LJUN XIV
UDJENZA ĠENERALI
Pjazza San Pietru
L-Erbgħa 28 ta’ Mejju 2025
Ċiklu ta’ Katekeżi – Ġublew 2025. Ġesù Kristu t-tama tagħna. II. Il-ħajja ta’ Ġesù. Il-parabboli. 7. Is-Samaritan. Wasal ħdejh, rah u tħassru (Lq 10:33b)
Għeżież ħuti,
Inkomplu nimmeditaw fuq xi parabboli tal-Vanġelu li huma okkażjoni biex nibdlu l-perspettiva tagħna u niftħu qalbna għat-tama. Xi drabi, in-nuqqas ta’ tama jiġi mill-fatt li niffissaw fuq ċertu mod riġidu u magħluq ta’ kif naraw l-affarijiet, u l-parabboli jgħinuna nħarsu lejhom minn perspettiva oħra.
Illum nixtieq inkellimkom fuq persuna esperta, ippreparata, mgħallem tal-Liġi, imma li għandu bżonn jibdel il-perspettiva, għax hu ffukat wisq fuqu nnifsu u ma jintebaħx bl-oħrajn (ara Lq 10:25-37). Fil-fatt hu jistaqsi lil Ġesù dwar x’jagħmel biex “jiret” il-ħajja ta’ dejjem, u juża espressjoni li biha qed jifhem xi ħaġa li bilfors għandu dritt għaliha. Imma wara din il-mistoqsija forsi hemm moħbi bżonn ta’ attenzjoni: l-unika kelma li dwarha jitlob spjegazzjonijiet lil Ġesù hija t-terminu “proxxmu”, li litteralment ifisser dak li hu qrib.
Għalhekk Ġesù jirrakkontalu parabbola li hi mixja biex jibdel dik il-mistoqsija, biex jgħaddi minn min iħobbni? għal min ħabb? L-ewwel waħda hi mistoqsija immatura, it-tieni hi l-mistoqsija tal-adult li fehem is-sens tal-ħajja tiegħu. L-ewwel mistoqsija hi dik li nlissnu meta noqogħdu f’rokna nistennew, it-tieni hi dik li twassalna biex nibdew mexjin.
Fil-fatt, il-parabbola li jirrakkonta Ġesù bħala xenarju għandha sewwasew triq, u hija triq diffiċli u iebsa, bħalma hi l-ħajja. Hija t-triq li jimxi wieħed raġel li nieżel minn Ġerusalemm, il-belt fuq il-muntanja, lejn Ġeriko, il-belt taħt il-livell tal-baħar. Hija xbieha li diġà tirriferi għal dak li seta’ jiġri: fil-fatt jiġri li dak ir-raġel jaqbżu fuqu l-ħallelin, isawtuh, jisirquh u jħalluh nofsu mejjet. Hija l-esperjenza li sseħħ meta s-sitwazzjonijiet, il-persuni, xi drabi saħansitra dawk li fdajniehom, jeħdulna kollox u jħalluna f’nofs ta’ triq.
Imma l-ħajja hi magħmula minn laqgħat, u f’dawn il-laqgħat nidhru kif tassew aħna. Insibu ruħna quddiem l-ieħor, quddiem id-dgħufija tiegħu, u rridu niddeċiedu x’ħa nagħmlu: jew nieħdu ħsiebu jew nagħmlu tabirruħna mhu jiġri xejn. Saċerdot u levita jgħaddu minn din l-istess triq. Huma persuni li jagħtu s-servizz fit-Tempju ta’ Ġerusalemm, li jgħixu fl-ispazju sagru. Imma, il-prattika tal-kult ma twassalniex awtomatikament biex nuru ħniena. Fil-fatt, qabel ma hi kwistjoni reliġjuża, il-mogħdrija hi kwistjoni ta’ umanità! Qabel ma nemmnu, aħna msejħin inkunu umani.
Nistgħu nimmaġinaw li, wara li kienu ilhom ħin twil Ġerusalemm, dak is-saċerdot u dak il-levita kellhom seba’ mitt sena biex jerġgħu jinġabru lura d-dar. Hija proprju l-għaġla, hekk preżenti fil-ħajja tagħna, li ħafna drabi żżommna milli nuru mogħdrija. Min jaħseb li l-vjaġġ tiegħu għandu jieħu prijorità, mhuwiex lest li jieqaf minħabba xi ħadd ieħor.
Imma jasal xi ħadd li effettivament kapaċi jieqaf: Samaritan, jiġifieri wieħed li ġej minn poplu mistkerrah (ara 2 Slat 17). Fil-każ tiegħu, it-test ma jippreċiżax id-direzzjoni, imma jgħid biss li kien qed jivvjaġġa. Ir-reliġjożità hawnhekk ma tidħolx. Dan is-Samaritan jieqaf sempliċiment għax huwa bniedem quddiem bniedem ieħor li għandu bżonn l-għajnuna.
Il-mogħdrija tesprimi ruħha permezz ta’ ġesti konkreti. L-evanġelista Luqa jeħodha fit-tul meta jitkellem dwar x’għamel is-Samaritan, li aħna nsejħulu “t-tajjeb”, imma li fit-test hu sempliċiment persuna: is-Samaritan jersaq qrib, għax jekk int trid tgħin lil xi ħadd ma tistax timmaġina li tibqa’ bogħod, imma trid tindiehes, titħammeġ, forsi anki tittieħed; jinfaxxalu l-ġrieħi wara li jkun dewwihomlu biż-żejt u l-inbid; itellgħu fuq il-bhima tiegħu, jiġifieri jitgħabba bih hu, għax nistgħu tassew ngħinu lil ħaddieħor jekk aħna lesti nħossu t-toqol tal-uġigħ tal-ieħor; jieħdu f’lukanda fejn jonfoq il-flus, “biċċtejn”, ftit jew wisq jumejn xogħol; u jieħu l-impenn li jerġa’ lura u eventwalment jerġa’ jħallas, għax l-ieħor mhuwiex xi pakkett li jrid jeħles minnu, imma persuna biex jieħu ħsiebha.
Għeżież ħuti, meta aħna wkoll ħa nkunu kapaċi ninterrompu l-vjaġġ tagħna u nuru mogħdrija? Meta nkunu fhimna li dak ir-raġel midrub mat-triq jirrappreżenta lil kull wieħed u waħda minna. U allura l-memorja ta’ dawk id-drabi kollha li fihom Ġesù waqaf biex jieħu ħsieb tagħna tagħmilna iktar kapaċi nagħdru.
Mela, ejjew nitolbu li nikbru fl-umanità, hekk li r-relazzjonijiet tagħna jkunu iżjed veri u iżjed għanja fil-mogħdrija. Nitolbu lill-Qalb ta’ Kristu l-grazzja li jkollna dejjem aktar l-istess sentimenti tagħha.
Miġjub għall-Malti minn Francesco Pio Attard