KARITÀ BIL-PREFERENZI

Storja żgħira ta’ San Ġorġ Preca b’tagħlim għalina
Kitba ta’ Joe Galea

San Ġorġ Preca jistedinna naħsbu dwar storja li jqiegħed qudiemna, ta’ waħda mara armla li ma ddejqitx titkellem b’mod xejn sabiħ fuq sinjur, is-Sur Ġann, li kien jagħtiha xi flus għax kienet fqira. Dak li qalet kien ‘lil hemm minn kull etika, għax kelma trid toqgħod attent mhux biss kif tgħidha imma wkoll il-waqt, u jekk għandek tgħidha.

L-istorja hi hekk: Madwar it-tebut tas-Sur Ġann kien hemm erba sinjuri ħbieb tiegħu qed jitolbu għal ruħu, qabel il-funeral. Wara li talbu flimkien, wieħed minhom qal: “Jekk ma marx il-ġenna għall-ħniena ta’ qalbu s-Sur Ġann, ma nafx min se jmur!” Ħadd ma stenna li dak il-ħin il-mara armla li nzertat kienet hemm indaħlet u weġbitu: “Veru li s-Sur Ġann ta bosta flus mill-ġid kbir tiegħu, u qalbu kienet tħenn, iżda l-ħniena tiegħu kien jużaha ma’ min ried hu, u ma’ min lilu għoġob.” Is-sinjur qalilha: “X’tifhem tgħid b’dan?” Qaltlu: “Nifhem ngħid li xi ġranet qabel ma marad, lili bagħtni ’l barra xħin tlabtu għajnuna, u lil mara oħra fl-istes ħin, wisq inqas fil-bżonn minni, taha nofs lira b’dispjaċir ta’ qalbi għal preferenza li għamel.”

Din il-mara misset punt li forsi aħna wkoll kellna l-esperjenza tiegħu, dak tal-preferenzi. F’din l-istorja l-preferenzi, skont l-armla, wasslu biex hi ma tingħatax trattament daqs fqira oħra. Il-preferenzi u l-konsegwenzi tagħhom imorru ‘lil hemm minn dan il-kas. Kemm persuni ma ngħatawx impieg biex jingħata lil min għaraf jiġbed is-simpatiji ta’ dawk li qed jagħmlu l-għażla! Kemm nies batew minħabba l-preferenzi!

F’dinja nġusta immarkanta bil-preferenzi u bil-favuri. Imma wkoll jekk inċedu billi ngħidu: “kulħadd hekk jagħmel”, jew “għax hekk jaqbillek”, aħna bħala Nsara veri rridu naħdmu għal dak li hu ġust u dak li hu sewwa. Wara kollox, dik li se tkun il-karta tal-aqwa u l-aħħar eżami li se jkollna kull wieħed u waħda minna.

Veru li bħala umani aħna għandna l-fraġilità tagħna. Bla ma rridu nħossu li ninġibdu lejn uħud u nagħtu l-ġenb lil oħrajn. Fin-natura tagħna, li ninġibdu lejn min jogħġobna. Oħrajn, mingħajr ma jindunaw, idejquna, u nħalluhom barra. Ma jkollniex grazzja magħhom; jagħmlu x’jagħmlu, ma jogħġobniex.

Imma din mhix raġuni biex nagħmlu l-preferenzi. Irridu noħduha kontra dak li jaqblilna, kontra l-vantaġġi li jista’ jkollna, il-qliegħ li jista’ jkollna għax għamilna preferenza. Irridu nkunu ġusti, dejjem. Preferenza li refgħet lil xi ħadd u ċaħħdet lil oħrajn, għax kienet tammonta għal telf ta’ finanzi, li tellfet karriera, hija dnub u titlob kumpens għat-telf li kkawżajna, kif ukoll il-maħfra tal-Qrar.

Il-qaddisin ma sarux qaddisin għax sabu kollox favurihom. Santa Tereża ta’ Lisieux, li nafuha wkoll bħala Santa Tereża tal-Bambin Ġesu’, iltaqgħet ma karattri differenti fil-monasteru. Imma tgħallimna kif kif għandna nġibu ruħna. Tereża tikteb hekk: “Fil-Karmelu mhux se tiltaqa’ ma’ għedewwa, imma b’xi mod hemm simpatiji: min iħossu miġbud lejn dik is-soru filwaqt li jżomm lura minn oħra.” U tistaqsi: ‘Kif se nibqgħu b’moħħ kwiet u seren meta nħossuna rrabjati għall-imġieba ta’ xi ħadd fil-konfront tagħna? Kif se nirbħu t-tentazzjonijiet ta’ nuqqas ta’ paċenzja li spiss jiġu fuqna fir-relazzjoni tagħna mal-oħrajn, fosthom dawk tal-familja tagħna?”

Għax ġieli nsibu ruħna fi kriżi emottiva, pronti għar-reazzjoni. Tereża tinkuraġġixxi lin-novizzi tagħha biex jirbħu mill-ewwel it-tentazzjoni ta’ nuqqas ta’ paċenzja billi jaraw mill-ewwel għaliex se jinnervjaw għal xi azzjoni. “Għax qed ninnervja?” “Din bluha tiegħi jekk nagħmel hekk.” U tistaqsi: “Min jaf kieku jien kont minfok dik is-soru?” Għax tajjeb li nkunu sensittivi. Hawn tiġina f’moħħi l-istedina ripetuta tal-għażiż Papa Franġisku: “Ma nibżgħux mit-tenerezza!” Dan jgħinna biex nagħdru dejjem.

Fil-kas tal-armla u s-Sinjur Filippu, ix-xenarju hu ta’ dar fejn hemm in-niket għal telfa ta’ persuna. Is-sinjuri ħbieb tiegħu iddeskrivewh bħala raġel tajjeb u karitattiv, anzi, kif ngħidu “m’hawnx bħalu!” Min-naħa tagħha jidher li l-armla ma marritx biex issellem lill-benefattur tagħha imma biex takkwista xi ħaġa.

It-telfa ta’ persuna titlob attenzjoni għal kif għandna nġibu ruħna u kif nitkellmu. Naħsbu minn qabel liema kliem se nużaw biex nagħtu l-faraġ lill-familja. Għal xi wħud, aħjar jibqgħu siekta, kemm juru r-rispett tagħhom. Mhemmx kliem x’tagħżel imma żgur mhux dak li semmiet l-armla.

Hawn tidħol l-edukazzjoni, li mingħajrha nistgħu niżbaljaw, edukazzjoni mit-trobbija fil-familja u mill-ambjenti li ngħixu fihom. Għalhekk ma nagħtix tort lill-armla, u niskużawha għax forsi li s’hemm kienet tasal. Imma kemm hu sabiħ li jkollna soċjetà li taf taħseb, taf tagħżel, taf tiġġudika, taf tqiegħed il-kelma.

U din hi r-responsabbiltà tal-edukaturi u ta’ dawk li jgawdu ċertu rispett. Kemm ikollna mġieba aktar xierqa kieku nisimgħu b’attenzjoni u b’mod regolari l-kliem siewi tas-Saċerdoti fl-omeliji tal-Quddiesa u fil-pariri li jagħtuna fil-Qrar u f’okkażjonijiet oħra. Għandna bżonn ta’ edukazzjoni ta’ kif inġibu ruħna mal-oħrajn fiċ-ċirkustanzi differenti. Nitgħallmu ngħixu f’komunità li tagħder, li ma tweġġax lill-oħrajn imma kif kien jgħid San Ġorġ Preca nħallu lin-nies dejjem b’tagħlima ta’ ġid.

Fittex aktar minn u dwaer San Ġorġ Preca … https://www.laikos.org/sgp.htm

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading