DISKORS TAL-QDUSIJA TIEGĦU LJUN XIV
LILL-BROTHERS TAL-ISKEJJEL INSARA
Il-Ħamis, 15 ta’ Mejju, 2025
Fl-isem tal-Missier, tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu, il-paċi magħkom!
Eminenza,
għeżież ħuti, merħba!
Inħossni kuntent ħafna li qed nilqagħkom fit-tielet ċentinarju tal-promulgazzjoni tal-Bolla In apostolicae dignitatis solio, li biha l-Papa Benedittu XIII kien approva l-Istituzzjoni u r-Regola tagħkom (26 ta’ Jannar, 1725). Ma’ dan jaħbat ukoll il-75 anniversarju minn meta l-Papa Piju XII kien ipproklama lil San Ġwanni Battista de La Salle bħala “Patrun ċelesti tal-edukaturi kollha” (cfr Ittra App. Quod ait, 15 ta’ Mejju, 1950: AAS 12, 1950, 631-632).
Wara tlett sekli, sabiħ naraw illi l-preżenza tagħkom għadha ġġorr magħha l-freskezza ta’ realtà edukattiva għanja u wiesa’, li biha f’bosta nħawi tad-dinja għadkom tiddedikaw ruħkom għall-formazzjoni taż-żgħażagħ bl-entużjażmu, bil-fedeltà u bi spirtu ta’ sagrifiċċju.
Propju fid-dawl ta’ dawn ir-rikorrenzi, nixtieq nirrifletti magħkom dwar żewġ aspetti tal-istorja tagħkom li jidhirli huma importanti għalina lkoll: l-attenzjoni lejn l-attwalità u d-dimensjoni ministerjali u missjunarja tat-tagħlim lill-komunità.
Il-bidu tal-ħidma tagħkom jitkellem ħafna dwar “l-attwalità”. San Ġwanni Battista de La Salle beda l-opra tiegħu biex iwieġeb talba għall-għajnuna minn wieħed lajk, Adriano Nyel, li kien qed isibha diffiċli ħafna jżomm miftuħin “l-iskejjel tal-foqra”. It-talba ta’ dar-raġel, il-fundatur tagħkom raha bħala sinjal minn Alla, aċċetta l-isfida u medd għonqu għax-xogħol. Hekk, lil hinn mill-intenzjonijiet tiegħu u minn dak li kien jistenna, ta bidu għal sistema ġdida ta’ tagħlim: l-iskejjel kristjani, b’xejn u miftuħin għal kulħadd. Fost in-novitajiet li introduċa f’dir-rivoluzzjoni pedagoġika niftakru t-tagħlim fi klassi u mhux aktar lil studenti individwalment; l-użu tal-Franċiz bħala lingwa tad-didattika, lingwa aċċessibbli għal kulħadd, minflok il-Latin; il-lezzjonijiet ta’ nhar ta’ Ħadd li fihom setgħu jieħdu sehem iż-żgħażagħ li matul il-ġimgħa kien bilfors ikollhom jaħdmu; is-sehem tal-familji fil-mixja skolastika tal-ulied skont il-prinċipju “tat-trianglu edukattiv”, li għadu validu sal-lum. Aktar ma’ kienu jitfaċċaw problemi, minflok jaqtgħulu qalbu, kienu jistimulawh biex ifittex risposti kreattivi u jfittex toroq ġodda u spiss mhux esplorati.
Dan kollu ma jistax jonqos li jġagħalna nirriflettu u jqanqal fina mistoqsijiet utli. F’jiemna, liema huma l-isfidi l-aktar urġenti tad-dinja taż-żgħażagħ li għandna naffrontaw? Liema valuri għandna nippromwovu? Liema riżorsi jistgħu jtuna serħan ir-ras?
Iż-żgħażagħ ta’ żmienna, bħal dawk ta’ kull epoka, huma vulkan ta’ ħajja, enerġiji, sentimenti, ideat. Dan hu ċar mill-meravilja ta’ dak li jafu jagħmlu f’tant oqsma. Imma huma għandhom bżonn ukoll l-għajnuna, biex bl-armonija jkabbru l-bosta għana tagħhom u biex jegħlbu dak li, għalkemm differenti mill-imgħoddi, jista’ jfixkel l-iżvilupp sân tagħhom.
Jekk, per eżempju, fis-seklu sbatax l-użu tal-lingwa Latina kien barriera komunikattiva insuperabbli għal ħafna, illum hemm ostakli oħra x’wieħed jiffaċċja. Niftakru fl-iżolament li qed iġibu magħhom mudelli realazzjonali mifruxa sew u li t-timbru tagħom hu s-superfiċjalità, l-individwaliżmu u l-insabbiltà affettiva; il-firxa ta’ skemi ta’ ħsieb imdgħajfin mir-relattiviżmu; id-dominanza ta’ ritmi u stili ta’ ħajja li minħabba fihom ma baqax ħin għas-smigħ, għar-riflessjoni u d-djalogu, fl-iskola, fil-familja, kultant anki fost min hu tal-istess età, bis-solitudni li jġibu magħhom.
Dawn huma sfidi impenjattivi, li minnhom aħna wkoll, bħal San Ġwanni Battista de La Salle, nistgħu nieħdu spunt biex nesploraw toroq, nelaboraw strumenti u nadottaw lingwaġġi ġodda lil bihom immissu l-qalb tal-istudenti, ngħinuhom u nixprunawhom biex bil-kuraġġ jaffrontaw kull ostaklu ħalli fil-ħajja jagħtu l-aħjar tagħhom, skont il-pjanijiet ta’ Alla. F’das-sens hu ta’ min ifaħħar l-attenzjoni li tagħtu fl-iskejjel tagħkom, lill-formazzjoni tal-għalliema u t-twaqqif ta’ komunitajiet ta’ edukazzjoni, li fihom l-isforz didattiku jistgħana bil-kontribuzzjoni ta’ kulħadd. Inħeġġiġkom biex tkomplu tterrqu dawn it-toroq.
Imma nixtieq insemmi aspett ieħor tar-realtà lasalljana li jidhirli hu importanti: it-tagħlim li jingħex bħala ministeru u missjoni, bħala konsagrazzjoni fil-Knisja. San Ġwanni Battista de La Salle ma riedx li fost l-għalliema fl-iskejjel insara jkun hemm saċerdoti., imma biss “aħwa”, sabiex kull sforz tagħkom, bl-għajnuna t’Alla, ikun indirizzat lejn l-edukazzjoni tal-istudenti. Kien iħobb jgħid: “L-altar tagħkom hu l-katedra”, biex hekk jippromwovi fil-Knisja ta’ żmienu realtà li sa dakinhar kienet għadha mhux magħrufa: dik ta’ għalliema u katekisti lajċi fil-komunità mogħtijin “ministeru” veru u individwali skont il-prinċipju li bl-edukazzjoni tevanġelizza u teduka bl-evanġelizzazzjoni (cfr Franġisku, Diskors lill-parteċipanti fil-Kapitlu Ġenerali tal-Brothers tal-Iskejjel Insara, 21 ta’ Mejju, 2022.
Hekk, il-kariżma tal-iskola, li intom tagħmlu bir-raba’ vot għat-tagħlim, minbarra servizz lis-soċjetà u opra prezzjuża tal-karità, jidher illum ukoll bħala tberriħ mill-isbaħ u elokwenti ta’ dak il-munus saċerdotali, profetiku u regali li lkoll irċevejna fil-Magħmudija, kif jisħqu d-dokumenti tal-Konċilju Vatikan II. Hekk, fir-realtajiet edukattivi tagħkom, ir-reliġjużi jagħmlu viżibbli profetikament, bis-saħħa tal-konsagrazzjni tagħhom, il-ministerjalità batteżimali li tixpruna lil kulħadd (cfr Kost. Domm. Lumen gentium, 44), kulħadd skont l-istat u d-dmirijiet tiegħu, mingħajr differenzi, biex jikkontribwixxi bħala membru ħaj għat-tisħiħ tal-Knisja u tal-qdusija personali permanenti” (ivi, 33).
Għal dir-raġuni nawgura li l-vokazzjonijiet għall-konsagrazzjoni reliġjuża lasalljana jiżdiedu, ikunu inkoraġġjati u jingħataw importanza fl-iskejjel tagħkom u ‘l barra minnhom, u f’sinerġija mal-komponenti formattivi l-oħrajn kollha jkunu kontribut biex fiż-żgħażagħ li jiffrekwentawhom jitqanqalu mixjiet ferrieħa u għammiela ta’ qdusija.
Grazzi għal dak li tagħmlu! Nitlob għalikom u ntikom il-Barka Appostolika, li bil-qalb kollha nestendi lill-familja lasalljana kollha.
Miġjub għall-Malti minn Joe Huber