Minn Edward Tagliaferro
Darba kien hemm ċawlun li kien qed jittajjar ferħan ġo bosk, f’għodwa waħda tal-ħarifa. F’daqqa waħda, ir-riħ tqawwa tant li s-siġar bdew jixxenglu ‘l hawn u ‘l hinn. Hekk kif iċ-ċawlun kien se jserraħ fuq fergħa ta’ siġra, fergħa oħra ġiet b’sabta fuqu u tatu daqqa sew fuq il-ġwejnaħ tax-xellug. Iċ-ċawlun spiċċa fl-art nofsu stordut. Wara li stejqer ftit, ipprova jerġa’ jtir, iżda uġigħ kbir fil-ġwejnaħ ma ħallihx iċaqlaqha, aħseb u ara kemm kienet se tgħinu biex jinqata’ mill-art. Għalhekk beda jgħajjat lill-għasafar l-oħra: “Għajjut! Għajjut! Ninsab ferut!” Iżda min għal ħaġa u min għal oħra, ħadd ma ried jgħinu. Għasfur żgħir wasal ukoll biex qallu: “Int dejjem kont supperv, tittajjar fuqna u tidħak bina għax aħna iżgħar minnek. Issa la int kbir, tista’ tieħu ħsieb tiegħek innifsek.”
Iċ-ċawlun għaddas rasu u beda jaqta’ qalbu. Wara ftit beda jħoss il-ġuħ, l-għatx u l-bard. “Issa x’se nagħmel? X’se jsir minni?” Fil-pront sema’ leħen irqieq jgħidlu: “Jien nista’ ngħinek!” Kien naqra ta’ għasfur tal-bejt. Dan qal liċ-ċawlun: “Ersaq lejn iz-zokk tas-siġra għall-kenn. Issa niġborlok ħafna weraq u bihom nagħmillek bejta.” Iċ-ċawlun bil-kemm ried jemmen ‘il-widnejh. “Għaliex qed tagħmel dan miegħi,” staqsieh iċ-ċawlun. “Għax int għadek ħaj. U kieku din id-disgrazzja waqgħet fuqi, jien kont inkun nixtieq li xi ħadd jiġi jgħinni. Issa ħa mmur inġiblek xi ikel f’munqari, u l-ilma nġibulek boqqa boqqa.” U hekk għamel. Wara li sqieh qallu: “Issa għal bil-lejl nitrekken miegħek fil-bejta ħalli żgur ma tħossx bard.”
Iċ-ċawlun tgħidx kemm apprezza l-fatt li l-għasfur tal-bejt salvalu ħajtu. Dan għamlu billi baqa’ jieħu ħsiebu għal diversi ġimgħat, sakemm għodwa waħda iċ-ċawlun ħass li l-ġwejnaħ ma baqax jgħuġu aktar. Ipprova jtir u rnexxielu. Reġa’ lura biex jiżżi ħajr sewwa lill-għasfur tal-bejt, u jiżgurah li qatt mhu se jinsieh.
Ma kinux għaddew ħafna ġranet meta, waqt li l-għasfur tal-bejt tbiegħed aktar mis-solita mir-rotta li kien is-soltu jitir fiha,, seqer niżel fuqu bħal sajjetta u ħatfu. “Magħmula tiegħi,” ħaseb bejnu u bejn ruħu l-għasfur tal-bejt. X’ħin kien se jibda jqis ruħu bħala mitluf, f’daqqa waħda ħass l-għafsa tal-ħalq tas-seqer tibda terħi. L-għasfur ma ħasibhiex darbtejn u żgiċċa minn ħalq is-seqer. Malajr induna li kien iċ-ċawlun li, malli nduna x’kien qed jiġri, tar għal fuq is-seqer, beda jtih b’munqaru fuq rasu sakemm gerrxu ‘l hemm.
“Salvajtli ħajti!” qal l-għasfur tal-bejt liċ-ċawlun. Dan wieġbu: “Kont int li salvajtli ħajti l-ewwel. U issa qed ninduna li qalb tajba ma titkejjilx skont id-daqs tal-ġwienaħ. Qalb tajba u kbira tista’ tkun fis-sider tal-iċken għasfur.”
Qatt m’għandna nqisu oħrajn anqas minna bħala dubbien. Ma tafx meta talin bħal dawn jiġu jagħtuk l-għajnuna, meta “ħbieb” oħra ma jagħtux kasek. Tjubija mogħtija bla ma tistenna xejn lura tiskanta kif terġa’ tiġi lura għandek meta l-aktar ikollok bżonnha.