QUDDIESA B’SUFRAĠJU TAL-KARDINAL FRANĊIŻ PIERRE PAUL PHILIPPE
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Il-Ħamis, 12 ta’ April 1984
“Twajjeb hu l-Mulej ma’ min jittama fih, / bir-ruħ li tfittxu” (Lam 3, 25).
1. Dan il-kliem li smajna qabel il-qari ta’ din il-liturġija ewkaristika b’sufraġju tal-mibki Kardinal Pier Paolo Philippe, jidwi f’qalbna mqanqla b’aċċent partikolari, waqt li ninġabru madwar il-fdal mortali tiegħu biex nagħtuh l-aħħar tislima u biex nitolbu mingħand il-ħniena divina l-mistrieħ etern meritat.
“Ma min jittama fih!”. Il-virtù teologali tat-tama kienet kumpanja inseparabbli u dawl ispiratriċi tal-Kardinal Philippe. Huwa, ta’ tejologu profond, dehen tat-tradizzjoni tajba tal- iskola dumnikana kien jaf u, b’mod speċjali kien jgħix l-aħħar esiġenzi. L-istorja tat-tama kienet tmur lura għall-ġrajja bibblika tal-Esodu, meta Alla, bi driegħ qawwi, ħareġ lill-poplu tiegħu barra mill-iskjavitù tal-Eġittu; din għalhekk tieħu l-ħajja f’kull festa tal-Għid li huwa t-tifkira ta’ dak il-ġest divin, imma li huwa wkoll, anzi speċjalment il-misteru tal-mewt u tal-qawmien mill-imwiet ta’ Kristu, kif smajna fit-tieni qari mill-ittra tal-Appostlu Pawlu lir-Rumani: “Jekk aħna sirna ħaġa waħda miegħu f’mewt tixbaħ lil tiegħu, hekk ningħaqdu miegħu fil-qawmien tiegħu mill-mewt” (Rm 6, 5). Kristu, bil-qawmien, fetaħ fil-ħajt tal-mewt fetħa; minnha kull bniedem jistà jsegwieh lejn il-glorja li fiha hu daħal l-ewwel wieħed “Hu li hu l-bidu, il-kbir li qam mill-imwiet” (Kol 1, 18). Hekk il-mewt tilfet “in-niggieża tagħha . . . inbelgħet il-mewt fir-rebħa” (1 Kor 15, 54), għal dan il-liturġija tqisha mhix it-tmiem, imma l-bidu: id-“dies natalis”, li fiha l-bniedem mifdi minn Kristu, jinża minn ġismu mortali biex jilbes il-libsa l-ġdida li hija l-ġisem glorjuż tal-qawmien mill-imwiet (cf. 2 Kor 5, 2-3). Infatti, kif seħħ fi Kristu fil-qawmien mill-imwiet tiegħu hekk se jseħħ minn dawk li huma ta’ Kristu għaliex huwa “se jibdel ġisimna mortali fi xbiha ta’ ġismu glorjuż” (Missale Romanum, «Prex Eucharistica III»).
2. F’din il-viżjoni eskatoloġika konsolanti, f’din it-tama, li mingħajra l-istess fidi tkun “vojta” (cf. 1 Kor 15, 14), għex u opera ħuna, il-Kardinal Pier Paolo Philippe. “L-Alla tat-tama” (Rm 6, 5) kien ir-raġuni ewlenija u aħħarija, l-alfa u l-omega tal-eżistenza kollha tiegħu ta’ bniedem, ta’ reliġjuż u ta’ prelat tal-Kurja Rumana.
Diġa sa minn l-ewwel sejħa tiegħu għall-ħajja reliġjuża, li ffjorixxiet fi ħdan familja profondament nisranija ta’ Pariġi, huwa fehem li d-dinja tinħtieġ it-tama ferm iktar mill-ħobż u ta widen għal messaġġ ta’ tama bil-qies li fih hu setà jofrilu tama ħajja u vera. Infatti ħadd ma jistà jgħix mingħajra.
Wara li daħal fl-ordni tal-patrijiet predikaturi, iggradwa b’dottorat fit-tejoloġija u fil-filosofija biex ikun jistà jagħti raġuni lil min kien jistaqsih dwar it-tama li kellu fih (cf. 1 Pt 3, 15). B’dan il-karattru żeluż huwa nxteħet, fl-1935, għat-tagħlim filosofiku fl-Istadium ta’ Lvov, fil-Polonja, u iktar tard aċċetta l-inkarigu ta’ għalliem tal-Istorja tal-ispiritwalità u tat-tejoloġija mistika fl-Atenew Angelicum, f’Ruma. Kien waqt dan it-tagħlim Ruman apprezzat u fertili li jien kelli x-xorti li niltaqà miegħu u nikkombina miegħu rapport ta’ stima u ta’ ħbiberija, minbarra mill-bdil kulturali profikwu.
L-imħabba naturali tiegħu għax-xjenza, il-fedeltà tiegħu lejn il-Knisja, il-ħerqa għall-ortodossija tal-fidi u għad-“duttrina b’saħħitha”, diġa rakkomandati mill-Appostlu Pawlu lid-dixxiplu tiegħu Timotju (cf. 2 Tm 4, 3), kisbulu n-nomina għal segretarju għal dak li dak iż-żmien kien magħruf bħala s-Sant’Offizio u l-elevazzjoni għad-dinjità ta’ Arċisqof. Wettaq dan id-dmir xejn faċli b’ġenerożità, bla ebda konservazzjoni ta’ ħin u saħħa, b’lejaltà li qatt ma naqset.
Il-kwadratura mentali tiegħu, il-kultura tiegħu u iż-żelu tiegħu għall-erwieħ spikkaw fis-snin tal-Konċilju Vatikan II, li fih ħa sehem bħala membru tal-Kummissjoni għar-reliġjużi u għall-komunikazzjonijiet soċjali. Niftakar l-interventi meqjusa u diskreti tiegħu, għorrief u illuminanti. Imma d-dedikazzjoni totali tiegħu għall-Knisja irrivelat ruħha fil-milja tagħha waqt l-inkarigu ta’ prefett tas-Sagra kongregazzjoni għall-Knejjes orjentali, afdat lilu mill-predeċessur tiegħi Pawlu VI u mbagħad ikkonfermat minn Ġwanni Pawlu I u minni. Huwa kien gwida soda u esperta ta’ dak id-dikasteru mportanti, li l-ġurisdizzjoni ekkleżjastika tiegħu testendi għal diversi nazzjonijiet milquta dak iż-żmien, kif ukoll illum, mill-flaġell tal-gwerra fratriċida, li, sfortunatament, ma taqtax ixxerred id-demm f’dawk il-Pajjiżi tant qrib u għeżież għal qalb tal-Knisja. B’din ix-xewka fil-qalb, il-Kardinal irtira fl-1980 fl-Istitut San Duminku ta’ Ruma, fejn l-anġlu tal-mewt ġie biex jieħdu u jwasslu fil-preżenza tal-Missier.
3. “Tajjeb hu l-Mulej ma’ min jittama fih, / mar-ruħ li tfittxu”.
Il-Kardinal Philippe se jibqà eżempju ammirevoli ta’ kif tingħex l-istennija tal-ġid eskatoloġiku li huwa l-qawmien mill-imwiet tal-ġisem, il-wirt tal-qaddisin, il-ħajja eterna, il-viżjoni ta’ Alla, f’kelma waħda: is-salvazzjoni! Radikat b’mod profond f’dawn iċ-ċertezzi, huwa kontinwament esperimenta il-konfort, il-ferħ u ż-żiffa, waqt li ma ħalla qatt li jisfa mirbuħ mit-tbatijiet u mill-provi inevitabbli tal-ħajja.
Ikun irringrazzjat il-Mulej għal tant tjieba murija lilu, talli fornih b’doti hekk tal-għaġeb fl-ordni tan-natura u tal-grazzja; għat-temperament nobbli, ġentili u qalbieni li kien wiret minn art twelidu, li lilha għamel unur tul l-ark kollu ta’ ħajtu fis-servizz ta’ Kristu u tal-verità minnu migħuxa u komunikata b’mod imħeġġeġ, skont il-motto tal-ordni tiegħu: “Contemplari et contemplata aliis tradere”.
“Mar-ruħ li tfittxu”. Il-Kardinal Pier Paolo Philippe fittex lill-Mulej u ltaqà miegħu: iltaqà miegħu fis-servizz lil ħutu, fit-talb u b’mod speċjali fid-devozzjoni ewkaristika, li fiha iċċentra l-kompassjoni saċerdotali tiegħu u sab mistrieħ fix-xogħol iebes u fil-għejja. Dik ir-riċerka kontinwa tiegħu tal-wiċċ ta’ Kristu (cf. Sal 27, 8), migħuxa jum wara jum “fit-tama” (Rm 8, 24), inbidlet fil-viżjoni ferrieħa tal-wiċċ ta’ Alla, hekk kif inhu hu (cf. 1 Kor 13, 12). Ejjew nitolbu sabiex ħuna l-Kardinal Philippe, wara l-pellegrinaġġ terren tiegħu, il-Mulej jiftaħ il-bieb qaddis tal-ġenna u jdaħħlu fil-glorja u l-ferħ riservat għall-qaddejja tajbin u fidili: jagħtiħ dak il-mistrieħ imwiegħed fil-Vanġelu, li xandarna ftit ilu, lil dawk li jkunu tħabtu għas-saltna tas-smewwiet: “Ejjew għandi intom ilkoll li tinsabu mħabbtiu mtaqqlin, u jiena nserraħkom . . . u intom issibu l-mistrieħ għal ruħkom” (Mt 11, 30). Ejjew nitolbu fl-aħħarnett lill-Mulej, sabiex juża l-ħniena ma’ ħuna Pier Paolo, jaħfirlu l-ftit tbigħi tad-dnub, jagħtih il-mistrieħ ta’ dak is-“sebà jum mingħajr għabex u mingħajr inżul ix-xemx”, u jintroduċih “fis-Sibt tal-ħajja eterna” (cf. S. Augustini, Confessiones, XIII, 36, 51). Amen.
Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb