… u aktar Mirakli Ewkaristiċi.
minn Manwel Cutajar
“Meta nkunu quddiem is-Santissimu Sacrament tal-Ewkaristija, flok inħarsu madwarna,ejja nagħlqu għajnejna u ħalqna;ejja niftħu qalbna; Alla t-tajjeb tagħna jiftaħ Tiegħu; se mmorru lejH Hu jiġi għandna,wieħed jitlob, l-ieħor jirċievi;ikun bħal nifs li jgħaddi minn wieħed għall-ieħor,” dan kien il-kliem li bih il-Kurat ta’ Ars, San Ġwann Mary Vianney,kien jispjega l-Adorazzjoni Ewkaristika fil-ktieb tiegħu: The Little Catechism of the Curé of Ars, 1951, p.42.
L-Adorazzjoni u l-prezenza tagħna, bilwieqfa jew bilqiegħda jew għarkopptejna quddiem l-Ewkaristija Qaddisa toħloq fina attitudni ta’ silenzju, meditazzjoni, u komunikazzjoni tagħna Miegħu. Il-Qari mill-Kotba Mqaddsa, l-aktar mill-Vanġeli, is-Salmi; ir-reċita devota u mmeditata tal-Misteri qaddisa fir-Rużarju; il-qari spiritwali ċertament jistgħu jgħinuna ħafna f’dar-rigward. Dil-Adorazzjoni hi espressjoni ħajja u qawwija ta’ Fidi u Imħabba fil-Preżenza reali ta’ Ġesù fl-Ewkaristija. “Tkellem, Mulej, il-qaddej Tiegħek qed jisimgħek” (1 Sam 3:10).
Il-qawwa spiritwali ta’ din l-espressjoni u esperjenza personali jew komunitarja tagħna quddiem Ġesù fl-Ewkaristika hija tabilħaqq inspjegabbli f’termini umani. Fi kliem ieħor, diffiċli wieħed jispega bil-kliem dal-mod spiritwali ta’ komunikazzjoni!
Wieħed irid jgħixha u jiggustaha spiritwalment!
Il-Papa Benedittu XVI spjega t-tifsira tal-Adorazzjoni bħala proskynesis,li etimoloġikament hi kelma Griega προσκύνησις derivata mill-verb προσκυνέω,
proskyneo, li minnha nnifsha hi ffurmat mill-kliem kompost πρός, pros (lejn) u κυνέω, kyneo (bewsa).
Għalhekk, li naduraw lil Ġesù fl-Ewkaristija hija essenzjalment f’sens lingwistiku u spiritwali hi “li titfa’ bewsa ta’ qima u Imħabba lil Ġesù”’ Iva, tabilħaqq inbusu lil Ġesù għax inħobbuH, bħalma aħna f’ċertu sens,inbusu b’imħabba sinċiera u reali lil min verament inħobbu: l-ġenituri tagħna, uliedna, martna jew żewġna. Ma ninsewx Ġesù wkoll jistennieha l-bewsa tal-Imħabba vera u sinċiera tagħna. Basta tkun vera bewsa sinċiera ta’ Imħabba, u mhux ċerimonjali biss, jew agħar minn hekk ta’ tradiment. Niftakru kemm Ġesù ħassu offiż, iddispjaċut u ttradut meta Ġuda biesu tant li Ġesu wasal biex ċanfru u qallu: “Bewsa għażilt, Ġuda, biex tittradih lil Bin il-bniedem!” (Luqa 22, 48).
Jalla l-Adorazzjoni tagħna lejn Ġesù fl-Ewkaristija tkun dejjem azzjoni u turija sinċiera ta’ Imħabba sħiħa u ġenwiena lejn Sidna Ġesù Kristu.
Huwa dan il-proċess ta’ prezenża tagħna quddiem Alla li jittrasformana spiritwalment.
San Pawl, li jitkellem dwar dawk li jduru lejn il-Mulej bħalma għamel Mosè, jiddikjara: “Meta nduru lejn il-Mulej, il-velu jitneħħa… u aħna lkoll, b’sebħ il-Mulej jiddi qisu f’mera fuq wiċċna mikxuf, nitbiddlu f’din ix-xbieha, u aktar u aktar tiddi; u dan hu xogħol il-Mulej li hu spirtu” (2 Kor 3:16.18). Interessanti li wieħed jinnota li l-verb użat hawnhekk huwa l-istess wieħed li intuża biex jispjega t-Trasfigurazzjoni ta’ Kristu fuq il-Muntanja Tabor metemorfothè li tfisser bidla fil-ħsieb, konverżjoni, u riforma.
Il-prezenża tagħna quddiem Alla tittrasformana. Dan huwa espress b’mod sabiħ f’dak il- kliem tal-ktieb tal- Eżodu: “Meta Mosè niżel mill-Muntanja Sinaj biż-żewġ twavel tat-Testimonjanza f’idejh, ma kienx jaf li l- ġilda taʼ wiċċu kienet tiddi, għax kien tkellem maʼ Ġeħova. Imma meta Aron u l-Iżraelin kollha raw li l-ġilda ta’ wiċċu kienet tiddi, beżgħu jersqu ħdejh” (Eżodu 34:29-30).
Bħal meta xi ħadd jibda jħares b’attenzjoni lejn inżul ix-xemx; wara xi żmien, wiċċu wkoll jieħu kulur dehbi.
Il-Venerabbli Arċisqof Fulton J. Sheen jinnota, meta jispjega din l-esperjenza, li meta nħarsu lejn l-Ewkaristija f’attitudni ta’ Adorazzjoni, riverenza profonda u mħabba “jiġri fina xi ħaġa simili ħafna għal dak liġara lid-dixxipli f’Emmaws f’Ħadd il-Għid waranofsinhar, meta ltaqa’ magħhom il-Mulej, staqsiehom għaliex kienu daqshekk imdejqin. Wara li qattgħu ftit sigħat fil-Preżenza Tiegħu u reġgħu semgħu s-sigriet tal-ispiritwalità – “Iben il-Bniedem irid isofri biex jidħol fil-glorja Tiegħu” – meta għadda l-ħin tagħhom Miegħu, ‘u wieħed lill-ieħor bdew igħidu lil xulxin ‘ma kinitx imkebbsa qalbna ġewwa fina huwa jkellimna fit-triq u jfissrilna l-Iskrittura?’ (Luqa 24,31)” (Treasure in the Clay, Awtobiography).
L-Adorazzjoni Ewkaristika hija għalhekk laqgħa profondament personali kif ukoll komunitarja mal-Mulej. L-attitudni ta’ qima tagħna lejn l-Ewkaristija hi attitudni ta’ Fidi profonda u xewqa kbira għad-djalogu, u taħdita spiritwali u Mistika attiva u bilaterali bejn il-kbir “INT Mulej” u l-“jien“. Ma hemm ebda komunikazzjoni daqstant qawwija u qaddisa daqs dal-mument tal-Adorazzjoni,għajr s’intendi fit-Tqarbin Qaddis fejn issa il-“jien” u “Int” ningħaqdu flimkien fiżikament u realment f’ġisem wieħed li issa hu propju l-ġisem tagħna fil-Ġisem,id-Demm, ir-Ruħ u d-Divinita’ ta’ Ġesù Kristu, veru Alla u veru Bniedem.
Hemm iseħħ kuljum l-Akbar Miraklu Ewkaristiku li qatt jista’ jseħħ fl-univers.
Il-preżenza tagħna quddiem il-Mulej Ewkaristiku ma tnaqqasx il-Glorja Tiegħu, imma permezz tagħha aħna nitkellmu u niddjalogaw Miegħu. U f’dan kollu,aħna nbiddlu. Mhux Hu li jinbidel fina,imma aħna ninbidlu fiH.
X’xorti tkun tmiss lilek u lili u lil kull min jitqarben bl-Ewkaristija Qaddisa!
Il-Miraklu Ewkaristiku ta’ Sant’ Isidore l-bidwi
Isidore twieled f’Madrid,Spanja, fl-1070 minn familja fqira u kien jaħdem fl-għelieqi ta’ Juan de Vergas,sid tal-art f’belt Torrelaguanna.
Isidore kien devot kbir tal-Ewkaristija u kull filgħodu qabel imur ix-xogħol,kien imur il-quddiesa u jitqarben.Jum wieħed, sħabu l-bdiewa l-oħra ilmentaw maʼ sidhom li Isidore filgħodu kien ik un dejjem tard għax-xogħol.Hekk,is-sid,personalment,għamillu l-għassa biex jara x’kien qiegħed jiġri u jieħu l-passi meħtieġa.
Iżda dan bi stagħġib kbir tiegħu ra li waqt li Isidore kien ikun għadu ma wasalx għax-xogħol, figuri bojod kienu jsuqu l-barrin fil-ħrit tar-raba’. F’okkażjoni oħra s-sid ra wkoll anġlu jaħrat fuq kull naħa ta’ Isidore waqt li Isidore kien jitlob,u hekk ix-xogħol taʼ Isidore kien daqs dak taʼ tlieta minn sħabu. Meta ra hekk l-imgħallem niżel f’riġlejn Isidore u talbu maħfra talli kien ħaseb ħażin fih. Isidore wieġbu:“Mgħallem, l-ebda ħin ma jintilef waqt it-talb,għax dawk li jitolbu huma ħaddiema flimkien ma’ Alla.” Juan de Vargas, konvint li l-għajnuna kienet ġejja mis-sema,qal lil Isidore li minn dak in-nhar ’il quddiem riedu li jkun inkarigat minn dak kollu li jinsab fil-patrimonju tiegħu bħala bailiff.
Hawnhekk tajjeb ngħidu li Isidore kien miżżewweġ lil Maria de la Cabeza, mara sempliċi u devota li kienet ġiet ibbeatifika fil-11 ta’ Awwissu 1697 mill-Papa Innoċenz XII fil-Bażilka ta’ San Pietru, Ruma. Il-koppja kellha wild wieħed, li miet f’età żgħira. It-tnejn kienu magħrufa ħafna għall-qdusija, u l-imħabba u d-devozzjoni kbira lejn l-Ewkaristija Qaddisa; għall-karità u l-għajnuniet tagħhom mal-foqra u l-batuti; u huma wkoll kienu jaraw li l-annimali jiġu ttrattati tajjeb kif suppost.
Sant’ Isidore miet fil-15 ta’ Mejju 1130, u kien iddikjarat qaddis fit-12 ta’ Marzu 1622 mill-Papa Gregorju XV flimkien mal-Qaddisin Injazju ta’ Loyola, Franġisku Saverju, Tereża ta’ Avila,u Filippu Neri. Dal-grupp hu magħruf fi Spanja bħala “l-Ħames Qaddisin.”
Sant’ Isidore Bidwi hu meqjus ukoll bħala l-Qaddis Patrun tal-bdiewa u l-komunitajiet rurali.