Messaġġ tal-Papa Ljun XIV liż-Żgħażagħ ta’ Chicago u tad-dinja kollha.

MESSAĠĠ BIL-VIDJO TAL-QDUSIJA TIEGĦU LJUN XIV
LIŻ-ŻGĦAŻAGĦ TA’ CHICAGO U TAD-DINJA KOLLHA
[Rate Field f’Chicago]
14 ta’ Ġunju, 2025

Għeżież ħbieb tiegħi,

Jien kuntent li qed insellem lilkom miġburin fil-Park White Sox għal diċ-ċelebrazzjoni kbira bħala komunità ta’ fidi, fl-arċidjoċesi ta’ Chicago.  Tislima speċjali lill-Kardinal Cupich, lill-isqfijiet awżiljarji, lil ħbiebi kollha miġburin illum fl-okkażjoni tas-solennità tat-Trinità Qaddisa.

U rrid nibda minn hawn, għaliex it-Trinità hi mudell tal-imħabba t’Alla għalina.  Alla: Missier, Iben u Spirtu.  Tliet persuni f’Alla wieħed li jgħixu fil-profondità tal-imħabba, f’komunità, u dik il-komunjoni jaqsmuha magħna lkoll.

Għalhekk, filwaqt li llum intom miġburin għal diċ-ċelebrazzjoni kbira, nixtieq nistqarrilkom il-gratitudni tiegħi u fl-istess ħin nikoraġġikom biex tkomplu tibnu komunitajiet, ħbiberiji, bħal aħwa, fil-ħajja tagħkom ta’ kuljum, fil-familji tagħkom, fil-parroċċi tagħkom, fl-arċidjoċesi u fid-dinja kollha.

Għaldaqstant nixtieq insellem speċjalment liż-żgħażagħ kollha – lilkom miġburin hawn u lil dawk li forsi qed isegwu din it-tislima permezz tal-mezzi teknoloġiċi, bl-internet.  Intom u tikbru flimkien, forsi jirnexxilkom tagħrfu – speċjalment wara li għextu ż-żmien tal-pandemija – waqtiet ta’ iżolament, diffikultajiet kbar, kultant ukoll problemi fil-familji tagħkom u fid-dinja tagħna tal-lum.  Kultant jiġri li ċ-ċirkostanzi ta’ ħajjitkom itellfulkom l-opportunità li tgħixu l-fidi, li tgħixu bħala membri ta’ komunità ta’ fidi, u jien irrid nieħu din l-okkażjoni biex nistieden lil kull wieħed u waħda minnkom biex tinżlu ftit fil-fond ta’ qalbkom, biex tagħrfu li Alla hu preżenti u li, forsi b’modi differenti, Alla qed ifittixkom, qed isjeħilkom, qed jistedinkom biex issiru tafu lil Ibnu Ġesù Kristu, permezz tal-Iskrittura, jew forsi permezz ta’ xi ħabib jew xi ħadd minn qrabatkom…., xi nannu jew nanna, li jitsgħu jkunu persuni ta’ fidi, biex tiskopru kemm hu importanti għalina lkoll li nkunu konxji mill-preżenza t’Alla fi qlubna, dik ix-xewqa ta’ mħabba f’ħajjitna, biex infittxu verament u biex insibu modi li bihom inkunu nistgħu nagħmlu xi ħaġa b’ħajjitna sabiex inservu lill-oħrajn.

U f’dak is-servizz lill-oħrajn nistgħu niskopru illi, meta l-ħbiberija tgħaqqadna, meta nibnu komunitajiet, aħna wkoll inkunu nistgħu nsibu l-veru tifsir ta’ ħajjitna.  Waqtiet ta’ ansjetà, ta’ solitudni….  Tant persuni batuti minħabba diversi esperjenzi ta’ dipressjoni jew swied il-qalb jistgħu jindunaw li l-imħabba t’Alla verament għadha s-setgħa li tfejjaq, li ġġib it-tama u li fir-realtà, li ninġabru flimkien bħala ħbieb, bħala aħwa, f’komunità, fil-parroċċa, f’esperjenza mgħejxha flimkien fil-fidi, nistgħu niskopru li l-grazzja tal-Mulej, tista’ tfejjaqna verament, tista’ ttina l-forza li neħtieġu biex inkunu dik l-għajn ta’ tama li lkoll għandna bżonn f’ħajjitna.

Meta naqsmu bejnietna dal-messaġġ ta’ tama – billi nissensibilizzaw, inservu, infittxu modi biex lid-dinja tagħna nagħmluha aħjar – insibu lkoll il-veru ħajja u nkunu sinjal ta’ tama għad-dinja kollha.

Liż-żgħażagħ li hawn miġburin nixtieq għal darb’oħra ngħidilhom li huma t-tama għal ħafna minna.  Id-dinja tħares lejkom waqt li intom tħarsu madwarkom u tgħidu: għandna bżonnkom, irridukom magħna biex flilmkien inwettqu dil-missjoni – bħala Knisja u wkoll fis-soċjetà – li nħabbru messaġġ ta’ tama vera u nippromwovu l-paċi, nippromwovu l-armonija bejn il-popli kollha.

Ħarsitna trid tmur ‘l hinn mill-atteġġjamenti egoistiċi – jekk nistgħu nsejħulhom hekk!  Għandna nfittxu metodi biex ningħaqdu u nippromwovu messaġġ ta’ tama.  Santu Wistin jgħidilna li jekk irridu li d-dinja tkun aħjar, hemm bżonn nibdew minna nfusna, mill-qalb tagħna (cfr Diskors 311; Kumment dwar l-Evanġelju ta’ San Ġwann, Omilija 77).

Hekk, f’das-sens, waqt li intom tingħaqdu bħala komunità ta’ fidi intom u tiċċelebraw fl-arċidjoċesi ta’ Chicago, waqt li toffru l-esperjenza ta’ ferħ u tama tagħkom, tistgħu tiskopru li intom ukoll verament fanali tat-tama.  Dak id-dawl, li forsi fuq ix-xefaq mhux faċli tinduna bih; madankollu, aktar ma nissaħħu fl-għaqda bejnietna, aktar ma’ nsiru komunjoni, niskopru li dak id-dawl isir dejjem aktar qawwi.  Dak id-dawl li, fir-realtà, hu l-fidi tagħna f’Ġesù Kristu.  U aħna nistgħu nsiru dak il-messaġġ ta’ tama, biex inġibu l-paċi u l-għaqda fid-dinja kollha.

Ilkoll ngħixu mal-ħafna mistoqsijiet li nġorru fi qlubna.  Santu Wistin jitkellem tant spiss dwar il-qalb tagħna “li m’għandhiex serħan” u jgħid: “qalbna ma ssibx serħan jekk ma tistrieħx fik, Mulej” (Confessioni 1,1,1).  Din l-ansjetà mhix ħaġa negattiva, u aħna m’għandniex infittxu l-mod kif nitfu n-nar biex neliminawha, jew saħansitra, nilluppjaw ruħna  għat-tensjonijiet li nħossu fina, għad-diffikultajiet li nġarrbu fi qlubna.  Pjuttost, għandna nidħlu f’kuntatt ma’ qlubna u nagħrfu li Alla jista’ jaħdem f’ħajjitna u permezz ta’ ħajjitna u permezz tagħna, jilħaq persuni oħra.

Nixtieq intemm dal-messaġġ qasir lilkom ilkoll bi stedina biex tkunu verament dak id-dawl ta’ tama.  “It-tama ma tqarraqx” jgħid San Pawl fl-ittra lir-Rumani (5,5).  Meta nħares lejn kull wieħed u waħda minnkom, meta nara kif in-nies tinġabar biex tiċċelebra l-fidi tagħha, ninduna kemm għad hemm tama fid-dinja.

F’dis-sena tal-ġublew tat-Tama, Kristu, it-tama tagħna, isejjaħ verament lilna lkoll biex inkunu tassew eżempju ħaj: id-dawl tat-tama fid-dinja tal-lum.

Għalhekk nixtieq nistedinkom biex tieqfu għal ftit ħin u tiftħu qlubkom għal Alla, għall-imħabba t’Alla, għal din il-paċi li l-Mulej biss jista’ jtina.  Ħossu kemm hu profondament sabiħ, kemm hu qawwi, x’tifsir kbir għandha l-imħabba t’Alla f’ħajjitna.  U biex tagħrfu li minkejja li aħna xejn ma nagħmlu biex jistħoqqilna l-imħabba t’Alla, Alla, fil-ġenerożità tiegħu, ikompli jsawwab imħabbtu fuqna.  U waqt li jtina mħabbtu, jitlobna biss li nkunu ġenerużi u naqsmu ma’ ħaddieħor dak li tana.

Jalla tkunu verament dejjem imberkin intom u tinġabru għal diċ-ċelebrazzjoni.  Jalla l-imħabba u l-paċi tal-Mulej jinżlu fuqkom ilkoll, fuq il-familji tagħkom u Alla jbierek lil kulħadd sabiex dejjem tkunu fanali ta’ tama, sinjali ta’ tama u paċi għad-dinja kollha.

U l-barka t’Alla li jista’ kollox, il-Missier, l-Iben u l-Ispirtu s-Santu tinżel fuqkom u tibqa’ magħkom għal  dejjem.  Ammen.

Miġjub għall-Malti minn Joe Huber

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading