DISKORS TAL-QDUSIJA TIEGĦU LJUN XIV
LILL-OPERATURI TAL-KOMUNIKAZZJONI
Sala Pawlu VI
It-Tnejn, 12 ta’ Mejju, 2025
(L-ewwel kumment bl-Ingliz) Il-jum it-tajjeb! Grazzi tal-laqgħa sabiħa li tajtuni! Jingħad li ċ-ċapċip tal-bidu mhux wisq importanti… Jekk fl-aħħar tkunu għadkom imqajmin, u tkunu tridu tkomplu ċċapċpu…..Grazzi ħafna!
Ħuti!
Nagħti merħba lilkom, rappreżentanti tal-media mid-dinja kollha. Irroddilkom ħajr għax-xogħol li għamiltu u li għadkom tagħmlu daż-żmien, li essenzjalment, għall-Knisja hu żmien ta’ Grazzja.
Fid-Diskors tal-muntanja Ġesù afferma: “Henjin dawk li jiġibu l-paċi” (Mt 5,9). Beatitudni li tisfidana lkoll u lilkom tolqotkom mill-qrib. Hi sejħa għal impenn biex ilkoll kemm intom tmexxu ‘l quddiem komunikazzjoni differenti, li ma tfittixx il-kunsens immedjat akkost ta’ kollox, ma tirrikorrix għal kliem aggressiv, ma tħaddanx il-mudell tal-kompetizzjoni, qatt ma tifred ir-riċerka tal-verità tal-imħabba li umilment għandna nfittxu dejjem. Il-paċi tibda minn kull wieħed u waħda minnkom: mill-mod kif inħarsu lejn l-oħrajn, nisimgħuhom, nitkellmu magħhom; u, f’das-sens, il-mod ta’ kif nikkomunikaw hu ta’ importanza fundamentali: għandna ngħidu “le” għall-gwerra tal-kliem u tal-immaġni, għandna nibqgħu bogħod mill-mudell tal-gwerra.
Allura, ippermettuli nafferma mill-ġdid is-solidarjetà tal-Knisja mal-ġurnalisti li jinsabu fil-ħabsijiet għax fittxew li jirrakkuntaw il-verità, u b’dal-kliem nitlob ukoll il-ħelsien ta’ dawn il-ġurnalisti. F’dawn il-persuni l-Knisja tagħraf – qed niftakar f’dawk li jirrakkuntaw il-gwerra, anki bir-riskju ta’ ħajjithom – il-kuraġġ ta’ min jiddefendi d-dinjità, il-ġustizzja u d-dritt tal-popli li jkunu infurmati, għax l-għażliet ħielsa jsiru biss mill-popli infurmati. It-tbatija ta’ dawn il-ġurnalisti kalzrati tinterpella l-kuxjenza tan-Nazzjonijiet u tal-komunità internazzjonali, hi twissija għalina lkoll biex inħarsu l-benefiċċju prezzjuż tal-libertà tal-espressjoni u tal-istampa.
Grazzi, għeżież ħbieb tiegħi, tas-servizz li tagħtu lill-verità. Intom ġejtu Ruma dawn l-aħħar ġimgħat biex tirrakkuntaw il-Knisja, il-varjetà tagħha u, fl-istess ħin, l-għaqda tagħha. Akkumpanjajtu r-riti tal-Ġimgħa Mqaddsa; irrakkuntajtu n-niket għall-mewt tal-Papa Franġisku, li ġrat propju fid-dawl tal-Għid. Dik l-istess fidi paskwali li daħħlitna fl-ispirtu tal-Konklavi li kien impenn kbir għalikom, u li għalikom kienu jiem iebsin; u, f’din l-okkażjoni wkoll, irnexxilkom tirrakuntaw is-sbuħija tal-imħabba ta’ Kristu li tgħaqqadna lkoll u tagħmilna poplu wieħed immexxi mir-Ragħaj it-tajjeb.
Ninsabu fi żminijiet diffiċli kemm biex ngħixuhom u biex nirrakkuntawhom. Huma sfida għalina lkoll, sfida li m’għandniex naħarbu minnha. Għall-kuntrarju, dawn iż-żminijiet jitolbu minna lkoll, kulħadd fid-diversi rwoli li għandu u s-servizzi li jagħti, biex qatt ma nħallu l-medjokrità tirkibna. Il-Knisja trid taċċetta l-isfida taż-żmien u, bl-istess mod il-komunikazzjoni u l-ġurnaliżmu ma jistgħux jimirħu ‘l barra miż-żmien u mill-istorja. Kif ifakkarna Santu Wistin, li kien jgħid: “ngħixu tajjeb u ż-żminijiet ikunu tajba” (cfr Diskors 311). Iż-żminijiet infassluhom aħna.
Għalhekk grazzi għal kulma għamiltu biex titbiegħdu mill-isterjotipi u l-klixè, li spiss huma l-kriterji li bihom niġġudikaw il-ħajja nsranija u l-ħajja tal-Knisja nfisha. Grazzi għax irnexxilkom tisiltu l-essenzjal ta’ dak li aħna, u tgħadduh b’kull mezz lid-dinja kollha.
Waħda mill-aktar sfidi importanti llum hi l-promozzjoni ta’ komunikazzjoni bil-ħila li tgħinna noħorġu “mit-torri ta’ Babel” li ximindaqqiet insibu ruħna fih, mill-konfużjoni ta’ lingwaġġi nexfin mill-imħabba, spiss ideoloġiċi u foloz. Għalhekk, is-servizz tagħkom, il-kliem li tużaw u l-istil li tagħżlu huma importanti. Infatti, il-komunikazzjoni mhix biss trasmissjoni tal-informazzjoni, iżda ħolqien ta’ kultura, ta’ ambjenti umani u diġitali li jsiru mkejjen ta’ djalogu u konfront. U meta nħarsu lejn l-iżvilupp teknoloġiku, dil-missjoni ssir ferm u ferm aktar meħtieġa. Qed naħseb b’mod partikolari, fl-intelliġenza artifiċjali bil-potenzjal immens tagħha, li però tesiġi responsabbiltà u dixxerniment biex l-istrumenti tagħha torjentahom lejn il-ġid ta’ kuħadd, sabiex ikunu ta’ benefiċċju għall-umanità. Kullħadd hu responsabbli ta’ dan fil-qies tal-età u l-irwol soċjali ta’ kull persuna.
Għeżież ħbieb, maż-żmien għad nitgħallmu nsiru nafu lil xulxin aħjar. Għexna – nistgħu ngħidu flimkien – jiem tassew speċjali. Qsamniehom, qsamtuhom b’kull mezz possibbli ta’ komunikazzjoni: it-TV, ir-radju, il-web, u l-mezzi soċjali. Nixtieq ħafna li kull wieħed u waħda minna nkunu nistgħu ngħidu li dawn il-messaġġi kixfulna rokna żgħira mill-misteru tal-umanità tagħna, u li ħallewlna xewqa ta’ mħabba u paċi. Għaldaqstant itenni llum l-istedina li kien għamel il-Papa Franġisku fl-aħħar messaġġ tiegħu għall-Jum Dinji tal-Komunikazzjonijiet Soċjali li ġej: inżarmaw il-komunikazzjoni minn kull preġudizzju, rankur, fanatiżmu u mibegħda; insaffuha mill-aggressività. Mhemmx bżonn ta’ komunikazzjoni bombastika imma pjuttost nagħmluha komunikazzjoni ta’ smigħ, li tiġbor fiha l-leħen ta’ min hu dgħajjef u li m’għandux vuċi. Inneħħu l-aggressjoni minn kliemna biex ikun kontribut ħalli nneħħu l-armi mid-dinja. Komunikazzjoni żarmata u diżarmanti li tgħinna nħarsu lejn id-dinja b’mod differenti imma maqbul, u nġibu ruħna b’mod koerenti mad-dinjità umana tagħna.
Intom minn ta’ quddiem nett biex tirrakkuntaw il-kunflitti u t-tamiet tal-paċi, is-sitwazzjonijiet ta’ inġustizzja u faqar, il-ħidma fis-skiet ta’ tant li jridu dinja aħjar. Għalhekk nitlobkom li l-għażliet tagħkom lejn it-triq ta’ komunikazzjoni ta’ paċi tagħmluhom bil-kuxjenza u bil-kuraġġ.
Grazzi lilkom ilkoll. Alla jberikkom!
Miġjub gall-Malti minn Joe Huber