SAN ĠWANN IL-BATTISTA U T-TAMA

Kitba ta’ Angelo Xuereb

Meta nitkellmu dwar San Ġwann il-Battista ma nistgħux ma niftakrux li huwa l-prekursur tat-tama.

1 • Il-messaġġ tiegħu kien wieħed ta’ tama

Il-messaġġ tiegħu kien wieħed ta’ tama speċjalment meta kien jipprietka: “Indmu, għax qorbot is-saltna tas-smewwiet” (Mt 3, 2). L-istennija tal-Messija tiddomina t-Testment il-Qadim kollu sa mill-Ġenesi. U l-profeti filwaqt li attakkaw il-ħażen u l-inġustizzji ta’ żmienhom ħabbru żmenijiet aħjar fejn kellha sseħħ is-salvazzjoni.

Il-mod ta’ ħajja li kien jgħix il-Battista kienet ukoll waħda ta’ tama. L-ispirtu tad-dinja jgħidlek biex toqgħod f’dar sabiħa, tilbes sabiħ, u tiekol ikel mill-aħjar. Iżda Ġwanni l-Battista kien jgħix bil-maqlub ta’ dan. Kien jgħammar fid-deżert bla ebda kumditajiet, jilbes libsa ta-xagħar tal-ġemel u ħżiem madwar ġenbejh filwaqt li l-ikel tiegħu kien ġradijiet u ikel selvaġġ; li huwa l-ikel ta’ dawk li jgħixu fid-deżert. Bl-istil ta’ ħajtu Ġwanni l-Battista ried juri li t-tama ta’ tikkonsistix fi ħwejjeġ materjali iżda wkoll spiritwali.

Huwa kien jipprietka l-konverżjoni tal-qalb u jgħammed: “magħmudija ta’ indiema għall-maħfra tad-dnubiet”(Mk 1,4). Din it-tħabbira ġabet tama mill-akbar tant li anki ħafna Fariżej u Saduċej kienu jmorru għall-magħmudija tiegħu. Iżda huwa kien iebes magħhom tant li kien jgħidilhom: “Ja nisel ta’ lifgħat, min għallimkom taħarbu mill-qilla li ġejja? Agħmlu mela, frott li jaqbel mal-indiema” (Mt 3, 7-8). B’dan il-mod kien inislilhom tama biex itejbu ħajjithom billi ma joqgħodux jeħlu ma’ xi liġijiet partikulari iżda jagħmlu bidla f’qalbhom.

Il-bidla fil-qalb iġġib il-paċi għax il-bniedem jara l-limiti tiegħu filwaqt li jara l-kobor ta’ Alla li fih għandna kontinwament nittamaw. Il-Battista ma kkoreġiex biss lil dawn iżda ukoll lill-għonja, il-pubblikani u s-suldati. Lil tal-ewwel qalilhom biex jagħtu ilbies u ikel lil min ma għandux, it-tieni grupp ta’ nies qalilhom biex ma jisirqux filwaqt li s-suldati wissihom biex jikkuntentaw bil-paga tagħhom u ma jippruvawx jagħmlu qliegħ inġust.

B’hekk il-Battista ħeġġeġ għal konverżjoni morali u spiritwali tal-poplu kollha bi tħejjija għall-miġja ta’ Kristu. Din il-missjoni tal-Battista nsibuha mħabbra fil-Benedictus: “U int, tfajjel, tissejjaħ profeta tal-Ogħla, għax timxi quddiem il-Mulej, biex tħejjilu t-triq, biex tgħarraf lill-poplu tiegħu triq il-ħelsien” (Lq 1, 76-77). Ġwanni tant deher kbir u nissel tama li l-poplu beda jaħseb li huwa l-Messija.

2• Tama fil-Messija

Iżda dan il-profeta, li jgħaqqad iż-żmien tal-istennija mal-miġja tal-Messija, ma tkabbarx u baqa’ umli. Ma tqarraqx li huwa l-Messija iżda kellu tama aqwa minn dik tal-profeti l-oħra billi kien konvint li s-saltna ta’ Alla waslet. Il-Battista kien konxju ħafna ta’ dan: “Jien ngħammidkom bl-ilma; imma jiġi min hu aqwa minni, li ma jistħoqqlix inħollu l-qafla tal-qorq tiegħu; hu jgħammidkom bl-Ispirtu u s-Santu u n-nar” (Lq 3, 16).

Il-qofol tal-missjoni ta’ Ġwanni l-Battista kienet meta qal għal Kristu: “Ara il-ħaruf ta’ Alla , li jneħħi d-dnub tad-dinja” (Ġw 1, 29) u meta fuq l-insistenza ta’ Kristu għammdu fix-xmara Ġurdan.

It-tama li xandar kienet mibnija totalment iddur fuq il-miġja ta’ Kristu. Mhux ta’ b’xejn li l-Liturġija tal-Kelma tagħti importanza kbira lill-predikazzjoni tal-Battista fi żmien l-Avvent. Għalhekk kienet tama totalment spiritwali filwaqt li kien konxju li l-predikazzjoni tiegħu setgħet iġġibu fl-inkwiet. Fl-Evanġelju ta’ San Luqa nsibu miktub li Erodi, imwiddeb minn martu Erodja u minħabba d-deni kollu li għamel tefa’ lil Ġwanni l-ħabs. 

It-tama tan-nisrani mhix f’xi ħwejjeġ jew sigurtajiet ta’ din id-dinja iżda fi Kristu li minħabba dnubietna sofra l-passjoni u l-mewt. U proprju l-Battista emmen dan. Meta kien il-ħabs il-Battista bagħat lid-dixxippli tiegħu għand Kristu biex jurihom min kien il-Messija. Hawn min jgħid li dan il-qaddis għadda minn xi dubji iżda Sant’Ambroġ jgħidilna: “Huwa ma staqsiex għax iddubita iżda biex jiddirieġi d-dixxipli tiegħu għand Kristu”. Avolja fit-tbatijiet il-fjamma tat-tama f’Ġesù baqgħet tixgħel.

3 • It-tama nisranija hija vera tama mhux ottimizmu falz

It-tama f’Ġesù ma tiddiżapuntaniex. U proprju Ġesù bagħat messaġġ ta’ tama lil Ġwanni permezz tad-dixxippli li huwa l-veru Messija billi qalilhom: “Morru ħabbru lil Ġwani dak li tisimgħu u taraw; il-għomja jaraw, iż-żopop jimxu, l-imġiddmin ifiqu; it-torox jisimgħu, il-mejtin iqumu, lill-imsieken titħabbar l-aħbar it-tajba” (Mt 11, 4-5).

F’dinja mimlija għawġ, materjaliżmu, inġustizzji u kultant anki qtigħ il-qalb, il-messaġġ ta’ Ġwanni l-Battista ta’ konverżjoni u tama fi Kristu għandha tagħmlilna kuraġġ. Ngħixu ħajja ta’ konverżjoni kontinwa u nafdaw fi Kristu. U b’hekk it-tama naturali li hemm fil-bniedem tinbidel għal waħda soprannaturali li ssib l-milja tagħha fil-ħajja ta’ dejjem. B’hekk tkun tama genwina li teskludi ottimiżmu falz.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading