi bdiet tagħmel? Kienet tgħid lil oħtha toqgħod għassa biex ma jarawhiex il-ġenituri tagħha, taqla’ l-apparat tal-azzar u timxi għal ftit minuti. Għal sena sħiħa kompliet tagħmel dawn l-eżerċizzi sigrieti. Sieqha kienet ġejja għall-aħjar. Kellmet lil wieħed tabib ħabib tal-familja li għamlilha kuraġġ u qalilha tkompli. Din importanti: ma’ dawn l-eżerċizzi li kienet tagħmel, b’fiduċja sħiħa f’Alla bdiet titlob ħafna. Biex ma ntawwalx…wasal mument li fih it-tifla neħħiet l-azzar li kellha ma’ sieqha x-xellugija u bdiet timxi tajjeb. Bdiet tiġri, tiġri u tiġri wkoll.

L-istorja tkompli…Meta kellha sittax-il sena din it-tfajla ġiet magħżula biex tieħu sehem fil-logħob olimpiku ta’ Melbourne, l-Awstralja. Tellqet ma’ għadd ta’ tfajliet oħra u rebħet midalja tal-bronż. Erba’ snin wara, jiġifieri fl-1960, reġgħet ħadet sehem fil-logħob olimpiku ta’ Ruma u rnexxielha tirbaħ tliet midalji tad-deheb. Din it-tfajla kienet Wilma Rudolph. Kellha l-unur li tiltaqa’ mal-President John Kennedy u ħatarha bħala l-aqwa atleta tal-Amerika. Jekk ikolli ngħid, Wilma Rudolph waslet fejn waslet għax kellha fiduċja f’Alla, talbet ħafna u għax ipperseverat: qatt ma qatgħet qalbha. Kieku kelli nagħti isem lil din l-istorja, kont insemmiha hekk: “Ara ftit fejn kapaċi naslu jien u int jekk nafdaw f’Alla, nitolbu u ma naqtgħux qalbna.”

Niġu għall-vanġelu tal-lum. Ħa nagħmel tliet riflessjonijiet…

L-ewwel riflessjoni: Ix-xena: ninsabu f’xatt il-għadira ta’ Ġenesaret. Kotra kbira ta’ nies kienet qegħda tross fuq Ġesu’ biex tisma’ l-Kelma t’Alla. Barra l-mirakli ta’ kull xorta li kien iwettaq, barra milli jikkmanda lix-xitan biex joħroġ minn persuni maħkuma minnu, Ġesu’ kien jgħallem u jxandar il-Kelma t’Alla. X’imkien fil-vanġelu nsibu dawn il-kelmiet: “U mingħajr xi parabbola ma kienx ikellimhom”. In-nies tieħu gost tisma’ l-istejjer u permezz tagħhom kienet tasal biex tifhem dak li ried iwasslilhom. Nistaqsi: għaddew ftit iktar minn elfejn sena mill-eżistenza storika ta’ Ġesu’ fid-dinja. Jien ninsisti li Ġesu’ għadu jitkellem b’diversi modi u b’diversi manjieri, imma llum ninsabu ibbumbardjati b’ħafna messaġġi, ġejjin l-iktar mill-ħafna mezzi ta’ komunikazzjoni soċjali li ħalaq il-bniedem tal-lum: radio, television, internet mobiles, gazzetti… il-Kelma t’Alla għadha tagħmel sens għalina? Naqrawha? Nisimgħuha? Infittxu li nifhmuha fl-omelija tal-Ħadd jew f’xi għaqda kattolika?

Fix-xena jidhru wkoll xi sajjieda qegħdin jaħslu x-xbiek. Min kienu dawn is-sajjieda? F’din is-silta li qrajna jissemmew Xmun Pietru, Ġakbu u Ġwanni, ulied Żebedew. Jista’ jkun li kien hemm xi dixxipli oħra pero’ li nistgħu ngħidu huwa dan: Ġesu’ kien diġa’ qed jagħżel l-ewwel dixxipli tiegħu.

It-tieni riflessjoni. L-ewwel dixxipli li fuqhom ried jibni l-Knisja tiegħu kienu sajjieda mingħajr skola. Qrajt kumment li jagħmel wieħed mill-fissiera tal-Iskrittura. Jgħid hekk dan l-istudjuż tal-Bibbja. “L-għerf ta’ Alla huwa ħafna differenti mill-għerf tal-bnedmin. Meta xi ħadd ikun irid iwaqqaf xi azjenda, xi istituzzjoni, xi organizzazzjoni jipprova jagħżel nies ta’ skola, nies  ta’ kapaċita’, nies ta’ fiduċja…imma għall-kuntrarju, Ġesu’ li ried iwaqqaf il-Knisja tiegħu, reliġjon li kellha ttul sal-ġurnata tal-lum u tgħodd miljuni ta’ nsara, Huwa għażel fi kliem San Pawl id-dgħajfa tad-dinja biex iħawwad il-qawwija; għażel il-mistmerra mid-dinja u n-nies li ma huma xejn biex iġib fix-xejn lil dawk li huma xi ħaġa.”

It-tielet riflessjoni. X’ħin konna qegħdin inpittru f’moħħna x-xena, semmejna xi sajjieda, l-ewwel dixxipli ta’ Ġesu’, li kienu qegħdin jaħslu x-xbiek. Is-sajd kien isir bil-lejl forsi għax bil-lejl, il-ħut jitla’ għall-wiċċ. Wara li qal dak li kellu jgħid lin-nies, Ġesu’ dar fuq Xmun Pietru u qallu: “Aqdef ‘il barra fil-fond u kalaw ix-xbiek.” Skont Xmun Pietru kienu għamlu lejl sħiħ jitħabtu imma ma kienu qabdu xejn. Pietru seta’ wieġeb lil Ġesu’ u qallu: “Int iben maxtrudaxxa; x’tifhem fis-sajd?” Imma għamel att ta’ fiduċja kbira f’Ġesu’ u qallu: “La qiegħed tgħid int, ħa nkala x-xbiek.” U dak li kien jidher impossibbli ġara b’abbundanza kbira. Ġrat is-sajda mirakluża li baqgħet imsemmija fl-Iskrittura. Tant qabdu ħut li x-xbieki tagħhom kienu għoddhom inqasmu.

Nispiċċa. Fil-waqt li nirringrazzjaw lil Ġesu’ talli trabbejna fir-reliġjon tiegħu (reliġjon miżgħuda b’ħafna mezzi ta’ salvazzjoni: sagramenti, qari u tifsir tal-Kelma t’Alla, għaqdiet kattoliċi…) ejjew nuruh l-apprezzament tagħna billi nkunu appostli umli tiegħu. Dan mingħajr storbju u mingħajr daqq ta’ trumbetti. Kemm tkun ħaġa sabiħa jekk ngħixu ta’ veri nsara fid-djar tagħna, fuq il-postijiet tax-xogħol u fil-postijiet tad-divertiment. Xi ħaġa oħra li jitlob minna Ġesu’ hija li nġorru kuljum is-salib tagħna u meta naraw li l-proxxmu tagħna qed jogħtor huwa hu jġorr is-salib tiegħu nippruvaw ngħinuh. L-għajnuna tagħna lil min hu batut hija iktar elokwenti mill-paroli li ngħidu!

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading