QUDDIESA GĦALL-ĠUBLEW INTERNAZZJONALI TAL-MILITARI
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Il-Ħadd, 8 ta’ April 1984
1. “Mulej, li kieku int kont hawn, ħija ma kienx imut” (Ġw 11, 21.32).
Dan il-kliem li smajtu jinqara fil-Vanġelu tal-quddiesa tallum, huwa ppronunzjat l-ewwel minn Marta, imbagħad minn Marija, ħut Lażżru, u huma ndirizzati lil Ġesù ta’ Nażżaret, li kien kemm ħabibhom kif ukoll ta’ ħuhom.
Il-liturġija tallum tippreżent għall-attenzjoni tagħna it-tema tal-mewt. Issa wasalna fil-ħames Ħadd tar-Randan u qiegħed jiqrob iż-żmien tal-Passjoni ta’ Kristu. Iż-żmien tal-mewt u tal-qawmien mill-imwiet. Illum qegħdin naraw dan il-fatt permezz tal-mewt u l-qawmien mill-imwiet ta’ Lażżru. Fil-missjoni messjanika ta’ Kristu din il-ġrajja skonvolġenti sservi bħala tħejjija għall-Ġimgħa mqaddsa u għall-Għid.
2. “. . . ħija ma kienx imut”.
Tidwi f’dan il-kliem il-vuċi tal-qalb umana, il-vuċi ta’ qalb li tħobb u li tagħti xhieda ta’ dak li hi l-mewt. Kontinwament nisimgħu min jitkellem dwar il-mewt u naqraw aħbarijiet dwar il-mewt ta’ diversi persuni. Teżisti informazzjoni sistematika dwar din it-tema. Teżisti wkoll l-istatistika tal-mewt. Nafu li l-mewt hija fenomenu komuni u nċessanti. Jekk kuljum imutu fuq il-globu terrestri madwar 145,000 persuna, wieħed jistà jgħid li f’kull waqt imutu diversi persuni. Il-mewt hija fenomenu universali u fatt ordinarju. L-universalità u n-normalità tal-fatt jikkonfermaw r-realtà tal-mewt, l-inevitabiltà tal-mewt, imma, fl-istess ħin, iħassru sa ċertu punt l-verità dwar il-mewt, l-eokwenza penetranti tagħha.
Mhuwiex biżżejjed hawn il-lingwaġġ tal-istatisti 1i, hija meħtieġa l-vuċi tal-qalb umana: il-vuċi ta’ oħt, bħal fil-Vanġelu tallum, il-vuċi ta’ persuna li tħobb. Ir-realtà tal-mewt tistà tkun espressa fil-verità kollha tagħha biss bil-lingwaġġ tal-imħabba.
L-imħabba infatti tirreżisti l-mewt, u tixtieq il-ħajja . . .
Kull waħda minn ħut Lażżru ma tgħd “ħija miet”, imma tgħid: “Mulej, li kieku int kont hawn, ħija ma kienx imut”.
Il-verità dwar il-mewt tistà tkun espressa biss billi titlaq minn prospettiva ta’ ħajja, minn xewqa ta’ ħajja: jiġifieri mill-permanenza fil-komunjoni maħbuba ta’ persuna.
Il-verità dwar il-mewt tiġi espressa fil-liturġija tallum skont il-vuċii tal-qalb umana.
3. Fl-istess ħin din tiġi espressa skont il-missjoni ta’ Kristu, ir-redentur tad-dinja.
Ġesù ta’ Nażżaret kien ħabib ta’ Lażżru u ta’ ħutu. Il-mewt tal-ħabib inħasset ukoll f’qalbu b’eku partikolari. Meta wasal Betanja, meta semà l-biki tal-aħwa u tal-persuni l-oħra ħbieb tal-mejjet, Gesù “Ħass ruħu mqanqal b’mod profond, tħawwad”, u f’din id-dispożizjoni nterna staqsa: “”Fejn qegħedtuh?” (Ġw 11, 33).
Ġesù ta’ Nażżaret huwa fl-istess ħin il-Kristu, dak li l-Missier bagħat fid-dinja: huwa x-xhud etern tal-imħabba tal-Missier. Huwa il-Portavuċi ta’ din l-imħabba quddiem il-bnedmin. Huwa sa ċertu punt l-Ostaġġ tiegħu fir-rigward ta’ kull wieħed u waħda u ta’ kulħadd. Fih u bih l-imħabba eterna tal-Missier titewettaq u twettaq fl-istorja tal-bniedem b’mod sovrabbundanti.
U l-imħabba topponi lill-mewt u trid il-ħajja.
Il-mewt tal-bniedem, sa minn Adam, topponi l-imħabba: topponi l-imħabba tal-Missier, l-Alla tal-ħajja.
L-Għerq tal-mewt huwa d-dnub, li wkoll jopponi l-imħabba tal-Missier. Fl-istorja tal-bniedem il-mewt hija magħquda mad-dnub u bħad-dnub topponi l-imħabba.
4. Ġesù Kristu ġie fid-dinja biex jifdi dnub il-bniedem; kull dnub li huwa radikat fil-bniedem. Għal dan huwa ntasab quddiem ir-realtà tal-mewt; infatti l-mewt hija magħquda mad-dnub fl-istorja tal-bniedem: jija frott tad-dnub. Ġesù Kristu sar ir-redentur tal-bniedem permezz ta’ mewtu fuq is-salib, li kienet is-sagrifiċċju li sewwa kull dnub.
B’din il-mewt tiegħu Ġesù Kristu wettaq ix-xhieda tal-imħabba tal-Missier.. L-imħabba li tirreżisti lill-mewt, u tixtieq il-ħajja esprimiet lilha nfisha fil-qawmien mill-imwiet ta’ Kristu, ta’ dak li, biex jifdi d-dnubiet tad-dinja, b’mod ħieles aċċetta l-mewt fuq is-salib.
Din il-ġrajja tissejjaħ il-Għid: il-misteru Paskwali. Kull sena nħejju ruħna għalih permezz tar-Randan, u dan il-Ħadd issa jurina mill-qrib dan il-misteru, li fih irrivelaw ruħhom l-imħabba u l-qawwa ta’ Alla, ladarba il-ħajja reġgħet ġabet ir-rebħa fuq il-mewt.
5. Dak li seħħ f’Betanja ħdejn il-qabar ta’ Lażżru, kien kważi l-aħħar aħbar tal-misteru paskwali.
Ġesù ta’ Nażżaret waqaf maġemb il-qabar ta’ ħabibu Lażżru, u qal: “Lażżru, oħroġ barra!” (Ġw 11, 43). B’dan il-kliem, mimli qawwa, Ġesù qajmu mill-mewt għall-ħajja u ħarġu mill-qabar.
Qabel ma wettaq dan il-miraklu, Kristu “refà għajnejh ‘il fuq u qal: “Missier, irroddlok ħajr li smajtni. Kont naf li inti dejjem tismagħni, imma għidt dan minħabba n-nies li hawn madwari, biex huma jemmnu li inti bgħattni “” (Ġw 11, 41-42).
Qrib il-qabar ta’ Lażżru seħħ konfront tal-mewt mal-missjoni feddejja ta’ Kristu partikolari. Kristu kien ix-xhud tal-imħabba eterna tal-Missier, ta’ dik l-imħabba li tirreżisti l-mewt u tixtieq il-ħajja. Bil-qawmien ta’ Lażżru, huwa ta’ xhieda lil din l-imħabba. Ta wkoll xhieda lill-qawwa esklussiva ta’ Alla fuq il-ħajja u fuq il-mewt.
Fl-istess ħin, qrib il-qabar ta’ Lażżru, Kristu kien il-profeta tal-misteru tiegħu: tal-misteru paskwali, li fih il-mewt redentriċi fuq is-salib saret is-sors tal-ħajja l-ġdida fil-qawmien mill-imwiet.
6. Propju llum, il-ħames Ħadd tar-Randan, qiegħed jiċċelebra l- Ġeblew propju tas-Sena tar-Redenzjoni pellegrinaġġ partikolari, dak tal-militari.
Il-preżenza ta’ numru hekk rilevanti ta’ persuni li jservu lill-Art Twelidhom taħt l-armi iqanqal mistoqsijiet profondi: huwa possibbli li nkunu nsara tajbin u militari tajbin? Kif jistà bniedem tal-armi jkun quddiem Kristu, li huwa manswet u umli tal-qalb? (cf. Mt 11, 29). Kif tistà sservi bl-armi l-paċi nterna u internazzjonali? Xi tfisser għal militari żgħażagħ tiċċelebra l-Ġublew tar-Redenzjoni? L-ewwel tweġiba tinsab fil-fatt tal-preżenza tagħkom madwar l-altar f’pellegrinaġġ li jlaqqà flimkien militari ġejjin minn nazzjonijiet differenti, magħmulin aħwa mill-istess fidi f’Alla uniku u Mulej. Intom imlaqqà hawn bħala bnedmin li jixtiequ jaħdmu għall-paċi, Biex tagħtu qawwa lill-ġustizzja, biex tirbħu l-mewt bl-imħabba. Nirrepeti: Il-preżenza tallum tagħkom dan tikkonfermah bil-fatti.
Imħeġġa minn xewqa profonda ta’ talb u ta’ rikonċiljazzjoni interna, intom fraternament magħqudin minn din il-liturġijas ta’ tifħir, issiru ħaġa waħda biss, minkejja id-diversità tal-provenjenza. Intom iltqajtu hawn, għaliex bnedmin konxji li s-salvazzjoni tiġi biss mingħand Kristu u għaliex intom mixtieqa li tikkollaboraw fir-redenzjoni biex tesprimi fid-dinja l-milja tal-ġustizzja, tal-ekwità u tal-qdusija.
7. Imma hemm tweġiba iktar profonda li hija li bli Tevita l-gwerra hija diġa opra ta’ paċi. F’dan is-sens kemm “devoti għas-servizz ta’ art twelidhom, jimmilitaw fil-linji tal-eżerċtu”, kien diġa osserva l-Konċilju Vatikan II,, jistgħu iqisu ruħhom “bħala ministri tas-sikurezza u tal-libertà tal-poplu u meta b’mod rett iwettqu tali dmir jikkontribwixxu tassew għall-istabilità tal-paċi” (Gaudium et Spes, 79).
L-idejal tal-paċi totali huwa instittiv għall-kristjaneżmu. Gwaj jekk dan jiġi nieqes. Imma dan m’għandux jimpedixxi l-konsiderazzjoni rejalistika tal-kondizzjoni umana, mdgħajfa u spiss kompromessa mid-dnub. Hija tali konsiderazzjoni li ġġib l-għarfien tad-dover tad-difiża tal-ħajja u wkoll, u ferm iktar li jissalvagwardjaw il-valuri tal-ħajja. Il-Knisja ilha żmien tipproponi superament konkret tal-ekwilibri tat-terrur permezz ta’ organizzazzjoni internazzjonali effikaċi. Kif ma ġġeddidx iktar ix-xewqa, diġa espressa mis-santi padri tal-Konċilju Vatikan II, ta’ awtorità internazzjonali kompetenti, mgħammra b’qawwa effettiva” biex tiskuraġġixxi kull vjolazzjoni tad-dritt u, għal kull eventwalità, terġà tistabilixxi l-ordni miksura (cf. Gaudium et Spes, 79)? Ir-rejalizzazzjoni progressiva ta’ dan l-idejal tistà taffettwa radikalment il-kondizzjonamenti attwali, billi tikkunsidra l-primat għal trattattiva politika, msejsa fuq ir-raġuni, fuq il-konvinzjoni, fuq ir-rispett reċiproku, u fl-istess ħin, ivvalurata mill-preżenza ta’ garanziji serji internazzjonali, li fihom il-qawwa militari tkun imnaqqsa f’kull tentazzjoni ta’ eġemoniji dominanti.
Il-moralità tal-professjoni tagħkom, għeżież militari, hija marbuta ma’ dan l-idejal tas-servizz għall-paċi fil-komunitajiet nazzjonali individwali u ferm iktar fil-kuntest universali. Il-loġika tas-servizz, jiġifieri tal-impenn għall-oħrajn, hija fondamentalment fil-viżjoni nisranija tal-ħajja. Li twassal għal dan is-sors ifisser tiskopru l-motivazzjoni profonda tal-kondizzjoni tagħkom, li titlob disponibiltà, sagrifiċċju, spirtu ta’ solidarjetà ‘il hemm mill-interessi leġittmi personali u familjari.
L-insara huma hekk l-ewwel kemm fix-xogħol biex jissuperaw it-tentazzjoni tal-vjolenza, kif ukoll biex jiffaċċjaw it-tbatija tal-impenn konkret biex jiddefinixxu r-raġunijiet tal-paċi u tal-imħabba.
8. Il-pellegrinaġġ, li dħaltu għalih illum minħabba l-mottiv tal-Ġublew, jintroduċikom, għeżież militari hawn miġbura minn Pajjiżi differenti, fil-misteru tar-redenzjoni, permezz tal-liturġija ta’ dan il-Ħadd tar-Randan, li tistedinna biex nieqfu, ikolli ngħid, fuq il-fruntiera tal-ħajja u tal-mewt, biex naduraw il-preżenza u l-imħabba ta’ Alla.
Hawn hu l-kliem tal-profeta Eżekjel: “Hekk qal Sidi ll-Mulej: “Tagħrfu li jiena l-Mulej, meta niftaħ l-oqbra tagħkom u noħroġkom mill-oqbra tagħkom, o poplu tiegħi “” (Eż 37, 12.13).
Dan il-kliem twettaq ħdejn il-qabar ta’ Lażżru f’Betanja. Iva twettqu definittivament ħdejn il-qabar ta’ Kristu fuq il-Kalvarju. Dwar dan tagħmilna konxji l-liturġija tallum.
Fil-qawmien ta’ Lażżru wriet lilha nfisha l-qawwa ta’ Alla fuq l-ispirtu u fuq il-ġisem tal-bniedem.
Fil-qawmien mill-imwiet ta’ Kristu ngħata l-Ispirtu Santu bħala sors tal-ħajja l-ġdida: il-ħajja divina. Din il-ħajja hija d-destin etern tal-bniedem. Din hija l-vokazzjoni tiegħu riċevuta mingħand Alla. F’din il-ħajja titwettaq l-imħabba eterna tal-Missier.
L-imħabba infatti tixtieq il-ħajja u topponi l-mewt.
Għeżież ħuti! Ejjew ngħixu b’din il-ħajja! Jalla fina ma jiddominax id-dnub! Ejjew ngħixu b’din il-ħajja, li l-prezz tagħha huwa r-redenzjoni permezz tal-mewt fuq is-salib ta’ Kristu!
“U jekk l-Ispirtu ta’ dak li qajjem lil Ġesù mill-imwiet se jagħti l-ħajja wkoll lill-iġsma mortali tagħkom permezz tal-Ispirtu tiegħu jalla jgħammar fikom” (Rm 8, 11).
Jalla l-Ispirtu Santu jgħammar fikom dejjem permezz tal-grazzja tar-redenzjoni ta’ Kristu. Amen.
Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb