Ġwanni Pawlu II waqt Viżta Pastorali fl-Isvizzera

VIŻTA PASTORALI FL-ISVIZZERA
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Stadju ċittadin «Cornadero» (Lugano)
It-Tlieta,  12 ta’ Ġunju 1984

1. “U l-aħwa kienu jżommu sħiħ fit-tagħlim tal-Appostli u fl-għaqda ta’ bejniethom, fil-qsim tal-ħobż u fit-talb” (At 2, 42).

It-test tat-tieni kapitlu tal-Atti tal-Appostli, imxandar ftit ilu, iqegħdilna quddiem għajnejna  il-bidu tal-Knisja, hekk kif ħarġet miċ-Ċenaklu fil-jum ta’ Pentekoste. Hija inħarġet barra mill-post tal-istennija u tat-talb bil-qawwa tal-Ispirtu Santu, biex ixxandar f’nofs il-bnedmin ġejjin minn diversi nazzjonijiet “l-għemejjel kbar ta’ Alla” (At 2, 11).

Il-Ħadd li għadda, is-sollennità tal-Pentekoste, kellna l-pjaċir li ngħixu mill-ġdid propju dak “il-jum magħmul mill-Mulej”: il-jum tat-twelid tal-Knisja.

Illum, permezz tar-rakkont tal-ktieb tal-Atti, aħna xhieda – wieħed jistà jgħid – ta’ jum ordinarju ta’ din il-Knisja, li għadha kemm twieldet. Hawn hi l-komunità li żżomm sħiħ “fis-smigħ tat-tagħlim tal-appostli . . . fil-qsim tal-ħobż u fit-talb”. Din l-komunità għadha żżomm kollegament ta’ kuljum mat-tempju ta’ Ġerusalem (mela għadha tieħu sehem fil-kult tal-patt il-qadim) u fl-istess ħin, waqt li taqsam il-ħobż id-dar (cf. At 2, 46), tiċċelebra diġa l-Ewkaristija, is-sagrament tal-patt il-ġdid u etern. Is-sagrament li permezz tiegħu ġiet iffurmatha  u tkompli tkun iffurmatha  ta’ kuljum il-Knisja issa diġa għal kważi elfejn sena.

2. Dan it-test tal-Atti huwa mportanti. Fih joħorġu ċerti elementi kostituttivi tal-Knisja ta’ Kristu: il-Kelma ta’ Alla, milqugħa minn komunità ta’ kredenti, li jiltaqgħu għaċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija, madwar l-appostli, li wara se jipprovdu biex jassikuraw suċċessuri fil-persuni tal-Isqfijiet. Minn dak iż-żmien sallum, u sal-aħħar taż-żminijiet, ir-realtà sħiħa tal-Knisja ma jistax ikollha jekk mhux fuq il-bażi ta’ dawn l-elementi essenzjali. Il-Knisja tal-ewwel żminijiet, li kellha l-bidu tagħha fiċ-Ċenaklu Ġerusolmitan u fil-komunità primittiva  miġbura madwar l-Appostli, diġa kienet strutturata hekk. Din hija – biex ngħidu hekk – il-Knisja “lokali” u fl-istess ħin hija wkoll il-Knisja “universali”.  “Lokali”, għaliex marbuta ma’ post, Ġerusalem, imma wkoll “universali”, għaliex fiha kien hemm flimkien, bħal f’jum il-Pentekoste nies ġejjin minn diversi nazzjonijiet. Bil-miraklu tal-ilsna l-Ispirtu jirratifika tali preżenza versatili, billi  ppermetta li kull wieħed u waħda jisimgħu lill-appostli bl-ilsien tagħhom.

Motivati mill-istess Spirtu Santu, nixtiequ nħaddnu dawn iż-żewġ  dimensjonijiet tal-Knisja fil-laqgħa tallum u tul il-ġimgħa kollha.

Il-vista tal-Isqof ta’ Ruma u suċċessur ta’ San Pietru trid turi, b’evidenza partikolari, kif din id-dijoċesi tagħkom ta’ Lugano u d-dijoċesijiet kollha tal-Isvizzera – kull waħda tal-Knejjes li jinsabu f’Art Twelidkom – waqt li jgħixu ħajjithom, jgħixu fl-istess ħin il-ħajja tal-Knisja universali: tal-Knisja li hija waħda fid-dinja kollha, “Una, sancta, catholica et apostolica ecclesia”.

Il-Knisja hija il poplu ta’ Alla: “Il-ġens li l-Mulej hu Alla tiegħu, il-poplu li hu għażel b’wirtu” (Sal 33, 12).

Il-kliem tas-salm tal-liturġija tallum jitkellem dwar Iżrael, li kien il-poplu ta’ Alla tal-patt il-qadim. U fl-istess ħin jitkellem dwar Iżrael il-ġdid, dwar il-Knisja li nfirxet ‘il hemm mil-limiti vetero-testementari ta’ nazzjon wieħed.

“Fin- nazzjonijiet kollha . . . tad-dinja huwa mfakkar poplu wieħed ta’ Alla, ladarba min-nofs ir-razez kollha huwa jieħu ċ-ċittadini tas-saltna tiegħu, mhux terrena imma ċelesti. U infatti l-fidili kollha mferrxa mad-dinja jikkomunikaw mal-oħrajn fl-Ispirtu Santu u hekk min qiegħed Ruma jaf li l-Indi huma membri tiegħu” (Lumen Gentium, 13).

Il-poplu: il-komunità tal-bnedmin ħajjin li Alla għaddn fl-istess ħin ilkoll flimkien u kull wieħed u waħda b’mod partikolari, iħaddanhom bħala Krejatur u bħala Missier, bħala Redentur u Spirtu li jippenetra kollox.

“Mill-għoli tas-smewwiet iħares il-Mulej, / u jara l-bnedmin kollha, / Mill-post fejn jgħammar jistħarreġ fuq dawk kollha li jgħixu fuq l-art, / hu li sawwar il-qalb ta’ kull wieħed / u jagħraf għemilhom kollu  ” (Sal 33, 13-15).

Kollha u kull wieħed u waħda huma ppenetrati mill-pjan etern tal-imħabba divina. Kollha u kull wieħed u waħda”mifdija” bl-istess  prezz infinit tar-redenzjoni ta’ Kristu. Kollha u kull wieħed u waħda  sottomessi għan-nifs tal-uniku Spirtu tal-verità.

3. Il-liturġija tallum tkellimna dwar din l-għaqda permezz tal-analoġija evanġelika  tad-dielja u tal-friegħi.

“Jiena id-dielja u Missieri l-bidwi” (Ġw 15, 1). Hekk jgħid Ġesù lid-dixxipli tiegħu waqt id-diskors tat-tluq fiċ-ċenaklu.

Fuq l-art wiesgħa tal-umanità il-Missier ċelesti ħawwel din id-dielja: l-Iben ta’ Alla mwieled fiż-żmien mill-Verġni Marija. U l-bnedmin kollha, bħala friegħi,  sfaw imlaqqma mill-ħajja l-ġdida li hija din id-dielja.

Kull fergħa li fija ma tagħmilx frott – jgħid Ġesù – il-Missier jaqtagħha u kull waħda li tagħmel il-frott inaddafha biex tagħmel frott iktar” (Ġw 15, 2).

Xinhija l-Knisja f’kull dimensjoni tagħha “universali” u “lokali”? Din hija l-ambjent tal-eżistenza l-ġdida tal-bniedem. Permezz ta’ dan l-ambjent il-bniedem, bin l-art, għandu eżistenza ġdida f’Ġesù Kristu, Bin Alla. Bħall-fergħa fid-dielja. Din mela hija wkoll l-eżistenza ta’ wlied Alla. Għalhekk il-Knisja hija il-post tal-kultura divina. Aħna lkoll li nikkostitwixxu l-Knisja – ilkoll u kull wieħed u waħda – għandna bżonn niksbu l-frott fi Kristu.

“Bħalma l-fergħa ma tistax tagħmel frott weħedha jekk ma tibqax fid-dielja, hekk intom ukoll jekk ma tibqgħux fija . . .

“Min jibqà fija u jiena fih, dan jagħmel ħafna frott, għax mingħajri ma tistgħu tagħmlu xejn . . . Din hi l-glorja ta’ Missieri, li intom tagħmlu ħafna frott u tkunu dixxipli tiegħi. Kif ħabbni Missieri, hekk ħabbejtkom jiena. Ibqgħu fl-imħabba tiegħi” (Gv 15, 4-5. 8-9).

4. Fil-meditazzjoni tagħna dwar il-Knisja f’kull dimensjoni tagħha hemm bżonn nirreferu b’mod kostanti għal din l-analoġija stupenda. Fiha hemm miġbura r-raġuni l-iktar profonda tal-għaqda u flimkien magħha l-pluralità tal-Knisja. Din l-analoġija għandha wkoll l-importanza partikolari tagħha, għaliex turi kif iż-żewġ dimensjonijiet tal-Knisja, kif jesprimu ruħhom fid-determinazzjoni “universali” u  “lokali”, jistgħu jngħaqdu b’mod korrett il-waħda mal-oħra, waqt li fl-istess ħin jgħassu l-għana kollha miġbura f’kull waħda.

L-għaqda tirriżulta minn Kristu- dielja permezz tal-azzjoni tal-Ispirtu Santu, li mar fuq l-Appostli fil-jum ta’ Pentekoste.

Din hija mela l-għaqda tal-ġisem u tal-Ispirtu, kif xandar l-awtur tal-ittra lill-EfesinĠ (Ef 4, 4-6): “Ġisem wieħed u ruħ waħda, l-istess kif kontu msejħa għal tama waħda; Mulej wieħed; fidi waħda, magħmudija waħda. Alla wieħed u Missier ta’  kulħadd, li hu fuq kulħadd u f’kulħadd”.

Hekk, mela, l-għaqda tal-Knisja tiġi fl-aħħar mill-aħħar mill-Missier. Tiġi mill-Missier permezz ta’ Kristu, id-dielja, fl-Ispirtu Santu. Fittxu li  “żżommu l-għaqda tal-Ispirtu permezz tar-rabta tal-paċi”, jikteb l-Appostlu Pawlu (Ef 4, 3).

Din hija rakkomandazzjoni li għandha valur perpetwu. L-insara tallum ukoll iridu jiffaċċjawha. Kull komunità lokali, miġbura madwar l-Isqof tagħha, hija Knisja tassew u b’mod sħiħ. Din il-kuxjenza saret hekk qawwija wara l-Konċilju Vatikan II, li llum nistgħu ngħidu, b’formula mimlija konsegwenzi, li hija fil-Knejjes partikolari, jiġifieri fid- u mid- dijoċesijiet, li hemm fil-Knisja kattolika waħda u unika (cf. Codex Iuris Canonici, can. 368). Dan ifisser li fejn komunità hija miġbura mal-Isqof tagħha fil-fidi u l-fedeltà lejn il-Mulej irxuxtat, hija tassew imwettqa il-Knisja. Imma r-realtà tal-ġisem mistiku ta’ Kristu ma tikkonkludix fiha. Il-Knisja partikolari ma tistax mela tibqà weħedha, ma tistax tgħix fratellanza biss f’livell lokali imma trid twettaq il-komunjoni wkoll mal-Knejjes l-oħra. Fit-Testment il-Ġdid aħna naqraw kif diġa bejn il-Knejjes differenti ta’ dak iż-żmien kien hemm għaqda, murija permezz ta’ bdil ta’ għajnuniet u ta’ nformazzjoni, vjaġġi u lqugħ ta’ persuni, u fuq kollox permezz tas-sapport qawwi fl-istess fidi, fl-istess sagramenti, fil-prattika dixxiplinari ntrodotta mill-Appostli, milqugħa bi ftehim u aġġornata b’mod kostanti mis-suċċessuri tagħhom. B’mod partikolari l-ktieb tal-Atti jinfurmana li, meta minn Ġerusalem bdiet l-espansjoni tal-messaġġ evanġeliku bil-formazzjoni konsegwenti ta’ komunitajiet ġodda fil-postijiet differenti fejn din kienet tasal, dawn il-komunitajiet komplew jagħmlu riferenza lil ċentru, lil Knisja omm, li dak iż-żmien kienet Ġerusalem, il-post fejn, fil-bidunett, kien jgħammar Pietru flimkien mal-Appostli l-oħra  .

L-insara tallum ukoll huma mpenjati li jgħixu l-istess esperjenza ta’ għaqda: ma tistax teżisti Knisja lokali li mhix f’komunjoni mal-oħrajn, li mhix miftuħa għat-tbatijiet u għall-ferħ tal-Knejjes lokali l-oħra, li ma tfittixx li tissintonizza magħhom bil-mod konkret ta’ xhieda quddiem id-dinja tallum tal-valuri eterni tal-Vanġelu. Ma tistax teżisti Knisja lokali li ma żżommx ħajja komunjoni sinċiera u profonda mas-Sedja ta’ Pietru.

5. Il-Knisja hija “waħda”. Kull pluralità hija f’din l-unità. Tali pluralità hija – kif naqraw aktar tard fit-test tal-Appostlu Pawlu – pluralità  ta’ vokazzjonijiet: “Biex jitrawmu l-qaddisin għax-xogħol tal-ħidma tagħhom għall-bini tal-ġisem ta’ Kristu” (Ef 4, 12). Il-bini tal-ġisem ta’ Kristu illum, hekk kif, sa mill-ewwel ġenerazzjoni, bnew dan il-ġisem l-Appostli, il-profeti, l-evanġelisti, ir-rgħajja u l-imgħallmin. Il-pluralità tal-vokazzjonijiet hija vera  ladarba tirriżulta mill-għaqda u tibniha, dak li jirreferi lill-persuni, huwa validu wkoll għall-komunitajiet. Kull komunità fil-Knisja  hija vera (tikkorrispondi mat-tradizzjoni evanġelika u apostolika) ladarba tiżviluppa mill-għaqda u fl-istess ħin tibniha.

Kull “Knisja lokali” hija vera (taqbel mad-definizzjoni evanġelika u apostolika tagħha) ladarba tiżviluppa mill-għaqda tal-Knisja  “universali” u fl-istess ħin tibniha.

6. F’din iċ-ċelebrazzjoni ewkaristika fil-bidu tal-vista pastorali tiegħi fl-Isvizzera nixtieq insellem lill-komunitajiet ekkleżjali kollha miġbura fil-Knejjes lokali tagħkom. Il-Knisja ta’ Bażilea, dik ta’ Coira, dawk ta’ Losanna, Ġinevra u Friburgo, dik ta’ San Gallo, dik ta’ Sion u wkoll ta’ Griġioni Taljan. B’intensità ta’ sentimenti partikolari insellem lid-dijoċesi ta’ Lugano billi nindirizza ħsieb speċjali lir-ragħaj, Monsinjur Ernesto Togni, lis-saċerdoti, lir-reliġjużi maskili u femminili u lil-lajkat kollu.

Insellem lil dawn il-Knejjes kollha b’qima li taqbel mad-dinjità evanġelika u apostolika tagħhom. Nagħtihom il-bewsa fraterna tal-paċi.

U fl-istess ħin nesprimi l-awgurju mħeġġeġ li kull Knisja minn dawn, waqt li tibqà stabilment fl-għaqda tal-Knisja universali, twettaq il-missjoni li dwarha jitkellem l-Ispirtu Santu fit-test tal-ittra lill-Efesin: sabiex “naslu ilkoll għall-għaqda tal-fidi u tal-għarfien tal-Iben ta’ Alla, insiru r-raġel magħmul, fl-aħjar ta’ żmienu u hekk isseħħ il-milja ta’ Kristu” (Ef 4, 13).

Fi kliem ieħor nawgura, bħala qaddej u għassies tal-għaqda tal-Knisja, li jitwettaq fikom, għeżież ħuti, il-misteru tad-dielja u tal-friegħi.

Kulwieħed jamministra b’mod ġeneruż u b’konsistenza l-grazzja li ngħatatlu “skont il-qjies tad-don ta’ Kristu” (Ef 4, 7).

Dan id-don jibni dejjem il-Knisja, kemm fid-dimensjoni universali tagħha, kif ukoll f’dik lokali.

7. Biex tilqgħu tali don tiddisponikom, għeżież kattoliċi Svizzeri, l-istorja tagħkom. Din, infatti, hija storja ta’ Pajjiż li fih l-għaqda u d-diversità għarfu jingranaw f’esperjenza ta’ kuljum ta’ qbil seren, ta’ rispett reċiproku, ta’ kollaborazzjoni operanti. Dawn it-tradizzjonijiet tagħkom jistgħu jkunulkom ta’ għajnuna kbira fil-ftuħ għall-impenn ta’ qbil ġeneruż mad-dimensjoni universali tal-Knisja. F’dan imbagħad, intom il-kattolċi tal-Kanton Ticino, intom iffaċilitati iktar minħabba l-ġrajjiet ekkleżjastiċi tal-komunità tagħkom, li setgħet tikseb mill-patrimonju reliġjuż tassew għani imqanqal minn bnedmin tal-istatura ta’ San Ambtoġ u ta’ San Karlu Borromeo. Il-kondizzjoni tagħkom ta’ dijoċesi relattivament żagħżugħa, f’pożizzjoni ġejografika ta’ fruntiera, tikkostitwixxi stimolu għar-riċerka ta’ komunjoni dejjem iktar profonda mal-Knejjes l-oħra, filwaqt li tibqgħu fidili lejn dik il-fiżjonomija ekkleżjali partikolari li mmaturat tul is-sekli il-ġenerazzjonijiet tal-antenati tagħkom taħt it-tmexxija tar-rgħajja tagħhom, fosthom nieħu pjaċir infakkar b’mod speċjali, il-qaddej ta’ Alla Monsinjur Aurelio Bacciarini.

8. Agħrfu għixu l-imgħoddi passat tagħkom! Nawguralkom l-abbundanza tad-doni ta’ Kristu. Nawguralkom li tkunu “miftuħa għall-Ispirtu ta’ Kristu”, skont il-motto li għażiltu għal din iż-żjara. Dan huwa motto li jiġbor fil-qosor sewwa l-esiġenzi l-iktar profondi ta’ kull Knisja partikolari, li trid tgħix il-milja tal-missjoni propja tagħha. Din trid tkun organiżmu strutturat tajjeb u effiċjenti, biex jixhed attivament is-salvazzjoni ta’ Alla fid-dinja. Imma trid tkun qabel u fuq kollox, animata u kontinwament trasformata mill-Ispirtu ta’ Kristu.

Huwa hu li “jġedded il-wiċċ tal-art”. Ma nħossux forsi ilkoll fi tmiem is-seklu XX wara Kristu kemm dan il-wiċċ tal-art, mgħammar mill-bnedmin, jinħtieġ tiġdid?

It-tiġdid deċiżiv ma jistax jiġi għajr mill-azzjoni vivifikanti tal-Ispirtu li hu biss jistà “jikkonvinċi lid-dinja” (cf. Ġw 16, 8) dwar id-divinità ta’ Kristu, redentur tal-bniedem u tama vera tal-istorja.

Ejjew ngħidu għalhekk flimkien mas-salmista: “Ruħna tixxennaq għall-Mulej, / hu l-għajnuna u t-tarka tagħna. / Fih jinsab l-hena ta’ qalbna, / fl-isem qaddis tiegħu t-tama tagħna” (Sal 33, 20-21).

Iva, ejjew nafdaw fih! Amen.

Miġjub għall-Malti minn Emmanuel Zarb

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading