L-irtir tas-sena

Kull sena, bħala Patri Kapuċċin, jkolli din l-opportunità sabiħa li ninqata’ ftit u, ma’ ħuti l-patrijiet, jkollna l-irtir tas-sena. Din is-sena l-irtir tmexxa minn ħuna l-Kapuċċin Indjan Patri Clayton Fernandes OFM Cap, li għal sitt snin kien ukoll is-segretarju ġenerali għall-Ordni Kapuċċin.

Il-post tal-irtir kien wieħed tassew sabiħ u pittoresk: il-Lunzjata. Xi ġmiel ta’ post veru! Bħalma hu ġmiel ukoll il-postijiet ta’ madwaru. L-aktar f’dawn il-jiem fejn, wara ħalbiet kbar ta’ xita, il-Mulej tana l-grazzja li jkollna dawn il-jiem li ma tinsihom qatt! Għalhekk, imqanqal minn dawn ix-xeni ta’ sbuħija mill-aktar, ħassejt fija s-sejħa qawwija li fil-mumenti l-aktar siekta tal-irtir, infaħħar lill-Mulej billi nwieġeb b’ġenerożità għall-istedina li beda jagħmilli fuq platt tad-deheb, li noħroġ ftit mill-gabjetta spiritwali u nippassiġġa għall-kwiet u għall-beraħ f’dawk l-inħawi ta’ sbuħija hekk tal-għaġeb. U dan wettaqtu hekk, maqtugħ kompletament minn kulħadd. Kemm fittixtha din l-aħwa li nkun maqtugħ, għall-kwiet. Kważi kważi spiċċajt ngħanni l-għanja tassew mill-isbaħ li Sammy Bartolu n-New Courey, fuq kliem li ma jmut qatt ta’ Alfred C. Sant u b’kompożizzjoni maġistrali ta’ Paul Abela: L-aħħar bidwi f’Wied il-Għasel.

Il-jiem ferm sbieħ li għamlu fuq l-għażiża artna f’din il-ġimgħa li fiha kont fl-irtir, aktar tawni kuraġġ ħa nimxi u nħalli l-Mulej ikellimni kif u b’min ried Hu. Nemmen ħafna fil-prayer walking, jiġifieri li persuna titlob waqt li qed timxi. U nifhimha llum tafux! Għax jekk Hu kien kapaċi li ma jaħli xejn mill-fdal ta’ ħames ħobżiet u żewġ ħutiet hekk li ġabar mat-tnax-il qoffa bċejjeċ (Mt 14:20, Mk 6:43, Mk 8:19, Lq 9:17) u loqom (Ġw 6:13) allura x’kien sejjer jagħmel meta tani l-grazzja li mmattar ftit riġlejja u nimxi għall-beraħ tal-ħelsien li tani, jien li jien ibnu? Seta’ ħbieb ma jkellimnix waqt li kont qed nimxi?


U x’qalli, fil-qiegħ nett nett ta’ qalbi? Xejn għajr dak li ilu jtambarli fuq li jtambarli mas-swali tal-Onkoloġija għal dawn l-aħħar xhur u snin: The best present is the present, l-aqwa rigal hu l-preżent. Għax hu meta ngħix il-preżent li jien nista’ inkun kuntent. Hu meta ngħix il-preżent li jien nista’ ngħid li jien reġġent. Sintendi, mhux reġġent ta’ ħajti, għax dak jibqa’ l-Mulej. Imma reġġent inkwantu għall-IVA tiegħi għall-grazzja li jagħtini fil-mument preżenti.


Jiena u nippassiġġa mal-inħawi, qalb dik ir-riħa mill-isbaħ tas-sagħtar, ħaġa waħda stajt nintebaħ ħuti: Xi grazzja li tkun ħabib tal-ambjent naturali. Kemm għallimni dan l-ambjent tal-ħolm f’dawn il-jiem ta’ ġabra. Ibda biex għallimni napprezza dak kollu li wettaq miegħi l-għażiż missieri, Alla jaħfirlu, l-aktar meta kont noħroġ miegħu għall-kaċċa, żgħir żgħir, f’dak ir-raba mill-isbaħ. Ir-riħa tas-sagħtar ġagħlitni niżżi ħajr lill-Mulej għall-grazzja tal-ħlewwa tiegħu magħna. Nifhimha li ebda ħajja m’hi ward u żahar, inkluż tiegħi tafux! Imma xorta għad hawn is-sabiħ fostna. Għad hawn tant u tant tajjeb x’napprezzaw!


Waqt li kont għall-irtir f’Malta nħasset theżżiża mhux ħażin ta’ terremot. Wara sirt naf aktar xi konsegwenzi ta’ din it-theżżiża. Kienu ħafna dawk li bdew jibżgħu li għad immutu mirdumin qalb il-ġebel. Wara li ħriġt mill-irtir sirt naf b’omm li bintha tgħidx kemm kienet imbeżża’ li tista’ tmut b’terremot. It-tifla, ta’ mara żgħażugħa li hi, b’tifla għadha titrabba, riedet kieku taqbad l-ajruplan u tmur tinħeba ‘il bogħod minn pajjiżna. Għax ma tiflaħx tgħix, lejl u nhar, f’dan il-biża’ kollu li għad inlaqqtu xi terremot.


Madankollu, ommha, li hi viċin il-Mulej, ħaġa qaltilha: Binti, ersaq lejn il-Mulej. Għax meta tersaq lejh ma tibqax tgħix fil-biża imma fik tidħol il-paċi. U tassew tafux! Għax anki f’dawn il-waqtiet pjuttost iebsa kien hemm min ħasibha mod ieħor din tat-terrimot. Minflok li qgħad f’rokna jimmaġina dak il-bini nieżel għal fuqu, jordmu u jħallih bla ħajja jew inkella, għal għadd ta’ jiem ħaj għaxi fost it-tifrik, dan ix-xi ħadd indenja ruħu jaqsam mal-ħbieb tiegħu ta’ Facebook din it-talba tant ħelwa u li issa nixtieq naqsamha minn qalbi magħkom. It-titlu ta’ din it-talba hu Talba kontra t-terremoti.


O Alla, Sid l-art kollha, nafu bil-qerda li jistgħu jagħmlu t-terremoti meta jkissru l-ħajja normali tan-nies kullimkien. Nirrealizzaw kemm ix-xogħlijiet ta’ jdejna huma fraġli, l-istrutturi li nibnu għall-abitazzjoni u l-okkupazzjoni tagħna, ma jistgħux jifilħu għall-forza qawwija ta’ terremot fuq skala għolja.


Fil-ħniena Tiegħek, inħallu f’idejk id-destin ta’ artna. Ħares b’tenerezza u mogħdrija lejna, u ħalli l-Qalb Ħanina Tiegħek tħabbat ma’ tagħna. Din l-art li Inti għażilt Għalik fejn ridt li l-Knisja tiegħek tiffjorixxi.
Nammettu li diversi drabi tbiegħdna minnek u ma għexnix b’mod li jogħġob Lilek. Aħfrilna l-bluha tagħna u aħna ma nerġgħux nitbiegħdu Minnek. Eħlisna mit-terrur ta’ terremot li jista’ jkun qerriedi. Nafdaw Fik, Mulej. Ammen u Grazzi.

 
Meta int siebħi u ħija u int oħti, taqbad lilek innifsek ħa tibża mit-terremoti tħabbel rasek xejn. Itlob din it-talba u għix il-mument li għandek f’idejk, il-mument preżenti. Imbagħad ħallieh ħa jħabbat il-baħar. Taf x’hemm tajjeb: li int għandek responsabbiltà għal dak li tista’ tbiddel int fil-ħajja. Għalhekk tikkonfondix fuq din il-biċċa xogħol. Għix fil-paċi mal-Mulej u, minn naħa tiegħek, fittex li żżomm il-paċi mal-oħrajn u mill-bqija ħalli f’idejH. Bħalma jgħidilna Salm 37 vers 5: Erħi fil-Mulej it-triq tiegħek, afda fih, u jagħmel hu.

Kemm hu meħtieġ fuq li meħtieġ li nitgħallmu napprezzaw kollox. Sal-inqas qattra. Għax kollox hu meħtieġ u mportanti. Kollox hu barka. Kollox hu rigal mill-Mulej. Illum, ta’ ħamsin sena, dan il-Mulej qed jgħinni fuq li jgħinni napprezzah. Kemm rajt persuni neżlin fil-qabar ħuti! Kemm rajt nies fl-aqwa tagħhom iħalluna! Għalhekk issa ċ-ċans li napprezzaw u li nagħmlu l-aħjar minn ħajjitna u hekk inkunu ta’ barka biex ħaddieħor, permezz tal-qalb miftuħa tagħna, jista’ jagħmel l-istess esperjenza sabiħa tiegħu f’ħajtu.


F’dan l-irtir apprezzajt ħafna l-valur kbir tal-ospitalità. Ħadt tassew gost b’liema ħlewwa, fraternità u anki spirtu uman u nisrani l-istaff tad-Dar tal-Irtiri tal-Lunzjata laqgħuna bih. Kemm hu sabiħ meta tħossok milqugħ, mgħejjun u anki mħeġġeġ bil-bosta biex tgħaddi ġimgħa irtir fl-aħjar mod. Hekk sabiħa l-ħajja ħuti! Meta nkunu hemm għal xulxin! Meta niftħu qalbna filwaqt li noħorġu ħa niltaqgħu ma’ xulxin. Għax b’hekk tista’ tinbena tassew l-arti bil-wisq sabiħa u meħtieġa tal-fraternità.


U din hi l-kelma tal-kelmiet li nstemgħet tidwi b’tant qawwa f’dawn il-jiem. Għax aħna ilkoll aħwa. Ibda biex aħna ilkoll għandna Missier wieħed. Hekk qalilna Ġesù: U ssejjħu lil ħadd missierkom fuq din l-art, għax il-Missier tagħkom wieħed hu, dak li hu fis-smewwiet (Mt 23:9). Barra minhekk, dan il-Missier ma jħallinix ikkakmati miegħu imma jibgħatna għand xulxin biex, bil-għajnuna tiegħu, anki aħna nagħtu dik l-imbuttatura lil xulxin. Imqar b’dik il-kelma, ġest, insomma dik il-preżenza li tagħmel bil-wisq id-differenza!


U la ġejna f’dan, proprju l-fraternità ta’ bejnietna għandha tkun il-mutur jew it-terremot li ċċaqlaq in-nuqqas ta’ mħabba li qed tfaqqas fostna. Irridu iwa nkunu aħwa ta’ xulxin. U aħwa l-għaliex grati li, mingħajr ma jistħoqqilna, għandna Missier tassew tal-ġenn fis-sema u anki hawn, fuq l-art. Dak il-Missier li jtella’ x-xemx tiegħu u jniżżel ix-xita tiegħu fuq it-tajbin u l-ħżiena (ara Mt 5:45). Għax imħabbtu sempliċiment hi NO LIMITS. Mela, dan il-Missier tal-missirijiet, qed jgħallem lili u lilek illum li fil-ħniena lejn xulxin għandna nkunu NO LIMITS. Għax b’hekk biss nistgħu ngħixu dawn l-erbat ijiem li għandna hawn fuq din l-art suret Alla li ħalaqna u fdiena.

X’messaġġ sabiħ hux mhux biss għall-irtir tas-sena għall-Kapuċċini imma għalik u għalija, aħna nies li ngħixu fid-dinja imma ma rridux le inħallu l-ispirtu tad-dinja imexxina minn imneħirna. Għax tant kemm inħobbuha lil din id-dinja li rridu li l-ispirtu ta’ Kristu jaħkimha bħalma qed jaħkem lilna!

X’irtir dak eh!

Patri Mario Attard OFM Cap

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading