Il-Papa Ljun XIV dwar Nicea u l-Knisja tat-Tielet Millenju.

INDIRIZZ TAL-QDUSIJA TIEGĦU LJUN XIV
LILL-PARTEĊIPANTI LI ĦADU SEHEM FIS-SIMPOŻJU 
“NIĊEA U L-KNISJA TAT-TIELET MILLENNJU: 
LEJN L-GĦAQDA BEJN IL-KATTOLIĊI U L-ORTODOSSI”
LI SAR FL-UNIVERSITÀ PONTIFIĊJA ‘SAN TUMAS TA’ AQWINU’”

[4-7 TA’ ĠUNJU, 2025]

Sala Clementina
Is-Sibt, 7 ta’ Ġinju, 2025

Il-paċi magħkom!

Eminenza,
Eċċellenzi,
Distinti Professuri,
Għeżież ħuti fi Kristu,

Nagħti merħba mill-qalb lilkom ilkoll li qed tieħdu sehem fis-Simpożju “Niċea u l-Knisja tat-Tielet Millennju: Lejn l-Għaqda bejn il-Kattoliċi u l-Ortodossi”, imniedi mill Œcumenicum – l-Istitut tal-iStudji Ekumeniċi tal-Angelicum – u l-Assoċjazzjoni Internazzjonali Teoloġika Ortodossa.  It-tislima tiegħi tmur b’mod sepċjali lejn ir-rappreżentanti tal-Knejjes Ortodossi u Ortodossi Orjentali, li bosta minnhom onorawni bil-preżenza tagħhom dakinhar li inawgurajt il-Pontifikat tiegħi.

Qabel ma nkompli bir-rimarki formali nixtieq nitlob skuża li wasalt ftit tard u nitlobkom tieħdu ftit paċenzja bija. Għad lanqas ilni xahar f’dax-xogħol ġdid tiegħi, għalhekk hemm ħafna esperjenzi li rrid nitgħallem minnhom.  Imma jien kuntent li ninsab magħkom dalgħodu.

Jien kuntent nara li s-Simpożju hu orjentat b’determinazzjoni lejn il-ġejjieni.  Il-Konċilju ta’ Niċea mhux sempliċi ġrajja tal-imgħoddi imma boxxla li għandha tkompli tiggwidana lejn għaqda li tidher bejn l-Insara.  L-ewwel Konċilju Ekumeniku hu fundamentali għall-vjaġġ komuni li l-Kattoliċi u l-Ortodossi bdew flimkien mill-Konċilju Ekumeniku Vatikan II ‘l hawn.  Għall-Knejjes Orjentali, li jiċċelebraw din it-tifkira fil-kalendarju liturġiku tagħhom, il-Konċilju ta’ Niċea mhux sempliċi Konċilju fost oħrajn jew l-ewwel wieħed f’sensiela, imma l-Konċilju per eċċellenza, li nieda n-normi tal-fidi Nisarnija, l-istqarrija tal-fidi tat-“318-il Missirijiet”.

It-tliet temi tas-Simpożju tagħkom huma rilevanti b’mod speċjali għall-mixja ekumenika tagħna.  L-ewwel, il-fidi ta’ Niċea.  Kif osservat il-Kummissjoni Teoloġika Internazzjonali fid-Dokument fl-okkażjoni tal-1700 anniversarju ta’ Niċea, is-sena 2025 tirrappreżenta “opportunità ta’ siwi kbir li tenfasizza illi dak li hemm komuni bejnietna hu ferm aktar konkret, kemm fil-kwantità kif ukoll fil-kwalità, minn dak li jifridna.  Ilkoll flimkien nemmnu f’Alla Trinitarju, fi Kristu bħala veru bniedem u veru Alla, u fis-salvazzjoni permezz ta’ Ġesù Kristu, skont l-Iskrittura li tinqara fil-Knisja bil-gwida tal-Ispirtu s-Santu.  Ilkoll flimkien nemmnu fil-Knisja, fil-Magħmudija, fil-qawmien mill-imwiet u l-ħajja ta’ dejjem (Ġesù Kristu, Iben Alla, Salvatur, n. 43).  Jien konvint li kif nitfgħu ħarsitna lura lejn il-Konċilju ta’ Niċea u flimkien ninsqew minn din l-għajn komuni, inkunu nistgħu naraw il-punti li għadhom jifirduna f’dawl differenti.  Permezz ta’ djalogu teoloġiku u bl-għajnuna t’Alla, nifhmu aħjar il-misteru li jgħaqqadna.  Meta niċċelebraw flimkien dil-fidi ta’ Niċea, u meta nistqarruha flimkien, inkunu nersqu lejn ir-restawrazzjoni ta’ komunjoni sħiħa bejnietna.

It-tieni tema tas-Simpożju kienet is-Sinodalità.  Il-Konċilju ta’ Niċea inawgura mixja sinodali biex il-Knisja timxi fiha meta tittratta kwistjoniijiet teoloġiċi u kanoniċi f’livell universali.  Il-kontribuzzjoni tad-delegati fraterni minn Knejjes u komunitajiet mil-Lvant u mill-Punent fis-Sinodu dwar is-Sinodalità li sar dan l-aħħar fil-Vatikan, kien stimulu ta’ siwi għal riflessjoni akbar dwar in-natura u l-prattika tas-sinodalità.  Id-Dokument Finali tas-Sinodu nnota illi “d-djalogu ekumeniku hu fundamentali biex tkun żviluppata u nifhmu aħjar is-sinodalità u l-għaqda tal-Knisja” u kompla jinkoraġġixxi żvilupp ta’ “prattiċi ekumeniċi, inkluz għamliet ta’ konsultazzjoni u dixxerniment, dwar kwistjonijiet urġenti u ta’ interess komuni” (Lejn Knisja Sinodali: Komunjoni, Parteċipazzjoni, Missjoni, n. 138).  Hi tama tiegħi li t-tħejjija li qed nagħmlu flimkien biex infakkru l-1700 anniversarju tal-Konċilju ta’ Niċea tkun okkażjoni providenzjali “biex inseddqu u nistqarru flimkien il-fidi tagħna fi Kristu u biex inqiegħdu fis-seħħ forom ta’ sinodalità bejn l-Insara tat-tradizzjonijiet kollha” (cf. Ibid., n. 139).

It-tielet tema li eżamina s-Simpożju kienet id-Data tal-Għid il-Kbir.  Kif nafu, waħda mill-miri tal-Konċilju ta’ Niċea kienet li tkun stabbilita data komuni għall-Għid biex inkunu nistgħu nistqarru l-għaqda tal-Knisja tul l-oikoumene kollu.  B’għafsa ta’ qalb, id-differenzi fil-kalendarju ma ppermettewx lill-Insara jiċċelebraw flimkien l-aktar festa importanti tas-sena liturġika, u nħolqu problemi pastorali fi ħdan komunitajiet, firdu familji u dgħajfu l-kredibbiltà tax-xhieda tagħna tal-Evanġelju.  Kienu proposti bosta soluzzjonijiet konkreti biex niċċelebraw flimkien “il-Festa tal-Festi”.  Dis-sena, li fiha l-Insara kollha ċċelebraw l-Għid fl-istess ġurnata, jien nafferma mill-ġdid li l-Knisja Kattolika hi miftuħa biex tinstab soluzzjoni ekumenika li tiffavorixxi ċelebrazzjoni komuni tal-qawmien tal-Mulej u hekk tingħata aktar forza missjunarju lill-predikazzjoni tagħna dwar “l-isem ta’ Ġesù u s-salvazzjni li tiġi mill-fidi tal-verità salvifika tal-Evanġelju”. (Indirizz lill-Opri Missjunarji Pontifiċji, 22 ta’ Mejju, 2025).

Ħuti, fil-vġili ta’ Pentekoste, ejjew niftakru li l-għaqda li l-insara jixtiequ, primarjament, mhix se tkun frott tal-isforzi tagħna, u lanqas se seħħ b’xi mudell jew pjanijiet imħejjija minn qabel.  Aktar minn kollox l-għaqda se tkun rigal li nirċievu “kif irid Kristu u bil-mezzi li jrid Hu” (Talba għall-Għaqda ta’ Father Paul Couturier), bil-ħidma tal-Ispirtu s-Santu.  Għalhekk, issa nistedinkom tqumu bilwieqfa biex nimploraw flimkien lill-Ispirtu sabiex itina r-rigal tal-għaqda.  It-talba li se ngħid meħuda mit-tradizzjoni tal-Orjent:

“Sultan tas-sema, Paraklitu, l-Ispirtu tal-verità, 
li tinsab kullimkien u li timla kollox, 
it-Τeżor ta’ kull ġid, u Dak li jagħti l-ħajja, 
ejja għammar fina, 
naddafna minn kull tebgħa 
u salva, o Twajjeb, l-erwieħ tagħna.” Ammen.

Il-Mulej magħkom.  Il-barka t’Alla li jista’ kollox, il-Missier, l-Iben u l-Ispirtu s-Santu tinżel fuqkom u tibqa’ magħkom għal dejjem.  Ammen.  Grazzi ħafna.

Miġjub għall-Malti minn Joe Huber

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading