Omelija ta’ Ħadd il-Palm

WARA L-GLORJA TA’ ĦADD IL-PALM TIĠI T-TBATIJA TAL-PASSJONI … IMMA TGĦID DIT-TBATIJA TAGĦMEL SENS?

Minn Fr Michael A. Galea

Hemm biċċa xogħol mużikali għandha x’taqsam ma’ ħajja ta’ saċerdot, kien kitibha Leonard Bernstein b’tifkira tal-President John F. Kennedy li ġie assassinat f’Novembru tal-1963. Ħa nirrakkuntalkom l-aħħar xena ta’ dil-biċċa mużikali għandha x’taqsam ma’ ħajja ta’ saċerdot.

Mela kien hemm saċerdot maħbub u popolari ħafna u jum fost l-oħrajn, kif lesta mill-quddiesa, liebes kif kien u b’kalċi tal-kristall f’idejh, spiċċa merfugħ fuq l-idejn, in-nies tifraħ bih u ċċapċaplu. Insomma, mument ta’ ferħ, ta’ allegrija, ta’ briju, ta’ glorja…Fid-daqqa u l-ħin, ma nafx x’ġara, is-saċerdot sab ruħu mal-art, il-ħwejjeġ sbieħ tal-quddiesa ċċappsu bit-tajn u l-kalċi li kellu f’idejh tfarrak f’elf biċċa. Sadanittant, il-kor tat-tfal kien qed ikanta innu ta’ ferħ u ta’ radd il-ħajr. Hawn is-sabiħ tal-istorja: is-saċerdot iqum mill-art b’ħafna tbatija, jilmaħ il-kalċi mfarrak f’elf biċċa, iħares lejh fit-tul u jinstema’ jgħid: “Qatt ma bsart li l-kristall imkisser kapaċi jiddi iktar mill-kristall sħiħ!”

Fih ħafna x’tifhem u x’tomgħod il-kumment ta’ dan is-saċerdot…Filli merfugħ fuq l-idejn u filli sab ruħu mal-art. Xi ħadd darba qal: “In-nies filli ċċapċaplek u filli ċċapċapuhulek, filli tħobbok u filli tobogħdok, filli tirrispettak u filli tistmerrek, filli tfittxek u filli twarrbek għall-ġenb Hekk ġralu Ġesu’. Għal tliet snin sħaħ, in-nies kienet tfittxu, tirrispettah, tiġri warajh, iċapċaplu (għandna l-ġrajja tad-daħla trijonfali tiegħu f’Ġerusalem, in-nies ferħitlu u laqgħetu bil-friegħi tal-palm u taż-żebbuġ f’idejha u tgħajjat: hosanna lil Bin David…X’ġara? Ġimgħa wara, din l-istess folla bidlet id-diska u għajtet: “Sallbu! Sallbu!” Minn fuq wiċċ l-idejn, Ġesu’ spiċċa mixħut mal-art.

Pero’ ta’ min jaħseb ħafna fuq il-kumment ta’ dak is-saċerdot li spiċċa mal-art iħares fit-tul lejn il-kalċi tal-kristall li sar elf biċċa u jgħid: “Qatt ma bsart li l-kristall imkisser kapaċi jiddi iktar mill-kristall sħiħ!” Il-kardinal O’Conner tal-Amerika (illum mejjet) kien iħobb jgħid: “Ġesu’ ma fdiniex meta għamel il-mirakli, iżda meta miet għalina fuq salib.”

Ħa niġu għall-prattika. It-tbatija hija esperjenza qarsa li jduqha kulħadd. Bniedem u tbatija ma nistgħux nifirduhom minn xulxin. Il-bniedem jgħejja, jimrad, iħoss il-ġuħ, il-għatx, is-sħana, il-bard, jinkwieta, jiddejjaq, jitnikket, jibki…Xi ħadd darba qal: “Il-bniedem jitwieled jibki u jmut b’demgħa f’għajnejh.” Fl-istess ħin, it-tbatija, speċjalment it-tbatija tal-innoċenti hija misteru, ma tifhimiex…pero’ ma’ Ġesu’, it-tbatija tagħmel sens, tista’ f’ġid spiritwali għalija, għall-oħrajn, għad-dinja, għall-Knisja.

Mary Craig, mara kellha żewġt itfal bi bżonnijiet speċjali kitbet ktieb jismu “Blessings”. (Kienu qalbuh għall-Malti xi membri tal-Azzjoni Kattolika…) Għall-aħħar tal-ktieb tgħid: “Diffiċli tgħid x’inhi t-tbatija…Fit-tbatija nipprotestaw, inwerżqu u nħabbtu saqajna ma’ l-art…Pero’ t-tbatija kapaċi tgħallimna ħwejjeġ kbar…Illum nifhem li wara l-Ġimgħa l-kbira jiġi l-Għid il-kbir, sewwa sew kif wara x-xitwa tiġi r-rebbiegħa.”

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading