Indirizz tal-Papa Ljun XIV lill-Membri tal-Unjoni Inter-parlamentari internazzjonali.

INDIRIZZ TAL-PAPA LJUN XIV
LILL-MEMBRI TAL-UNJONI INTER-PARLAMENTARI INTERNAZZJONALI

Sala tal-Benedizzjonijiet
Is-Sibt, 21 ta’ Ġunju, 2025

Madam President tal-Kunsill tal-Ministri,
Sur President tal-Kamra tad-Deputati tar-Repubblika tal-Italja,
Sinjuri Presidenti u Segretarju Ġenerali tal-Unjoni Inter-Parlamentari,
Distinti Rappreżentanti tal-Istituzzjonijiet Akkademiċi u Mexxejja Reliġjużi,

Hu pjaċir tiegħi li qed niltaqgħu fil-kuntest tal-Konferenza tal-Unjoni Inter-Parlamentari, waqt dan il-Ġublew tal-Gvernijiet.  Nagħti merħba minn qalbi lill-membri u lid-Delegazzjonijiet minn tmienja u sittin pajjiż differenti, u partikolarment, lill-Presidenti tal-Istituzzjonijiet Parlamentari rispettivi.

Bir-raġun il-politika ġiet deskritta bħala “l-għola forma ta’ karità” kif kien qal il-Papa Piju XI (Indirizz lill-Federazzjoni Taljana tal-Universitajiet Kattoliċi, 18 ta’ Diċembru, 1927).  Fil-fatt meta nqisu s-servizz li l-ħajja politika tagħti lis-soċjetà u lill-ġid komuni, nistgħu verament inqisuha bħala att ta’ mħabba nisranija, li qatt mhi sempliċi teorija, iżda dejjem sinjal konkret u xhieda tal-attenzjoni bla heda li Alla għandu għall-ġid tal-familja umana (cf. Franġisku, Enċiklika Fratelli tutti, 176-192).

Rigward dan, dalgħodu nixtieq naqsam magħkom tliet kunsiderazzjonijiet li fil-fehma tiegħi huma importanti fil-kuntest kulturali attwali.

L-ewwel waħda hi dwar ir-responsabbiltà tal-promozzjoni u l-protezzjoni, indipendentement minn interessi speċifiċi, tal-ġid tal-komunità, il-ġid komuni, partikolarment bid-difiża tal-vulnerabbli u l-emarġinati.  Dan ikun ifisser, per eżempju, ħidma biex ikun megħlub l-isproporzjon inaċċettabbli bejn il-ġid enormi li jinsab f’idejn il-ftit u l-foqra tad-dinja (cf Ljun XIII, Enċiklika Rerum Novarum, 15 ta’ Mejju, 1891, 1).  Dawk li jgħixu f’kundizzjonijiet estremi jitħabtu biex isemmgħu leħinhom u spiss ma jsibu ebda widna lesta tagħti widen għall-karba tagħhom.  Dan l-iżbilanċ jiġġenera sitwazzjonijiet ta’ inġustizzja persistenti, li malajr tressaq lejn il-vjolenza, u, illum jew għada, lejn it-traġedja tal-gwerra. Politika bis-sens, min-naħa l-oħra, li tippromwovi tqassim ekwu tar-riżorsi, tista’ toffri servizz effettiv għall-amonija u l-paċi kemm fuq livell lokali u wkoll fil-qasam internazzjonali.

It-tieni riflessjoni hi dwar il-libertà reliġjuża u d-djalogu inter-reliġjuż.  Dal-qasam għandu tifsir ferm kbir fil-preżent, u l-ħajja politika tista’ tkun ta’ fejda kbira għal dan il-għan jekk toħloq u ssostni kundizzjonijiet xierqa biex il-libertà reliġjuża tkun awtentika u l-laqgħa bejn komunitajiet ta’ reliġjonijiet differenti tiżiluppa għax tkun rispettuża u kostruttiva.  It-twemmin f’Alla, bil-valuri pożittivi li jitnisslu minnu, hu sors bla qies ta’ tjubija u verità għall-ħajja tal-individwi u tal-komunitajiet.  Santu Wistin kien tkellem dwar in-neċessità li ngħaddu minn mill-amor sui – amor propju egoista, mijopiku u distruttiv – lejn l-amor Dei – imħabba ħielsa u ġeneruża, b’għeruqha f’Alla, li tmexxi lejn l-għotja tal-persuna.  Dik il-qabża – kien għallem – hija essenzjali għall-bini taċ-Civitas Dei, soċjetà li l-liġi fundamentali tagħha hi l-karità (cf. De Civitate Dei XIV, 28).

Biex ikun hemm punt ta’ riferenza maqbul, u biex a priori ma titwarrab ebda kunsiderazzjoni ta’ traxxendenza fil-proċessi deċiżjonali, tkun ta’ għajnuna t-tfittxija ta’ element li jgħaqqad lil kulħadd.  Għal dan il-għan, punt ta’ referenza essenzjali hi l-liġi naturali li ma kinitx miktuba minn id il-bniedem imma hi aċċettata bħala valida f’kull żmien u mkien, li l-argument l-aktar plawsibbli u konvinċenti tagħha jinsab fin-natura nfisha.  Fi kliem Cicero, li diġà mill-qedem kien esponent ta’ awtorità ta’ dil-liġi, nikkowta minn De Re Publica: “Il-liġi naturali hi bir-raġun, bi qbil man-natura, universali, kostanti u eterna, u bl-għamar tagħha tistedinna nagħmlu dak li hu sewwa u bil-projbizzjonijiet tagħha tgħinna nitbiegħdu mill-ħażen…  Ebda tibdil ma jista’ jsir lil dil-liġi u ebda parti minnha ma tista’ titneħħa, u lanqas tista’ tkun abolita għal kollox; ma nistgħux ninħelsu minnha la peremzz tas-Senat u lanqas permezz tal-poplu, u lanqas hemm bżonn infittxu lil min iżid magħha jew jinterpretaha.  U m’għandha ssir ebda liġi la f’Ruma u lanqas f’Ateni, la issa u lanqas aktar ‘il quddiem, għax il-popli għandhom ikunu ggvernati dejjem minn dil-liġi eterna li ma tinbidilx (III, 22).

Il-liġi naturali valida universalment, lil hinn minn dak li għadni kif għidt u minn twemmin ieħor dibattibbli, hi l-boxxla li biha nsibu d-direzzjoni tal-azzjoni u leġiżlazzjoni, partikolarment fejn jidħlu kwistjonijiet etiċi pressanti li llum, aktar minn qabel, jolqtu l-ħajja personali u privata.

Id-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, approvata u mxandra mill-Ġnus Magħquda fl-10 ta’ Diċembru, 1948, issa tifforma parti mill-wirt kulturali tal-umanità.  Dan it-test, li dejjem baqa’ rilevanti, hu ta’ kontribut kbir biex il-persuna umana fl-integrità invjolabbli tagħha, titqiegħed fis-sies tat-tfittxija tal-verità, u b’hekk trodd lura d-dinjità lil min ma jħossux rispettat fl-intimu u fl-esiġenzi tal-kuxjenza tiegħu.

Dan iwassalna għat-tielet kunsiderazzjoni.  Il-livell ta’ ċivilizzazzjoni fid-dinja tagħna u l-miri mitluba minnkom qed jiffaċċjaw sfida kbira mill-intelliġenza artifiċjali.  Dan hu żvilupp li żgur għandu jkun ta’ għajnuna kbira għas-soċjetà, dejjem jekk l-użu ta’ dan l-istrument ma jimminax id-dinjità tal-persuna umana u d-drittijiet fundamentali tal-libertà tagħha.  M’għandniex ninsew li l-intelliġenza artifiċjali hi strument ta’ siwi għall-ġid tal-bnedmin, u mhux biex tiżvalutah, mhux biex teħodlu postu.  Dak li qed jiġri fil-fatt hu sfida sinifikanti, sfida li titlob attenzjoni kbira u ħarsa fit-tul sabiex, anki fil-kuntest tax-xenari l-ġodda, tipproġetta stili ta’ ħajja sani u ġusti, speċjalment għall-ġid tal-ġenerazzjonijiet iż-żgħar.

Il-ħajja personali tagħna għandha valur akbar minn kull algoritmu, u r-relazzjonijiet soċjali jeħtieġu spazji għall-iżvilupp li jittraxxendu bil-kbir il-mudelli limitati li tista’ toffri ‘ready-made’ magna bla ruħ.  Ma ninsewx li waqt li għandha l-possibbiltà li taħżen miljuni ta’ data u twieġeb bosta mistoqsijiet fi ftit sekondi, l-intelliġenza artifiċjali dejjem se tibqa’ tkun “memorja statika” li bl-ebda mod ma tista’ titqabbel ma’ dik tal-bnedmin.  Min-naħa l-oħra, il-memorja tagħna hi kreattiva, dinamika, ġenerattiva, bil-ħila li tgħaqqad flimkien l-imgħoddi, il-preżent u l-ġejjieni hi u tfittex li ssib sens, bl-implikazzjonijiet etiċi u eżistenzjali marbutin miegħu (cf Franġisku, Indirizz lis-Sessjoni dwar l-Intelliġenza Artifiċjali tal-G7, 14 ta’ Ġunju, 2024).

Il-politika ma tistax tinjora sfida ta’ dan il-proporzjon.  Għall-kuntrarju, għandha sejħa biex tagħti tweġiba lil bosta ċittadini li leġittimament iħarsu lejn dil-kultura diġitali ġdida bil-fiduċja u bi preokkupazzjoni.

Fil-Ġublew tas-Sena 2000, San Ġwanni Pawlu II kien ippreżenta lil San Tumas More bħala mudell u xhud għall-mexxejja politiċi biex iqimuh u jitolbu l-interċessjoni tiegħu biex iħares ix-xogħol tagħhom.  San Tumas More kien bniedem leali lejn ir-responsabbiltajiet ċiviċi tiegħu, qaddej tal-Istat perfett propju minħabba l-fidi tiegħu għax il-politika ma kienx iqisha professjoni imma missjoni biex jixterdu l-verità u t-tjubija.  Il-ħidma pubblika tiegħu  “qegħeda għas-servizz tal-persuna, speċjalment id-dagħjfa u l-fqira; il-kwistjonijiet soċjali kien jaqtagħhom b’sens kbir ta’ ġustizzja; kien jipproteġi u jiddefendi l-familja b’saħħtu kollha; kien promotur tal-edukazzjnni integrali għaż-żgħażagħ” (Ittra App. E Sancti Thomae Mori, 31 ta’ Ottubru, 2000, 4).  Il-kuraġġ li wera meta kien lest li jippreferi jagħti ħajtu milli jittradixxi l-verità jagħmlu, għalina wkoll illum, martri tal-libertà u tal-primat tal-kuxjenza.  Jalla l-eżempju tiegħu ikun sors ta’ ispirazzjoni u gwida għalikom ilkoll!

Nisa u rġiel distinti, irroddilkom ħajr li żortuni.  Jiena noffrilkom xewqat sbieħ u talb għal ħidmitkom, għalikom u għall-maħbubin tagħkom.  Nitlob lil Alla jsawwab fuqkom barkiet abbundanti.

Grazzi lilkom ilkoll.  Il-barka t’Alla tinżel fuqkom u fuq xogħolkom.  Grazzi.

Miġjub għall-Malti minn Joe Huber

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading